Kindergardin bla Ġugarelli
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-ĠERMANJA
Għodwa waħda meta t-tfal daħlu fil-klassijiet taʼ l-iskola tal-kindergardin, sabu li fil-kmamar ma kien hemm xejn ħlief l-għamara. Kien għalxejn li bdew ifittxu l-pupi, il-logħob, u s-soft toys. U lanqas ma kien hemm kotba jew bloks. Lanqas il-karti u l-imqass ma kienu jidhru. Il-ġugarelli kollha tneħħew u ma kinux se jerġgħu jitpoġġew f’posthom qabel jgħaddu tliet xhur. X’kien ġara?
Din l-iskola tal-kindergardin hi waħda minn għadd taʼ skejjel li dejjem qed jiżdiedu fl-Awstrija, il-Ġermanja, u l-Isvizzera u li qed jipparteċipaw fi proġett ġdid u straordinarju msejjaħ Kindergardin bla Ġugarelli. Għalkemm forsi tistaʼ tinstemaʼ xi ħaġa stramba, dan il-proġett, li kien rikkmandat ħafna minn esperti tas-saħħa taʼ l-Unjoni Ewropea, għandu l-iskop li jgħin biex jiġu evitati l-vizzji. Fi snin reċenti, ir-riċerkaturi bdew jirrealizzaw li n-nies inqas għandhom ċans jaqgħu f’xi vizzji jekk jiżviluppaw abbiltajiet soċjali kmieni f’ħajjithom. Rapport f’gazzetta jgħid li dawn jinkludu “abbiltajiet li jikkomunikaw u li jagħmlu kuntatt faċilment, li jkunu kapaċi jittrattaw maʼ opinjonijiet differenti u li jieħdu r-responsabbiltà t’għemilhom, li jagħmlu miri għalihom infushom, li jagħrfu l-problemi, li jiksbu l-għajnuna, u li jsibu soluzzjoni.” Skond dawk li pproponew il-programm, dawn l-abbiltajiet għandhom jiġu żviluppati kmieni kemm jistaʼ jkun, u perijodi bla ġugarelli jaqdu dan l-iskop għax jinkuraġġixxu l-kreattività tat-tfal u l-fiduċja fihom infushom.
Dan iI-proġett taʼ tliet xhur bla ġugarelli kien pjanat bir-reqqa u diskuss kemm mal-ġenituri u kemm mat-tfal. Għall-ewwel, xi tfal iħossuhom mitlufin mingħajr ġugarelli. “Hemm skejjel taż-żgħar fejn lit-tfal ma jkunux jistgħu jikkontrollawhom għall-ewwel erbaʼ ġimgħat,” u dawk li ppjanaw dan il-proġett ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, jinnota r-rapport. Iżda t-tfal jitgħallmu jaddattaw u jitgħallmu jkunu kreattivi. Mingħajr ġugarelli biex jilagħbu bihom, it-tfal jikkonsultaw, jippjanaw, u jilagħbu flimkien iktar, u b’hekk itejbu l-abbiltajiet soċjali u lingwistiċi tagħhom. Xi wħud li qabel kienu jevitaw tfal oħra u kienu jippreferu jilagħbu bil-ġugarelli tagħhom, issa qed jagħmlu l-ħbieb. Il-ġenituri wkoll innotaw bidliet pożittivi. Huma qalu li t-tfal kienu qed iġibu ruħhom aħjar meta jilagħbu u kienu iktar kreattivi minn qabel.