IL-Moffa—Ħabiba u Għadu!
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-ISVEZJA
Hemm moffa li ssalva l-ħajjiet; oħra li toqtol. Hemm dik li tagħti togħma lill-ġobon u l-inbid; oħra li tivvelena l-ikel. Hemm moffa li tikber fuq iz-zkuk; oħra li timla l-kmamar tal-banju u l-kotba. Fil-fatt, il-moffa tinsab kullimkien—l-ispori (ċelluli tat-tnissil qishom żrieragħ) jistgħu jkunu għaddejjin minn imnifsejk int u taqra din is-sentenza.
JEKK taħseb li l-moffa mhix qiegħda kulfejn tħares madwarek, ħalli biċċa ħobż tiġri xi mkien, anki fil-friġġ. Fi żmien qasir, din trabbi kisja sufija—il-moffa!
X’Inhi l-Moffa?
Il-moffa tappartjeni lit-taqsima tal-Fungi, li fiha iktar minn 100,000 speċi, inkluż it-tinwir, il-faqqiegħ, is-sadid tal-pjanti, u l-ħmira. Hemm mitt fungu biss magħruf li jmarrad lill-bnedmin u l-annimali. Ħafna oħrajn għandhom irwol vitali fil-katina taʼ l-ikel—dawn iħollu materjal organiku mejjet, u b’hekk jirriċiklaw l-elementi essenzjali b’tali mod li l-pjanti jkunu jistgħu jużawhom. Jerġaʼ oħrajn jaħdmu id f’id mal-pjanti billi jgħinuhom jassorbu sustanzi nutrittivi mill-ħamrija. U oħrajn huma parassiti.
Il-moffa tibda ħajjitha bħala spora mikroskopika li tinġarr mill-kurrenti taʼ l-arja. Jekk l-ispora tinżel fuq sors adattat taʼ l-ikel li jkollu, fost affarijiet oħrajn, it-temperatura u l-livell t’umdità li hemm bżonn, l-ispora tinbet u tifforma ċelluli qishom ħjut imsejħin hyphae. Dawn jifformaw ġabra sufija u mħabbla li tissejjaħ miċelju. Din hi l-moffa li naraw b’għajnejna. Il-moffa tistaʼ wkoll tkun qisha ħmieġ jew tebgħa, bħal meta tifforma fil-fili bejn il-madum tal-kamra tal-banju.
Il-moffa hija esperta tar-riproduzzjoni. Fil-moffa komuni tal-ħobż, Rhizopus stolonifer, it-tikek żgħar suwed huma l-isporanġ li jkun fihom l-ispori. Tikka waħda biss ikun fiha iktar minn 50,000 spora, li kull waħda minnhom tistaʼ tipproduċi mijiet taʼ miljuni taʼ spori ġodda f’temp taʼ ftit jiem! U jekk ikollha l-kundizzjonijiet neċessarji, il-moffa tikber sewwa fi ktieb, fuq żarbuna, jew mal-karta li tiksi l-ħajt daqskemm tikber fuq zokk fil-foresta.
II-moffa kif “tiekol”? Din m’hijiex bħall-annimali u l-bnedmin, li l-ewwel jieklu u mbagħad jassorbu l-ikel tagħhom permezz tad-diġestjoni. Il-moffa spiss taqleb il-proċess. Meta molekuli organiċi jkunu kbar jew diffiċli wisq biex tikolhom il-moffa, din bil-mod il-mod terħi enzimi tad-diġestjoni li jibdlu l-molekuli f’partijiet iktar sempliċi, u mbagħad tassorbihom. Barra minn hekk, peress li l-moffa ma tistax tiċċaqlaq biex tfittex l-ikel, din ikollha tgħix fl-ikel tagħha.
Il-moffa tistaʼ tipproduċi sustanzi tossiċi msejħin mikotoksin, li jistgħu jikkaġunaw reazzjonijiet ħżiena kemm fil-bnedmin u kemm fl-annimali. Wieħed jistaʼ jiġi f’kuntatt magħhom billi jiġbidhom il-ġewwa man-nifs, jiblagħhom, jew imisshom mal-ġilda. Imma l-moffa mhux dejjem tagħmel il-ħsara, għax din għandha karatteristiki utli ħafna.
Il-Benefiċċji tal-Moffa
Fl-1928, ix-xjenzat Alexander Fleming osserva b’kumbinazzjoni li l-moffa ħadra tistaʼ toqtol il-mikrobi. Din il-moffa, li iktar tard ġiet identifikata bħala Penicillium notatum, kienet toqtol il-batterji imma ma tagħmilx ħsara lill-bnedmin u l-annimali. Din l-iskoperta wasslet għall-iżvilupp tal-penisilin, imsejjaħ ‘l-iktar ħaġa li salvat ħajjiet minn kwalunkwe ħaġa oħra fil-mediċina moderna.’ Għal xogħolhom, Fleming u r-riċerkaturi Howard Florey u Ernst Chain ngħataw il-premju Nobel għall-mediċina fl-1945. Minn dakinhar ’l hawn ġew żviluppati sustanzi mediċinali oħrajn mill-moffa, fosthom drogi li jintużaw għat-trattament taʼ l-għoqod fid-demm, il-migranja, u l-marda taʼ Parkinson.
Il-moffa kienet ukoll barka għall-palat. Ħu l-ġobon, per eżempju. Kont taf li t-togħma unika tal-Brie, il-Camembert, id-Danish blue, il-Gorgonzola, ir-Roquefort, u l-iStilton ġejja minħabba ċerti speċi tal-moffa Penicillium? Bl-istess mod, is-salami, is-soy sauce, u l-birra jsiru b’ċerti tipi taʼ moffa.
Dan japplika wkoll għall-inbid. Meta ċertu għeneb jinħasad fi żmienu u jkun hemm biżżejjed fungi fuq kull għanqud, dawn jistgħu jintużaw biex jipproduċi nbejjed ħelwin u delizzjużi għal wara l-ikel. Il-moffa Botrytis cinerea tħaddem iz-zokkor fl-għeneb u ttejjeb it-togħma. Fil-kantina fejn ikun hemm l-inbid, il-moffa Cladosporium cellare tkompli ttejjeb it-togħma waqt li l-inbid ikun qed jimmatura. Dawk li jagħmlu l-inbid fl-Ungerija għandhom qawl li fi ftit kliem ifisser: ‘Moffa tajba tagħmel inbid tajjeb.’
Meta l-Moffa Ssir Għadu
Il-karatteristiki taʼ ċerti mofof li jagħmlu l-ħsara għandhom storja twila. Fis-sitt seklu Q.E.K., l-Assirjani użaw il-moffa Claviceps purpurea biex jivvelenaw il-bjar taʼ l-għedewwa tagħhom—forma taʼ gwerra bijoloġika taʼ l-antik. Fil-Medju Evu, din l-istess moffa, li kultant tifforma fuq ir-rye (pjanta ċereali), kienet tagħti lil ħafna nies attakki epilettiċi, ħruq qawwi, kankrena, u alluċinazzjonijiet. Din il-marda issa tissejjaħ ergotiżmu.
L-iktar sustanza qawwija li tikkaġuna lkanċer hi magħrufa bħala aflatoksin—sustanza tossika prodotta mill-moffa. F’pajjiż wieħed fl-Asja, 20,000 ruħ imutu kull sena minħabba l-aflatoksin. Din it-taħlita qattiela ntużat f’armi bijoloġiċi taʼ żmienna.
Madankollu, fil-ħajja taʼ kuljum is-sintomi li jirriżultaw meta tiġi f’kuntatt mal-mofof komuni ma jheddux is-saħħa b’mod serju; pjuttost idejquk. “Ħafna mill-mofof, anki jekk jinxtammu, ma jagħmlux ħsara,” tgħid il-UC Berkeley Wellness Letter. In-nies li ġeneralment il-moffa teffettwahom ħażin jinkludu dawk b’kundizzjonijiet mhux normali fil-pulmun bħall-ażżma, individwi b’allerġiji, dawk li huma sensittivi għal ċerti sustanzi kimiċi, jew li għandhom sistema taʼ immunità dgħajfa; u bdiewa li għandhom mnejn jiġu f’kuntatt m’ammonti enormi taʼ moffa. It-tfal żgħar u x-xjuħ ukoll jistgħu jkunu iktar sensittivi għall-effetti tal-moffa.
Skond id-Dipartiment taʼ Kalifornja għas-Servizzi tas-Saħħa fl-Istati Uniti, il-moffa tistaʼ tikkaġuna s-sintomi li ġejjin: ‘Problemi tan-nifs, bħat-tħarħir, diffikultà fin-nifs, u qtugħ taʼ nifs; imnieħer u sinus misdudin; irritazzjoni fl-għajnejn (ħruq, dmugħ, jew ħmura fl-għajnejn); sogħla xotta u tqaħqiħ; irritazzjoni fl-imnieħer jew fil-griżmejn; raxx jew irritazzjoni tal-ġilda.’
Il-Moffa u l-Bini
F’xi pajjiżi spiss tismaʼ dwar skejjel li jingħalqu jew dwar nies li jkollhom joħorġu minn djarhom jew mill-uffiċċji biex titneħħa l-moffa u jilqgħulha bil-quddiem. Fil-bidu taʼ l-2002, il-Mużew taʼ l-Arti Moderna fi Stokkolma, l-Isvezja, li kien għadu kemm fetaħ, kellu jingħalaq minħabba l-moffa. Biex titneħħa l-moffa ntefqu kważi żewġ miljun lira Maltija! Din il-problema għala saret iktar komuni dan l-aħħar?
It-tweġiba tinvolvi żewġ fatturi ewlenin: il-materjali tal-bini u l-mod kif inhu pjanat. Fis-snin reċenti l-materjali tal-bini inkludew prodotti li jiġu iktar effettwati mill-moffa. Per eżempju, hemm il-ħitan li jkunu magħmulin minn diversi saffi taʼ karti mwaħħlin maʼ qalba iebsa tal-ġibs. Il-qalba żżomm l-umdità. Għalhekk, jekk dan il-materjal jibqaʼ mxarrab għal żmien twil, l-ispori tal-moffa jistgħu jinbtu u jikbru, u jieklu l-karta fil-ħajt.
Inbidel ukoll il-mod kif il-bini jiġi pjanat li jsir. Qabel is-snin 70, ħafna bini fl-Istati Uniti u f’ħafna pajjiżi oħrajn ma kienx bħall-bini iktar modern, mibni biex jilqaʼ sewwa s-sħana u l-kesħa u biex ma jkunx hemm kurrenti t’arja. Il-bidliet saru minħabba x-xewqa li l-bini jkun iktar ekonomiku billi kemm jistaʼ jkun ma jintilfux is-sħana u l-frisk taʼ ġewwa u jitnaqqas il-kurrent t’arja li jidħol. Allura issa meta jidħol l-ilma, dan għandu t-tendenza li jdum iktar u jġiegħel lill-moffa tikber. Hemm soluzzjoni għal din il-problema?
L-iktar mod effettiv biex issolvi, jew għallinqas tnaqqas, il-problemi tal-moffa hu li żżomm kulma għandek ġewwa nadif u xott u żżomm il-livell t’umdità baxx. Jekk tinġemaʼ l-umdità xi mkien, nixxef il-post kompletament u agħmel il-bidliet jew it-tiswijiet neċessarji ħalli l-ilma ma jkunx jistaʼ jerġaʼ jinġemaʼ. Per eżempju, żomm il-bejt u l-kanali għall-ilma tax-xita nodfa u f’kundizzjoni tajba. U ara li l-art madwar il-bini tkun imżerżqa b’tali mod li titfaʼ l-ilma ’l bogħod mill-bini ħalli l-ilma ma jinġabarx madwar il-pedament. Jekk għandek l-arja kundizzjonata, kun ċert li xejn ma jimblokka l-pajpijiet minfejn joħroġ l-ilma, u żommhom nodfa.
“Biex tikkontrolla l-moffa huwa fundamentali li tikkontrolla l-umdità,” jgħid sors t’awtorità. Miżuri sempliċi jistgħu jiffrankaw lilek u lill-familja tiegħek milli tiffaċċjaw l-effetti negattivi tal-moffa. F’ċerti modi, il-moffa hi bħan-nar. Tistaʼ tagħmel il-ħsara, imma tistaʼ wkoll tkun tassew utli. Ħafna jiddependi minn kif nużawha u nikkontrollawha. M’għandniex xi ngħidu, għad għandna ħafna x’nitgħallmu dwar il-moffa. Imma l-għarfien dwar il-ħolqien meraviljuż t’Alla żgur li hu taʼ benefiċċju għalina.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 14, 15]
IL-MOFFA FI ŻMINIJIET BIBLIĊI?
Il-Bibbja ssemmi l-“mard tal-ġdiem f’xi dar,” jiġifieri fil-bini stess. (Levitiku 14:34-48) Ġie suġġerit li dan il-fenomenu, imsejjaħ ukoll “ġdiem li jherri,” kien forma taʼ tinwir jew moffa, imma dwar dan m’hemmx ċertezza. Hu x’inhu l-każ, il-liġi t’Alla tat istruzzjonijiet lis-sidien tad-djar biex ineħħu l-ġebel infettat, joborxu d-dar kollha minn ġewwa, u jarmu l-materjal kollu li jidher li jistaʼ jkun kontaminat barra l-belt “f’post imniġġes.” Jekk il-ġdiem jerġaʼ joħroġ, id-dar kollha kellha tiġi dikjarata mniġġsa, tiġġarraf, u tintrema. Ġeħova ta istruzzjonijiet dettaljati li rriflettew l-imħabba kbira għan-nies tiegħu u għas-saħħa fiżika tagħhom.
[Stampa f’paġna 13]
Il-mediċini meħudin mill-moffa salvaw ħafna ħajjiet
[Stampa f’paġna 15]
Il-ġibs u l-vinil jistgħu jiġimgħu l-umdità, li mbagħad iġġiegħel il-moffa tikber