Iċ-Ċelluli Ħomor Tiegħek—X’Meravilja!
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AFRIKA T’ISFEL
L-iktar ċellula komuni fis-sistema tad-demm tiegħek tagħti lid-demm il-kulur aħmar li għandu, u għalhekk tissejjaħ ċellula ħamra tad-demm. Qatra waħda biss minn demmek fiha mijiet taʼ miljuni taʼ ċelluli bħal dawn. Meta tarahom b’mikroskopju, dawn jidhru qishom qagħaq b’għafsa mdaħħla ’l ġewwa minflok m’għandhom toqba. Kull ċellula hija mimlija b’mijiet taʼ miljuni taʼ molekuli taʼ l-emoglobina. Mill-banda l-oħra, kull molekula taʼ l-emoglobina għandha struttura sferikali sabiħa magħmula minn madwar 10,000 atomu taʼ l-idroġenu, il-karbonju, in-nitroġenu, l-ossiġnu, u l-kubrit, kif ukoll erbaʼ atomi tal-ħadid li huma itqal u li jagħtu lid-demm l-abbiltà li jġorr l-ossiġnu. L-emoglobina tagħmilha iktar faċli biex jinġarr id-dijossidu karboniku mit-tessuti għal ġol-pulmun, minfejn jiġi mitfugħ ’il barra.
Parti vitali oħra taċ-ċelluli ħomor tiegħek hija l-kisja taʼ barra li għandhom, li tissejjaħ membrana. Din il-kisja meraviljuża tippermetti liċ-ċelluli biex jiġġebbdu u jieħdu forom irqaq sabiex ikunu jistgħu jgħaddu mill-iżgħar vini tad-demm li għandek, u b’hekk isostnu kull parti taʼ ġismek.
Iċ-ċelluli ħomor tiegħek jiġu fformati fil-mudullun. Meta ċellula ġdida tidħol f’demmek, din tgħaddi minn qalbek u tiċċirkola madwar ġismek għal iktar minn xi 100,000 darba. Kuntrarju għal ċelluli oħrajn, iċ-ċelluli ħomor m’għandhomx nukleu. Dan jagħtihom iktar spazju biex iġorru l-ossiġnu, jagħmilhom eħfef, u jgħin lil qalbek biex tippompja triljuni taʼ ċelluli ħomor fil-partijiet kollha taʼ ġismek. Però, minħabba li m’għandhomx nukleu, dawn ma jistgħux iġeddu l-partijiet interni tagħhom. Għalhekk, wara madwar 120 ġurnata, iċ-ċelluli ħomor tiegħek jibdew jitħassru u jitilfu l-elastiċità tagħhom. Ċelluli bojod kbar imsejħin fagoċiti jikkonsmaw dawn iċ-ċelluli ħżiena u jerħu l-atomi tal-ħadid. Dawn l-atomi tal-ħadid jaqbdu mal-molekuli li jwassluhom sal-mudullun sabiex jintużaw ħalli jiġu fformati ċelluli ħomor ġodda. Kull sekonda, il-mudullun tiegħek jerħi minn żewġ miljun sa tliet miljun ċellula ħamra ġdida f’demmek!
Kieku t-triljuni taʼ ċelluli ħomor tiegħek kellhom jieqfu jaħdmu ħabta u sabta, kieku int tmut fi ftit minuti. Kemm għandna għalxiex nirringrazzjaw lil Alla Ġeħova għal dan l-aspett meraviljuż tal-ħolqien tiegħu li jippermettilna ngħixu u ngawdu l-ħajja! Bla dubju int taqbel mas-salmista li qal: “Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni. Nroddlok ħajr, għax b’mod taʼ l-għaġeb għamiltni: taʼ l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. U ’l ruħi inti tafha tajjeb.”—Salm 139:1, 14.
[Dijagramma f’paġna 24]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Ċellula ħamra tad-demm
Membrana
Emoglobina (imkabbra)
Ossiġnu