LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 10/15 pp. 12-13
  • Ir-Riti tal-Ħasil tal-Lhud—Wittew it-Triq għall-Magħmudija?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ir-Riti tal-Ħasil tal-Lhud—Wittew it-Triq għall-Magħmudija?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Banjijiet għar-​Riti tal-​Ħasil tal-​Lhud
  • Il-​Liġi u t-​Tradizzjoni dwar il-​Ħasil
  • Ir-​Riti tal-​Ħasil u l-​Magħmudija Kristjana
  • Għala Titgħammed?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • It-Tifsira tal-Magħmudija Tiegħek
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • It-Tifsira tal-Magħmudija Tiegħek
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • X’Inhi l-Magħmudija?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 10/15 pp. 12-13

Ir-​Riti tal-​Ħasil tal-​Lhud—Wittew it-​Triq għall-​Magħmudija?

ĠWANNI L-​GĦAMMIED ippriedka “l-​magħmudija b’simbolu taʼ l-​indiema.” Ġesù wkoll ikkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli u biex jgħammduhom.​—Marku 1:4; Mattew 28:19.

Il-Bibbja tindika li l-​magħmudija Kristjana teħtieġ tgħaddis komplet taħt l-​ilma. “Riti simili,” jgħid il-​ktieb Jesus and His World, “tistaʼ tarahom f’ħafna reliġjonijiet, kemm fil-​passat kif ukoll fil-​preżent, f’ħafna pajjiżi u kulturi differenti.” Il-​ktieb jisħaq li “l-​oriġini tal-​magħmudija Kristjana . . . ġejja mill-​Ġudaiżmu.” Kemm hi minnha din l-​istqarrija?

Banjijiet għar-​Riti tal-​Ħasil tal-​Lhud

Xi arkeoloġi li kienu qed iħaffru qrib l-​għolja fejn kien hemm it-​tempju taʼ Ġerusalemm skoprew kważi mitt menqa, jew banjijiet li kienu jintużaw għall-​ħasil ritwali, li jmorru lura sa l-​ewwel seklu Q.E.K. u l-​ewwel seklu E.K. Skrizzjoni f’sinagoga tat-​tieni jew it-​tielet seklu E.K. titkellem dwar banjijiet bħal dawn li kienu disponibbli għall-​“viżitaturi li setgħu jiġu bżonnhom.” Banjijiet oħrajn instabu fl-​inħawi taʼ Ġerusalemm fejn kienu joqogħdu familji sinjuri u familji tal-​qassisin; kważi kull dar kellha l-​banju ritwali privat tagħha.

Il-banjijiet kellhom forma rettangolari maqtugħin mill-​blat jew imħaffrin fl-​art u miksijin biċ-​ċangaturi jew bil-​ġebel. Dawn kienu jiġu mkaħħlin sabiex ma joħroġx l-​ilma minnhom. Il-​maġġuranza minnhom kien fihom madwar sitt piedi b’disaʼ piedi. L-​ilma tax-​xita kien jasal ġol-​banjijiet permezz taʼ kanali. Mill-​inqas, l-​ilma kien fond erbaʼ piedi sabiex in-​nies setgħu jinżlu kompletament taħt l-​ilma billi jitbaxxew. F’nofs it-​taraġ li jwassal ’l isfel lejn l-​ilma kultant kien ikun hemm ċint baxx. Huwa maħsub li naħa minnhom fit-​taraġ kienet tintuża biex dak li jkun jidħol fil-​banju tal-​purifikazzjoni, u l-​oħra biex joħroġ, u b’hekk jevita li jitniġġes.

L-użu tal-​banjijiet kien marbut mar-​rit tal-​purifikazzjoni tal-​Lhud. Dan x’kien jinvolvi?

Il-​Liġi u t-​Tradizzjoni dwar il-​Ħasil

Il-​Liġi Mosajka enfasizzat il-​bżonn li n-​nies t’Alla jkunu nodfa, kemm spiritwalment kif ukoll fiżikament. L-​Iżraelin kienu jġibu fuqhom diversi forom taʼ nuqqas taʼ ndafa li minnhom kellhom jippurifikaw ruħhom billi jaħslu ġisimhom u ħwejjiġhom.​—Levitiku 11:28; 14:​1-9; 15:​1-31; Dewteronomju 23:​11, 12 (23:​10, 11, NW).

Alla Ġeħova huwa pur u qaddis b’mod assolut. Għalhekk, il-​qassisin u l-​Leviti kien jeħtiġilhom, taħt il-​piena tal-​mewt, li qabel imorru ħdejn l-​artal tiegħu jaħslu idejhom u saqajhom.​—Eżodu 30:​17-​21.

L-istudjużi jemmnu li sa l-​ewwel seklu E.K., ir-​reliġjon stabbilita tal-​Lhud kienet poġġiet il-​ħtiġijiet tal-​ħasil tal-​qassisin anki fuq dawk li ma kinux Leviti. Kemm l-​Esseni u kemm il-​Fariżej kienu jinħaslu b’dawn ir-​riti taʼ spiss. Dwar żmien Ġesù, sors wieħed jirrapporta: “Il-​purità permezz tar-​riti kienet meħtieġa minn xi ħadd Lhudi qabel ma jmur fuq il-​Muntanja tat-​Tempju, qabel ma jagħmel sagrifiċċju, qabel ma jkun jistaʼ jgawdi minn offerta li jagħmillu l-​qassis, u għal skopijiet simili oħrajn.” Kitbiet Talmudiċi jgħidu li min jinħasel kellu jinżel kompletament taħt l-​ilma.

Ġesù kkritika lill-​Fariżej dwar kemm kienu jinsistu fuq ir-​riti biex jindafu. Huma kienu jagħmlu “tgħaddis fl-​ilma taʼ diversi affarijiet,” fosthom dak taʼ “tazzi, buqari, u reċipjenti tar-​ram.” Ġesù qal li l-​Fariżej kisru l-​kmandamenti t’Alla biex jimponu t-​tradizzjonijiet tagħhom stess. (Ebrej 9:10; Marku 7:​1-9; Levitiku 11:​32, 33; Luqa 11:​38-42) Ebda parti mil-​Liġi Mosajka ma kienet teħtieġ tgħaddis komplet fl-​ilma.

Oriġinat il-​magħmudija tal-​Kristjani mir-​riti tal-​ħasil li kienu jagħmlu l-​Lhud? Le!

Ir-​Riti tal-​Ħasil u l-​Magħmudija Kristjana

Il-​Lhud kienu jagħmlu r-​riti tal-​ħasil fuqhom infushom. Madankollu, il-​magħmudija li kien jagħmel Ġwanni l-​Għammied ma kinitx xi tip taʼ ħasil ritwali familjari mal-​Lhud. Il-​fatt li Ġwanni sar magħruf bħala l-​Għammied jindika li t-​tgħaddis li kien jagħmel hu kien differenti. Il-​mexxejja reliġjużi Lhud saħansitra bagħtu lil xi nies biex jistaqsuh: “Int għala tgħammed?”​—Ġwanni 1:25.

It-tindif meħtieġ mil-​Liġi Mosajka kellu jsir kull darba li aduratur ma jibqax nadif. Dan ma kienx japplika għall-​magħmudija li kien jagħmel Ġwanni u lanqas għal dik li kienu jagħmlu l-​Kristjani iktar tard. Il-​magħmudija taʼ Ġwanni kienet tindika l-​indiema u ċ-​ċaħda tal-​mod taʼ ħajja li kienu jgħixu qabel. Il-​magħmudija Kristjana ssimbolizzat il-​fatt li persuna tkun iddedikat lilha nfisha lil Alla. Il-​Kristjan kien jitgħammed darba waħda biss, mhux diversi drabi.

Ir-riti tal-​ħasil li kienu jsiru fid-​djar tal-​qassisin Lhud u fil-​banjijiet pubbliċi qrib il-​Muntanja tat-​Tempju ma kienu xejn ħlief xebh superfiċjali tal-​magħmudija Kristjana. It-​tipi differenti taʼ tgħaddis kellhom tifsir kompletament differenti. The Anchor Bible Dictionary jgħid: “L-​istudjużi jaqblu bejniethom li Ġwanni [l-Għammied] ma ħax jew m’adottax xi magħmudija partikulari min-​nies jew l-​ambjent taʼ madwaru,” jiġifieri, mill-​Ġudaiżmu. L-​istess jistaʼ jingħad għall-​magħmudija li tiġi prattikata fil-​kongregazzjoni Kristjana.

Il-magħmudija Kristjana tirrappreżenta “t-​talba lil Alla għal kuxjenza tajba.” (1 Pietru 3:21) Din tissimbolizza l-​fatt li individwu jiddedika lilu nnifsu kompletament lil Ġeħova biex jaqdi Lilu bħala dixxiplu taʼ Ibnu. It-​tgħaddis komplet fl-​ilma huwa simbolu xieraq taʼ dedikazzjoni bħal din. Il-​fatt li persuna tinżel taħt l-​ilma jfisser li qed tmut għall-​mod taʼ ħajja li kellha qabel. Il-​ħruġ mill-​ilma jissimbolizza li din qed tingħata l-​ħajja mill-​ġdid biex tagħmel ir-​rieda t’Alla.

Alla Ġeħova jagħti kuxjenza nadifa lil dawk li jagħmlu dedikazzjoni bħal din u jitgħammdu. Taħt ispirazzjoni, l-​appostlu Pietru b’hekk setaʼ jgħid lil sħabu fit-​twemmin: “[Il-magħmudija] issa qed issalva lilkom ukoll.” Din hija xi ħaġa li ebda rit Lhudi tal-​ħasil ma jistaʼ qatt jagħmel.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja