Matusala fuq il-Muntanja
FIL-White Mountains fil-punent taʼ l-Istati Uniti, 3,000 metru fuq il-livell tal-baħar tgħix dik li hi maħsuba li hija l-ixjeħ siġra fid-dinja—siġra taʼ l-arżnu, jew pin, tat-tip Pinus longaeva msejħa s-Siġra taʼ Matusala, magħrufa wkoll bħala r-Raġel ix-Xiħ. Matusala, li għandha iktar minn 4,700 sena, hija l-eqdem membru f’masġar taʼ dan it-tip taʼ arżnu antik li hu magħruf bħala l-Masġar taʼ Matusala.a
Dawn is-siġar jirnexxilhom jgħixu f’ambjent diffiċli. “L-ammont taʼ ilma miġbur huwa inqas minn 30 ċentimetru kull sena, li ħafna minnu jinżel bħala silġ, għalhekk hemm ftit likwidu,” jgħid rapport fil-ġurnal New Scientist. “U s-siġar jikbru fuq id-dolomit, tip taʼ ħaġar tal-ġir li ftit għandu nutrimenti.” Barra minn hekk, “it-temperaturi huma estremi u r-riħ ikun qawwi ħafna.”
Madankollu, dawn l-istess kundizzjonijiet huma fattur għala dawn is-siġar jgħixu ħafna. “It-temp tant hu xott li anki l-virus u l-batterji jsibuha diffiċli biex jgħixu. U l-injam taʼ l-arżnu taʼ dan it-tip tant huwa oħxon u għandu raża li ma jħallix l-insetti qerrieda jidħlu. Is-sajjetti huma taʼ periklu, iżda s-siġar huma ’l bogħod sew minn xulxin għalhekk in-nar ma jinfirixx,” tispjega n-New Scientist.
L-istaġun taʼ tkabbir taʼ dawn is-siġar idum għal 45 ġurnata. Minħabba li jikbru bil-mod ferm, dawn is-siġar jippreservaw lenerġija limitata tagħhom. Iddawra taz-zokk tas-siġra tiżdied ftit iktar minn 25 millimetru kull seklu, u l-weraq tagħha jibqaʼ ħaj għal 30 sena. L-itwal siġra hija għolja madwar 18-il metru. Ir-riċerkaturi jikkalkulaw li hemm mnejn li l-ixjeħ siġar taʼ l-arżnu għandhom ħames sekli oħra x’jgħixu.
Fi snin reċenti, nies li jridu jtawlu l-ħajja umana ħadu interess kbir f’dan it-tip taʼ arżnu, bit-tama li jiskopru x’inhi dik il-ħaġa li tgħin lil din is-siġra biex tibqaʼ tgħix daqshekk. Madankollu, iċ-ċavetta għal ħajja twila tistaʼ ssibha iktar faċilment minn xi ħaġa li tistaʼ ssib fuq muntanja għolja f’siġra xwejħa mgħawġa. L-eqdem ktieb fid-dinja, il-Bibbja, jgħid: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Dan l-għarfien huwa disponibbli għal kulħadd. Għaliex ma tfittix dan għalik innifsek?
[Nota taʼ taħt]
a Matusala, in-nannu taʼ Noè, għex 969 sena—iktar minn kwalunkwe bniedem ieħor imsemmi fil-Bibbja.—Ġenesi 5:27; Luqa 3:36, 37.
[Stampa f’paġna 23]
Waħda mis-siġar taʼ l-arżnu tat-tip “Pinus longaeva” fil-Masġar taʼ Matusala