LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 7/8 pp. 15-18
  • Fjuri Salvaġġi jew Ħaxix Ħażin?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fjuri Salvaġġi jew Ħaxix Ħażin?
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Meta Fjura Salvaġġa Ssir Ħaxixa Ħażina
  • Gawdi Din il-​Parti Affaxxinanti tal-​Ħolqien
Stenbaħ!—2005
g05 7/8 pp. 15-18

Fjuri Salvaġġi jew Ħaxix Ħażin?

Minn kittieb għal Stenbaħ! fil-​Kanada

Il-​fjuri salvaġġi huma meravilja. Ieqaf ftit u eżamina l-​fjuri b’forom tant elaborati. Ara kemm għandhom kuluri differenti mill-​isbaħ. Tpaxxa bir-​riħa tfuħ li għandhom. U kemm iħajruk tmisshom u tħossilhom il-​petali rotob u delikati! Dan il-​ġmiel t’eleganza jqanqal is-​sensi tagħna. Anki l-​emozzjonijiet tagħna jitqanqlu minn din is-​sbuħija. Tabilħaqq, il-​fjuri salvaġġi jsebbħu l-​ambjent taʼ madwarna. Minħabba fihom nistgħu ngawdu saħansitra iktar il-​ħajja li ngħixu. Il-​gratitudni tagħna għal dan tmur lejn il-​Wieħed li ħalaqhom u ddisinjahom!

Waqt li nammiraw il-​fjuri għall-​kuluri, il-​forom, u l-​fwejjaħ mill-​isbaħ tagħhom, l-​irwol prinċipali tagħhom hu li jagħmlu ż-​żrieragħ li huma vitali għall-​proċess tar-​riproduzzjoni. Għal din ir-​raġuni, il-​fjur tagħhom hu disinjat biex jiġbed l-​insetti, l-​għasafar, u saħansitra l-​friefet il-​lejl sabiex jiddakkar. L-​għasafar taʼ l-​għana u l-​friefet huma l-​iktar li jfittxu l-​fjuri salvaġġi. “Dawn huma sors taʼ ikel għal dawn il-​ħlejjaq li jtiru, waqt li l-​fjuri kultivati m’humiex,” jgħid l-​istudjuż taʼ l-​ortikultura u l-​awtur Jim Wilson. Huwa interessanti li skond The World Book Encyclopedia, “fil-​bidu, il-​fjuri kollha kienu fjuri salvaġġi.”

Madwar id-​dinja hemm eluf taʼ pjanti li jagħmlu l-​fjuri. Allura, kif nistgħu nidentifikaw jekk fjura tkunx salvaġġa jew le? X’inhi fjura salvaġġa? Fi kliem sempliċi, fjura salvaġġa hi kwalunkwe pjanta bil-​fjuri li tikber mingħajr l-​indħil tal-​bniedem. Biss biss fl-​Amerika taʼ Fuq, hemm iktar minn 10,000 fjura li huma identifikati bħala fjuri salvaġġi. “Waqt li t-​terminu ġeneralment jirreferi għall-​pjanti b’zokk artab u bi fjuri li jpaxxu l-​għajn, il-​kotba dwar il-​fjuri salvaġġi jinkludu wkoll il-​pjanti biz-​zkuk taʼ l-​injam. Minħabba dan in-​nuqqas taʼ konsistenza, hu kważi impossibbli tasal għal spjegazzjoni li tinkludi kull tip taʼ pjanta li nsejħulha fjura salvaġġa,” jgħid l-​istudjuż tan-​natura Michael Runtz, l-​awtur taʼ Beauty and the Beasts​—The Hidden World of Wildflowers.

Iż-​żrieragħ jivvjaġġaw ħafna. Xi wħud minnhom kapaċi jivvjaġġaw fit-​tul permezz tar-​riħ jew l-​ilma. Però, bosta huma dawk li għandhom limiti naturali minħabba li huma disinjati għal inħawi speċifiċi. L-​irjieħ jistgħu jġorru żrieragħ ċkejknin daqs it-​trab għal kilometri sħaħ. Però, iż-​żrieragħ li għandhom imqabbdin magħhom biċċiet qishom paraxut, bħaċ-​ċikwejra salvaġġa, jistgħu jivvjaġġaw biss f’distanza taʼ inqas minn kilometru.

Għandek mnejn tibqaʼ sorpriż li jekk tgħix fl-​Amerika taʼ Fuq, ħafna fjuri salvaġġi li issa jikbru fl-​inħawi tiegħek ġew minn artijiet differenti. Il-​wasla tal-​vapuri li jaqsmu l-​oċeani u l-​ftuħ taʼ territorji ġodda ferrxu għadd kbir taʼ pjanti u żrieragħ li jkunu ġejjin minn pajjiżi oħra. Ħafna minn dawn il-​pjanti oriġinaw mill-​Ewropa jew mill-​Asja. Xi wħud bħallikieku ġew “mistiedna” biex imorru, u oħrajn waslu “aċċidentalment.” Fil-​fatt, ħafna pjanti li llum jikbru fis-​salvaġġ u li jżejnu l-​Amerika taʼ Fuq, għall-​ewwel waslu bħala “ħaxix ħażin maż-​żrieragħ li jintużaw fl-​agrikultura; oħrajn maċ-​ċereali u l-​qamħ; f’materjali li jintuża għall-​ippakkjar bħat-​tiben u l-​ħuxlief; jew mas-​saborra tal-​vapuri . . . Oħrajn inġabu bħala ħxejjex aromatiċi li jintużaw għall-​palat, il-​kuluri għaż-​żebgħa, il-​fwejjaħ, u l-​kuri mediċinali,” jgħid il-​ktieb Wildflowers Across America. Imma għala kultant dawn il-​pjanti li jagħmlu l-​fjuri u ħafna oħrajn jissejħu ħaxix ħażin?

Meta Fjura Salvaġġa Ssir Ħaxixa Ħażina

Ġeneralment, kwalunkwe pjanta li tikber bl-​abbundanza fejn ma tkunx mixtieqa tissejjaħ ħaxixa ħażina, kemm jekk tikbirlek fil-​ġnien, jew fir-​rabaʼ miżrugħ. “Ħafna mill-​pjanti li jissejħu ħaxix ħażin ma jkunux jistgħu jgħixu . . . li kieku ma kienx hawn dawn l-​ambjenti maħluqin mill-​bniedem,” jgħid il-​ktieb taʼ referenza Weeds of Canada. Dan iżid: “Aħna għandna l-​parti l-​kbira mit-​tort talli noħolqu ambjent ideali fejn jikbru ħafna mill-​pjanti li ninsabu tant ħerqanin biex neliminaw.” Xi fjuri salvaġġi li jinżergħu mill-​bniedem jinvadu l-​ambjent naturali taʼ pjanti oħra li huma inqas aggressivi u li jikbru b’mod naturali u b’dan il-​mod l-​ambjent jinbidel malajr. Għalhekk, pjanta li tkun miżrugħa mill-​bniedem tistaʼ ma tibqax fjura salvaġġa naturali imma ssir ħaxixa ħażina li timla kullimkien.

Jekk ġieli pprovajt tikkultiva saħansitra ġnien ċkejken, se tifhem x’jiġifieri meta pjanti li ma tkunx tridhom jimlewlek kull m’hemm. Biċċa rabaʼ fil-​beraħ li ma tkunx kultivata tistaʼ tittiekel u tintilef malajr mir-​riħ u l-​ilma. Dejjem se jkun hemm letteralment miljuni taʼ żrieragħ reqdin minn varjetà kbira taʼ pjanti li jinxterdu sa tliet ċentimetri ’l isfel mill-​wiċċ tal-​ħamrija. Meta biċċa rabaʼ ma tkunx miżrugħa, il-​ħaxix ħażin hu disinjat biex jimla dan ir-​rabaʼ malajr u jżomm il-​ħamrija. Waqt li dan il-​proċess jistaʼ jkun ġlieda kontinwa bejn il-​ġardinar u l-​ħaxix ħażin, jekk tifhem għala dan isir se tkun informat dwar l-​irwol li għandhom kemm il-​ħaxix ħażin u kemm il-​fjuri salvaġġi.

Gawdi Din il-​Parti Affaxxinanti tal-​Ħolqien

Ma tistax ma tammirax is-​sbuħija naturali f’ċerti pajjiżi b’għoljiet kollhom siġar u bl-​art miksija b’ġilji bojod li jiffjorixxu fir-​rebbiegħa. Jew xi ngħidu għall-​fjur kaħlani taċ-​ċikwejra kulur is-​sema li jiftaħ fil-​għodu u jsegwi x-​xemx, u mbagħad jagħlaq f’nofsinhar f’ġurnata xemx tiddi? Dan hu biss il-​bidu taʼ wirja kontinwa taʼ sbuħija naturali li tkompli tul l-​istaġuni, sena wara l-​oħra, dejjem hemm biex tiġbed l-​attenzjoni tiegħek. Xi wħud minn dawn il-​fjuri, bħall-​ġilju tawny daylily, joħorġu biss għal żmien qasir. Oħrajn, bħall-​black-eyed Susan, tistaʼ tarahom jiffjorixxu f’għelieqi xemxin jew maʼ ġenb it-​toroq fi tmiem ir-​rebbiegħa tul is-​sajf kollu.

Tabilħaqq, id-​dinja tal-​fjuri salvaġġi hija parti affaxxinanti mill-​ħolqien. Meta xi wħud minnhom jiffjorixxu fil-​ġardina jew fil-​ġnien tiegħek jew tinnotahom maʼ ġenb it-​triq jew fil-​kampanja, ieqaf ftit u eżamina l-​forom elaborati, il-​kuluri li jpaxxu l-​għajn, u l-​irwejjaħ mill-​isbaħ li jitfgħu. Ħares lejhom għal dak li tassew huma—rigal mingħand il-​Wieħed li ddisinjahom, il-​Ħallieq ġeneruż tagħna.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 18]

Kont Taf?

Iċ-​ċikwejra salvaġġa komuni, darba lanqas biss kienet teżisti fl-​Amerika taʼ Fuq. Illum, din il-​pjanta hi magħrufa kważi mad-​dinja kollha. Xi studjużi jgħidu li din ġejja mill-​Asja Minuri. L-​Ewropej li marru jgħixu l-​Amerika, li kienu mdorrijin jużawha fl-​ikel, ħaduha magħhom biex jiżirgħuha fil-​ġonna ġodda tagħhom. L-​għeruq taċ-​ċikwejra jintuża f’ħafna mediċini magħrufa, waqt li l-​weraq żgħir tagħha jiġi servut fl-​insalati.

Il-​bebuna, jew l-​oxeye daisy, [Chrysanthemum leucanthemum] hija fost l-​iktar fjura komuni li ssibha maʼ ġenb it-​triq. Din ġejja mill-​Ewropa. Ġeneralment, din isservi bħala tiżjin sabiħ għax-​xenarju li tkun fih. Kull fjur li tarmi fil-​fatt jikkonsisti f’bukkett taʼ fjuri sofor u bojod. In-​nofs hu magħmul minn mijiet taʼ fjuri ċkejknin, fertili, u kulur id-​deheb imdawrin minn 20 sa 30 petali rqaq u bojod, li fil-​fatt huma fjuri li ma jkunux fertili u jservu biex jistrieħu fuqhom l-​insetti.

Jingħad li l-​ġilju tawny daylily, oriġina fl-​Asja u mbagħad ittieħed l-​Ingilterra u fl-​aħħar lejn l-​Amerika taʼ Fuq. Waqt li kull zokk jarmi ħafna żahar, kull fjura ddum ġurnata waħda biss. Huma jiftħu fil-​għodu u jagħlqu għal dejjem sa l-​aħħar tal-​jum.

Ir-​ranunklu twil (tall buttercup) ukoll huwa importat mill-​Ewropa għall-​Amerika taʼ Fuq. Ġeneralment, hemmhekk issibu f’għelieqi nedjin u maʼ ġenb it-​toroq fl-​Amerika taʼ Fuq. Kultant jikber sa iktar minn żewġ metri fit-​tul. Però, ftit huma dawk li jirrealizzaw li jistaʼ jkun perikoluż. Kważi kull speċi taʼ din il-​fjura hija irritanti b’modi differenti. Għal sekli sħaħ xi ranunkli kienu magħrufin bħala pjanti li jtellgħu l-​bżieżaq. Anne Pratt, kittieba Ingliża tas-​seklu 19, qalet: “Hija ħaġa komuni li min ikun qed jippassiġġa fil-​kampanja jieħu xi nagħsa b’xi bukkett minn dawn il-​fjuri ħdejh, u malli jqum iħoss il-​ġilda taʼ wiċċu tuġgħu jew tkun irritata ħafna minħabba l-​fjur irritanti li żamm maġenbu.”

[Sors]

Ċikwejra salvaġġa: Walter Knight © California Academy of Sciences; ir-​ranunklu twil: © John Crellin/www.floralimages.co.uk

[Stampi f’paġna 16]

Il-​fjuri taċ-​ċikwejra

[Stampa f’paġna 16]

Il-​ġilju “tawny daylily”

[Stampi f’paġna 16, 17]

Ġilji bojod

[Stampi f’paġna 17]

Il-​“black-eyed Susans”

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 16]

Fuq xellug: www.aborea.se; fuq fin-​nofs: Courtesy John Somerville/www.british-wild-flowers.co.uk; tawny daylily: Dan Tenaglia, www.missouriplants.com, www.ipmimages.org

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja