LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 11/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jinstabu Ħafna Speċi Ġodda taʼ Għasafar
  • Ħut Storbjuż
  • Il-​Kompjuters —Kemm Jeffettwaw l-​Ambjent taʼ Madwarna
  • Jitilfu l-​Piż jew Jitilfu l-​Flus?
  • It-​Tiżjin mill-​Ġdid Jistaʼ Jagħmel il-​Ħsara lis-​Saħħa tat-​Tarbija
  • It-​Teptipa taʼ l-​Għajn
  • Ix-​Xorb Żejjed Iħalli l-​Effetti Tiegħu
  • L-​Istress u l-​Mard
  • It-​Tfal u l-​Kant
  • Tkellem mat-tfal dwar l-alkoħol
    Għajnuna għall-Familja
  • Żomm Ħarsa Bilanċjata dwar l-Użu taʼ l-Alkoħol
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kif Għandek Tħares Lejn l-Alkoħol?
    It-Torri tal-Għassa: Kif Għandek Tħares Lejn l-Alkoħol?
  • X’Hemm Ħażin f’li Nixrob Iżżejjed?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 11/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Jinstabu Ħafna Speċi Ġodda taʼ Għasafar

“Mill-​1998, f’xi ġurnali xjentifiċi ġew deskritti total taʼ 28 speċi ġodda [taʼ għasafar], u r-​riċerka tistaʼ żżid ħafna iktar mat-​total tad-​dinja taʼ madwar 9,700 [speċi],” tgħid The Independent taʼ Londra. Skond Steve Gantlett, editur tar-​rivista Birding World, “ħafna minn dawn l-​iskoperti jirriżultaw minħabba li d-​dinja qed issir iktar aċċessibbli—l-​ornitologi jistgħu jmorru f’postijiet imbiegħda li ftit taʼ għaxriet taʼ snin ilu bilkemm setgħu jintlaħqu.” L-​iskoperti, jgħid hu, “jirriflettu wkoll il-​kapaċità li l-​ispeċi jintgħarfu mill-​għajta tagħhom—ħafna drabi l-​uniku mod biex tagħrafhom fil-​foresti tropikali mimlijin siġar.” Ix-​xjenzati jemmnu li għad hemm ħafna iktar speċi x’jiskopru. Madankollu, il-​qerda taʼ l-​abitat jistaʼ jqiegħed fil-​periklu lill-​ispeċi li jkunu għadhom kif ġew skoperti “għax in-​numru tagħhom huwa żgħir u jinstabu biss fi nħawi żgħar,” tispjega The Independent.

Ħut Storbjuż

Ir-​riċerkaturi taʼ l-​Istitut Awstraljan tax-​Xjenza Marittima (AIMS) skoprew li l-​ħut, “inkluż iċ-​ċawl, is-​soldierfish u s-​sultan iċ-​ċawl . . . jikkomunikaw permezz taʼ serje taʼ tqażqiż, żaqżiq u tisfir,” tirrapporta l-​gazzetta The West Australian. Din l-​iskoperta tgħinna nispjegaw kif il-​ħut li jkun għadu żgħir, meta jitkaxkar ’il barra mill-​iskoll, jerġaʼ jsib triqtu lura. Ir-​riċerkaturi taʼ l-​AIMS irrekordjaw l-​istorbju li kien hemm maʼ l-​iskoll u reġgħu semmgħuh fin-​nases tal-​ħut. Ix-​xjenzat Dr. Mark Meekan qal lill-​gazzetta li “nġabar iktar ħut li għadu żgħir fin-​nases tal-​ħut li semgħu r-​rikording milli fin-​nases li ma kienx fihom storbju, u dan jindika [li] il-​ħut jinġibed lejn ħsejjes partikulari.” Ir-​riċerkaturi skoprew li xi ħsejjes taʼ ħut li jkun kiber tistaʼ ssibhom sa 15-il kilometru ’l barra. “Fi tlugħ u nżul ix-​xemx,” jgħid Meekan, “il-​kor tal-​ħsejjes tal-​ħut jilħaq il-​quċċata tiegħu li huwa daqs għajta taʼ eluf taʼ ilħna fi stejdjum tal-​futbol.” Madankollu, il-​widnejn tal-​bnedmin ma jistgħux jisimgħu dan il-​“kor.”

Il-​Kompjuters —Kemm Jeffettwaw l-​Ambjent taʼ Madwarna

“Id-​dehra nadifa u tleqq tal-​kompjuter modern ma turix kemm fir-​realtà jeffettwa l-​ambjent taʼ madwarna,” tgħid ir-​rivista New Scientist. Biex issir sempliċi ċipp tal-​memorja bażika u tintuża f’kompjuter li jibqaʼ effiċjenti għal erbaʼ snin, “jiġi konsmat f’kombustibbli 800 mitt darba iktar mill-​piż taċ-​ċipp infisha,” tispjega r-​rivista. L-​analisti fil-​Ġappun, fi Franza, u fl-​Istati Uniti jikkalkulaw li biex issir u tintuża ċipp tal-​memorja taʼ 32-megabyte li tiżen żewġ grammi hemm bżonn minn taʼ l-​inqas 1.6 kilogrammi taʼ kombustibbli. Hemm bżonn ukoll taʼ mill-​inqas 32 kilogramma ilma u 72 gramma taʼ kimiċi tossiċi bħall-​ammonja u l-​aċidu idrokloriku. L-​analisti jikkonkludu: “Dawn iċ-​ċippijiet tal-​memorja huma taʼ piż ħafna akbar fuq l-​ambjent mid-​daqs żgħir tagħhom.”

Jitilfu l-​Piż jew Jitilfu l-​Flus?

“Xi 231 miljun ruħ fl-​Unjoni Ewropea pprovaw jagħmlu d-​dieta fl-​2002,” tistqarr l-​International Herald Tribune taʼ Pariġi. Skond rapport minn Datamonitor, grupp li jsegwi l-​progress fl-​industrija, dawk li għamlu d-​dieta fl-​Ewropa nefqu xi Lm37.5 biljun fuq prodotti tad-​dieta s-​sena l-​oħra—“daqs kemm għamel bejgħ il-​Marokk f’sena.” Madankollu, “inqas minn 4 miljuni se jirnexxilhom jibqgħu mingħajr il-​piż li neħħew għal iktar minn sena,” u “inqas minn wieħed minn kull 50 minn dawk li jagħmlu d-​dieta fl-​Ewropa jiksbu riżultati permanenti,” tgħid il-​gazzetta. Il-​Ġermanja kienet l-​iktar li nefqet, għaliex dawk li għamlu d-​dieta ħallsu kważi Lm8 biljun fi prodotti tad-​dieta, waqt li l-​Britanniċi nefqu mas-​Lm6 biljun. Il-​konsumaturi fl-​Italja nefqu xi Lm5.6 biljun u fi Franza xi Lm5.2 biljun. Skond Datamonitor, tgħid it-​Tribune, “il-​messaġġ li għandhom jieħdu dawk li jagħmlu d-​dieta hu li d-​dieta waħedha m’hijiex soluzzjoni permanenti biex ineħħu l-​piż żejjed.”

It-​Tiżjin mill-​Ġdid Jistaʼ Jagħmel il-​Ħsara lis-​Saħħa tat-​Tarbija

“Jekk in-​nies iżejnu mill-​ġdid id-​dar tagħhom waqt it-​tqala jew ftit wara t-​twelid taʼ tarbija,” jinnota l-​bullettin Ġermaniż Medi-Netz, “it-​tarbija tistaʼ tbati minn irritazzjonijiet fil-​pajp tan-​nifs jew saħansitra minn mard respiratorju matul l-​ewwel ftit xhur taʼ ħajjitha. Issa skoprew li s-​sistema taʼ l-​immunità tat-​tarbija tiġi effettwata wkoll, anki fil-​ġuf, u għalhekk it-​tarbija jkollha riskju akbar li taqbadha xi infezzjoni jew allerġija.” Ir-​riċerkaturi f’għadd taʼ kliniċi u istituti fil-​Ġermanja sabu li l-​kolla, it-​twapet, iż-​żebgħa friska, u l-​għamara ġdida fihom kimiċi li jikkaġunaw il-​problemi. “Il-​kimiċi li jevaporaw malajr, idgħajfu dawk l-​istess ċelluli fis-​sistema taʼ l-​immunità tagħna li jistgħu jipproteġuna mill-​allerġiji,” jgħid Medi-Netz. Rapport simili fir-​rivista GEO jagħti l-​parir li l-​ġenituri jħallu t-​tiżjin mill-​ġdid “għal meta t-​tarbija tagħlaq sentejn,” meta s-​sistema taʼ l-​immunità tagħha tkun iktar b’saħħitha.

It-​Teptipa taʼ l-​Għajn

“Hemm bżonn taʼ eluf taʼ newroni li ġejjin minn 30 gruppi differenti sabiex jipproduċu lmovimenti tal-​kpiepel t’għajnejna,” tispjega l-​gazzetta taʼ Spanja El País. Dawn il-​gruppi tan-​newroni, li jqabbdu “l-​kappell taʼ l-​għajnejn mal-​kortiċi ċerebrali,” ġew identifikati b’mod iktar preċiż minn qatt qabel minn grupp immexxi minn newroxjenzati Spanjoli li studjaw dwar l-​annimali. Il-​kpiepel taʼ l-​għajnejn għala għandhom bżonn varjetà daqshekk kbira u komplikata taʼ newroni? Għaliex mhux dejjem jingħalqu bl-​istess mod u għall-​istess raġuni. Il-​funzjonijiet tal-​kpiepel taʼ l-​għajnejn jinkludu teptip awtomatiku—madwar 15-il darba kull minuta biex il-​kornea tibqaʼ mxarrba—kif ukoll teptip li jseħħ minħabba xi ħaġa li f’daqqa waħda toqrob malajr lejn l-​għajnejn u teptip apposta. Il-​kpiepel taʼ l-​għajnejn jistgħu ma jingħalqux għalkollox, minħabba ċerti emozzjonijiet, jew jingħalqu għalkollox għal ammont taʼ ħin differenti.

Ix-​Xorb Żejjed Iħalli l-​Effetti Tiegħu

“Ix-​xorb żejjed fost in-​nisa u ż-​żgħażagħ ġab żjieda enormi fl-​imwiet kaġunati mill-​alkoħol fil-​Britannja,” tirrapporta l-​gazzetta The Independent taʼ Londra. “L-​imwiet minħabba x-​xorb żejjed irdoppjaw fi żmien 20 sena, l-​iktar minħabba l-​mard kroniku tal-​fwied u ċ-​ċirrożi.” U l-​vittmi huma iżgħar minn qatt qabel. “Għaxar snin ilu l-​akbar età li fiha l-​irġiel u n-​nisa kienu jmutu [minħabba dan] kienet taħt il-​75 sena. L-​aħħar kalkoli għall-​1998-2000 juru li l-​akbar età issa niżlet għal taħt is-​sittin sena,” jistqarr ir-​rapport. Imma l-​effetti taʼ l-​abbuż mill-​alkoħol m’humiex limitati għall-​mard biss. Ġewwa Franza “milli jidher l-​alkoħol huwa responsabbli direttament għal 10 sa 20 fil-​mija taʼ l-​inċidenti fuq ix-​xogħol,” tirrapporta l-​gazzetta Le Monde. Iktar minn hekk, kull sena fi Franza 2,700 ruħ imutu u 24,000 iweġġgħu f’inċidenti tat-​traffiku konnessi max-​xorb żejjed, u xi 30 fil-​mija mill-​atti taʼ vjolenza jinvolvu l-​abbuż mill-​alkoħol. Dan l-​abbuż iġib ukoll telf finanzjarju ġmielu. Le Monde tinnota li fi Franza fl-​1996, huwa stmat li l-​abbuż mill-​alkoħol wassal għal telf finanzjarju li jiswa daqs 17.6 biljun euro (Lm7.2 biljun).

L-​Istress u l-​Mard

“L-​istress u l-​għeja fuq ix-​xogħol iżidu ċ-​ċans taʼ infezzjonijiet qawwija bħall-​irjiħat komuni, mard li jixbah l-​influwenza u l-​gastro-enterite,” skond studju Olandiż li sar fuq iktar minn 8,000 impjegat u li kien rapportat mill-​Organizzazzjoni għar-​Riċerka Xjentifika fl-​Olanda. “L-​istudju wera li min jaħdem f’xogħol li jitlob ħafna minnu jbati mill-​irjiħat 20 fil-​mija iktar spiss minn min jaħdem f’xogħlijiet inqas stressanti.” Affarijiet oħra li jikkontribwixxu għal riskju akbar taʼ infezzjonijiet jinkludu x-​xogħol taʼ bil-​lejl u n-​nuqqas taʼ sigurtà minħabba li l-​kumpanija tiġi organizzata mill-​ġdid. “L-​impjegati li jaħdmu bil-​lejl għandhom riskju akbar li taqbadhom xi infezzjoni milli dawk li jaħdmu matul il-​jum,” jistqarr ir-​rapport.

It-​Tfal u l-​Kant

Il-​kant huwa “mezz importanti kif l-​individwu jesprimi l-​emozzjonijiet tiegħu u dan jgħin fl-​iżvilupp tal-​personalità tat-​tfal,” jikteb l-​ispeċjalista tal-​widnejn, l-​imnieħer, u l-​griżmejn, it-​Tabib Michael Fuchs mill-​Università taʼ Leipzig, fir-​rivista Ġermaniża tas-​saħħa Gesundheit. Madankollu, Fuchs jilmenta li “jidher ċar li l-​kapaċità tal-​kant tat-​tfal naqset f’dawn l-​aħħar 20 sena. Anki l-​ħoss taʼ leħinhom inbidel.” Fuchs jagħti żewġ raġunijiet. L-​ewwel, “illum it-​tfal ikantaw inqas f’darhom. Waqt li l-​familji qabel kienu jqattgħu l-​ħin liberu jkantaw u jdoqqu, illum joqogħdu bil-​qiegħda flimkien quddiem it-​televixin, u l-​mużika jisimgħuha biss.” It-​tieni, meta t-​tfal ikantaw għandhom ħabta jimitaw l-​ilħna maħnuqa tal-​kantanti rock u pop. “It-​tfal jisforzaw wisq lill-​organi vokali tagħhom meta jipprovaw jimitaw lil dawn l-​istilel,” jikteb Fuchs. Dan jistaʼ jwebbsilhom il-​muskoli tal-​larinġi u t’għonqhom. L-​isforz żejjed jistaʼ wkoll irabbilhom l-​għoqod fil-​kordi vokali tagħhom, u għalhekk inaqqas iktar il-​kwalità tal-​vuċi tagħhom.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja