LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/08 pp. 8-9
  • Fl-Art tal-Banjijiet Sħan

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fl-Art tal-Banjijiet Sħan
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ġeoloġija taʼ Dan il-​Post
  • Ir-Riti tal-Ħasil tal-Lhud—Wittew it-Triq għall-Magħmudija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • L-akwidotti Rumani—Meravilji tal-inġinerija
    Stenbaħ!—2014
  • Ix-xmara Danubju Li Kieku Tistaʼ Titkellem!
    Stenbaħ!—1999
  • “Ieqfu lix-Xitan”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2008
g 4/08 pp. 8-9

Fl-​Art tal-​Banjijiet Sħan

IKTAR minn 2,000 sena ilu, iċ-​Ċelti bnew post fejn jgħixu viċin diversi nixxigħat taʼ ilma minerali u semmewh Ak-Ink, li jfisser “Ilma Abbundanti.” Illum, Ak-Ink huwa magħruf bħala Budapest—il-​belt kapitali taʼ l-​Ungerija u waħda mill-​eqdem bliet fl-​Ewropa. L-​ewwel nies li marru jgħixu f’dan il-​post kultant kienu jmorru u jieħdu pjaċir jgħumu jew jistrieħu fin-​nixxigħat taʼ ilma sħun, li kienu rifreskanti u jtaffu l-​uġigħ.

Fl-ewwel seklu E.K., din il-​parti taʼ l-​Ewropa waqgħet taħt il-​ħakma Rumana. Ir-​Rumani kabbru dan il-​post u fih bnew kamp militari, li sejħulu Aquincum. Jingħad li l-​isem ġej jew mill-​kelma Ċeltika għal ilma jew mill-​espressjoni Latina aqua quinque, li tfisser “ħames ilmijiet.” Ir-​Rumani bnew akwidotti, sistemi tad-​dranaġġ, u banjijiet, kemm privati u kemm pubbliċi. Għalhekk, il-​banjijiet taʼ Budapest għandhom storja twila.

Sekli wara li l-​Imperu Ruman qabad it-​triq għan-​niżla, il-​banjijiet reġgħu saru popolari. Fis-​seklu 15, kittieba taʼ dak iż-​żmien faħħru l-​banjijiet taʼ ilma sħun viċin il-​belt kapitali taʼ l-​Ungerija, u b’hekk kabbru l-​popolarità tal-​belt. Jingħad li r-​Re Matthias Corvinus, li ħakem l-​Ungerija mill-​1458 sa l-​1490, għaqqad l-​għajn taʼ ilma favorita tiegħu, il-​Banju Rácz, mal-​kastell irjali permezz taʼ passaġġ imsaqqaf. B’hekk, l-​għajn setgħet tintlaħaq kien x’kien it-​temp.

Matul is-​16 u s-​17-il seklu, it-​Torok ħadu f’idejhom parti kbira mill-​Ungerija, inkluż il-​belt kapitali tagħha. Huma bnew kmamar imsaħħnin bil-​fwar u banjijiet taʼ ilma sħun, li t-​tnejn li huma għandhom użu importanti fil-​ħasil ċerimonjali Islamiku u huma parti essenzjali tal-​ħajja soċjali Torka. Il-​banjijiet mill-​isbaħ tat-​Torok kienu menqiet b’soqfa forma taʼ koppla u mdawrin bit-​turġien. L-​ilma kien ilaħħaq sa l-​ispallejn. Kien hemm banjijiet u postijiet fejn setgħu jistrieħu madwar il-​menqiet u kienu jintużaw mill-​irġiel u n-​nisa separatament. Ftit minn dawn il-​banjijiet għadhom jintużaw sa llum.

Fl-1673, kitba dwar l-​ivvjaġġar iddeskriviet il-​banjijiet fil-​post issa magħruf bħala Budapest bħala li huma fost l-​aqwa fl-​Ewropa. Dan minħabba “l-​abbundanza taʼ nixxigħat taʼ ilma sħun u l-​kapaċità tagħhom li jfejqu, kif ukoll minħabba d-​daqs tal-​bini fejn jinħaslu u s-​sbuħija tiegħu.” Fid19-il seklu, tip ieħor taʼ ħasil sar popolari fin-​nixxigħat taʼ Budapest meta l-​kmamar tal-​fwar stil Finlandiż, jew sawni, saru iktar magħrufin. Maż-​żmien, flimkien mal-​banjijiet taʼ Budapest ġew miżjudin sawni, kmamar tal-​fwar, u menqiet taʼ ilma kiesaħ.

Il-​Ġeoloġija taʼ Dan il-​Post

Xi 70 miljun litru taʼ ilma jgelgel kuljum mill-​123 nixxiegħa taʼ ilma sħun u l-​400 nixxiegħa taʼ ilma morr taʼ Budapest. Minfejn ġejja din l-​abbundanza taʼ ilma? It-​tweġiba tinsab fil-​ġeoloġija taʼ dan il-​post.

Ix-Xmara Danubju, li tgħaddi minn Budapest, tissepara l-​għoljiet taʼ Buda li jinsabu fuq in-​naħa tal-​punent tax-​xmara, mill-​pjanuri ċatti u baxxi taʼ Pest li jinsabu fuq in-​naħa tal-​lvant tagħha. Xi darba żmien twil ilu, il-​baħar kien jgħatti dan il-​post u ħalla fdalijiet taʼ ġebel tal-​ġir u dolomit. Dan il-​blat kien miksi b’saffi taʼ tafal, marlstone (ġebel magħmul mit-​tafal u l-​ġir), ramel, u faħam.

Minħabba xquq f’wiċċ l-​art, l-​ilma tax-​xita u tan-​nida setaʼ jippenetra ’l isfel fl-​art, fejn blat jaħraq mimli minerali jsaħħan l-​ilma. L-​ilma, li issa sar jaħraq u bi pressjoni kbira, joħroġ igelgel b’saħħa lura lejn wiċċ l-​art, jew mix-​xquq jew mill-​bjar.

Din il-​kundizzjoni ġeoloġika ma tinsabx biss f’Budapest imma wkoll madwar l-​Ungerija kollha. Għalhekk, ħafna postijiet fil-​pajjiż fihom ilmijiet mimlijin minerali u banjijiet mill-​isbaħ, u hemm min jemmen li dawn jistgħu jfejqu.a

Nixxigħat taʼ ilma sħun ilhom miżmumin b’għożża f’ħafna partijiet tad-​dinja. Is-​sejba tagħhom fix-​xagħri tas-​Segħir, bejn il-​Baħar il-​Mejjet u l-​Golf t’Aqaba, saħansitra ssemmiet fiż-​żminijiet tal-​patrijarki Bibliċi.—Ġenesi 36:24.

Il-bniedem għad għandu ħafna x’jitgħallem dwar il-​pjaneta li ngħixu fuqha, imżejna b’ħafna affarijiet kumplessi. Alla kif poġġa l-​pedament taʼ l-​art u għamel l-​affarijiet kollha taʼ l-​għaġeb li hemm fiha? Il-​ħsieb fil-​fond fuq mistoqsijiet bħal dawn iqanqal lil nies li għandhom il-​biżaʼ t’Alla biex tassew jimmeraviljaw ruħhom bl-​għerf infinit li għandu l-​Ħallieq.—Ġob 38:4-6; Rumani 1:20.

[Nota taʼ taħt]

a Ir-rivista Stenbaħ! ma tappoġġax xi kura medika partikulari.

[Stampa f’paġna 9]

Banju sħun fil-​lukanda Gellért

[Stampa f’paġna 8]

Il-​Banjijiet Rudas, mibnijin mit-​Torok

[Stampa f’paġna 9]

Il-​Banjijiet Széchenyi matul ix-​xitwa

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 8]

Ir-​ritratti kollha: Courtesy of Tourism Office of Budapest

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja