Il-Ħarsa tal-Bibbja
Tindika l-Ansjetà Nuqqas taʼ Fidi?
“L-ANSJETÀ PROJBITA.” Kmieni fis-seklu 20, wieħed saċerdot kiteb taħt dan it-titlu li l-ansjetà li tiġi minħabba affarijiet materjali mhux talli hi ħażina, talli hi “dnub gravi ħafna.” Iktar reċenti, kummentatur li kiteb dwar li tieqaf tinkwieta u tkun ansjuż qal, “Meta noqogħdu ninkwetaw nuru li ma nafdawx f’Alla.”
Fiż-żewġ każijiet l-awturi waslu għall-konklużjonijiet tagħhom mill-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, fejn Ġesù qal: “Tinkwetawx ruħkom.” (Mattew 6:25) Ladarba l-ansjetà teffettwa lil ħafna llum, nistgħu nistaqsu: Għandu Kristjan iħossu ħati jekk ikun ansjuż? Veru li sentimenti taʼ ansjetà jindikaw nuqqas taʼ fidi?
Alla Jifhem l-Imperfezzjonijiet Tagħna
Il-Bibbja ma tgħallimx li n-nuqqas taʼ fidi huwa l-kaġun taʼ l-ansjetà kollha. Minħabba l-fatt li qegħdin ngħixu fi “żmien iebes,” huwa kważi impossibbli li ma tesperjenzax xi ftit ansjetà. (2 Timotju 3:1) Il-Kristjani leali jkampaw kuljum maʼ ansjetajiet minħabba l-mard, ix-xjuħija, il-pressjonijiet ekonomiċi, l-inkwiet fil-familja, il-kriminalità, u problemi oħrajn. Anki fiż-żminijiet tal-qedem, il-qaddejja t’Alla ffaċċjaw biżaʼ u inkwiet.
Ikkunsidra r-rakkont fil-Bibbja dwar Lot. Alla qallu biex jaħrab lejn l-għoljiet ħalli jevita li jinqered maʼ Sodoma u Gomorra. Madankollu, Lot sar ansjuż. Hu qal: “Le, ja Sidi.” B’inċertezza hu kompla: “Imma jiena ma nistax naħrab lejn l-għoljiet bla ma tilħaqni l-ħsara u mmut.” Lot għala beżaʼ mill-għoljiet? Il-Bibbja ma tgħidx għala. Kienet x’kienet ir-raġuni, Lot ħassu tassew imbeżżaʼ. Kif irreaġixxa Alla? Iddixxiplina Alla lil Lot minħabba nnuqqas taʼ fidi li wera Fih? Le. Għall-kuntrarju, Jehovah wera konsiderazzjoni, billi ppermetta li Lot jaħrab lejn belt fil-qrib.—Ġenesi 19:18-22.
Hemm eżempji Bibliċi oħra taʼ qaddejja leali li xi drabi saru ansjużi ħafna. Il-profeta Elija beżaʼ u ħarab wara li ġie mhedded li se jinqatel. (1 Slaten 19:1-4) Mosè, Anna, David, Ħabakkuk, Pawlu, u rġiel u nisa oħra taʼ fidi kbira wkoll esprimew l-ansjetajiet tagħhom. (Eżodu 4:10; 1 Samwel 1:6; Salm 55:6 [55:5, NW ]; Ħabakkuk 1:2, 3; 2 Korintin 11:28) Madankollu, Alla wera ħniena u kompla jużahom fis-servizz tiegħu, u b’hekk wera li hu tassew jifhem il-bnedmin imperfetti.
Id-“Dnub li Malajr Ifixkilna”
Madankollu, jekk nibqgħu ansjużi nistgħu niddgħajfu fil-fidi tagħna u naslu biex ma nibqgħux nafdaw f’Alla. L-appostlu Pawlu rrefera għan-nuqqas taʼ fidi bħala “dnub li malajr ifixkilna.” (Lhud 12:1) Billi inkluda lilu nnifsu, wisq probabbli Pawlu kien qed jammetti t-tendenza naturali li ‘jitfixkel malajr’ meta xi drabi kienet tonqoslu l-fidi.
Forsi dan kien il-każ taʼ Żakkarija meta ma emminx lill-anġlu t’Alla x’ħin informah li martu kienet se toħroġ tqila. F’okkażjoni minnhom, l-appostli taʼ Ġesù ma setgħux ifejqu lil xi ħadd minħabba l-“fidi żgħira” li kellhom. Madankollu, dawn l-individwi komplew igawdu l-approvazzjoni t’Alla.—Mattew 17:18-20; Luqa 1:18, 20, 67; Ġwanni 17:26.
Mill-banda l-oħra, il-Bibbja tinkludi wkoll eżempji taʼ wħud li tilfu l-fidi tagħhom f’Alla u batew konsegwenzi serji. Per eżempju, ħafna Iżraelin li telqu mill-Eġittu ma tħallewx jidħlu fl-Art Imwiegħda minħabba n-nuqqas taʼ fidi li kellhom. Fi ġrajja minnhom huma saħansitra tkellmu direttament kontra Alla, billi qalu: “Għala tellajtuna mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? M’hawnx ħobż u lanqas ilma.” Minħabba li Alla ma ħax gost b’dan, hu bagħat sriep velenużi biex jikkastigahom.—Numri 21:5, 6.
Minħabba li ma kellhomx biżżejjed fidi, l-abitanti taʼ Nazaret, fejn kien trabba Ġesù, ma kellhomx il-privileġġ li jaraw iktar mirakli mwettqin fit-territorju tagħhom. Iżjed minn hekk, il-ġenerazzjoni mill-agħar taʼ dak iż-żmien irċiviet kundanna iebsa mingħand Ġesù minħabba n-nuqqas taʼ fidi. (Mattew 13:58; 17:17; Lhud 3:19) L-appostlu Pawlu wissa b’mod xieraq: “Ħuti, araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin li jwassal għall-firda minn Alla l-ħaj.”—Lhud 3:12.
Iva, f’każijiet estremi n-nuqqas taʼ fidi jistaʼ jirriżulta minn qalb imħassra. Iżda dan ma kienx il-każ taʼ Żakkarija u l-appostli taʼ Ġesù fl-eżempji msemmijin iktar kmieni. In-nuqqas taʼ fidi tagħhom kien minħabba dgħjufija tal-mument. Matul ħajjithom b’mod ġenerali wrew li ‘qalbhom kienet safja.’—Mattew 5:8.
Alla Jaf il-Bżonnijiet Tagħna
L-Iskrittura tgħinna nagħmlu distinzjoni bejn l-ansjetà taʼ kuljum u d-dnub taʼ nuqqas taʼ fidi. Sentimenti t’ansjetà taʼ kuljum jew anki n-nuqqas taʼ fidi tal-mument minħabba dgħjufijiet umani m’għandhomx jitħalltu man-nuqqas totali taʼ fidi f’Alla li joriġina minn qalb ħażina u indifferenti. Għalhekk, il-Kristjani m’għandhomx għalfejn jibqgħu jħossuhom mifluġin bil-ħtija minħabba li xi drabi jħossuhom ansjużi.
Minkejja dan, irridu noqogħdu attenti li lansjetà ma tikbirx sal-punt li tikkontrollalna ħajjitna. Għalhekk, nistgħu naraw l-għerf fil-kliem taʼ Ġesù meta qal: “Tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu.” Imbagħad kompla b’dan il-kliem taʼ faraġ: “Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”—Mattew 6:25-33.
[Stampa f’paġna 24]
L-appostlu Pawlu għadda mill-ansjetajiet