Il-Vjolenza Fuq in-Nisa—Problema Globali
IL-25 taʼ Novembru huwa l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa. Dan il-jum ġie rikonoxxut mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fl-1999 sabiex il-pubbliku jsir konxju tal-ksur tad-drittijiet tan-nisa. Għala kien hemm bżonn li jittieħed dan il-pass?
F’ħafna kulturi, in-nisa huma meqjusin u trattati bħala ċittadini inferjuri jew inqas importanti. Il-preġudizzji kontrihom għandhom għeruqhom fil-fond. Kwalunkwe forma taʼ vjolenza bbażata fuq il-fatt li huma nisa hija problema kontinwa, saħansitra fl-hekk imsejħa pajjiżi żviluppati. Skond Kofi Annan, li qabel kien is-Segretarju Ġenerali tal-ĠM, “il-vjolenza fuq in-nisa hi mifruxa mal-globu kollu, u sseħħ f’kull soċjetà u kultura. Din teffettwa lin-nisa taʼ kwalunkwe razza, etniċità, oriġini soċjali, twelid jew stat ieħor li jistaʼ jkollhom.”
Radhika Coomaraswamy, li qabel kienet Riporter Speċjali għall-Kummissjoni tal-ĠM għad-Drittijiet tal-Bniedem rigward il-vjolenza fuq in-nisa, tgħid li l-maġġuranza min-nisa jqisu l-vjolenza fuqhom bħala “tabù, inviżibbli għas-soċjetà u li hi realtà taʼ mistħija.” L-istatistika maħruġa minn istituzzjoni fl-Olanda, li tistudja aspetti fl-imġiba tal-vittmi li setgħu wasslu biex issirilhom vjolenza fuqhom, tindika li 23 fil-mija min-nisa f’pajjiż wieħed fl-Amerika t’Isfel, jew madwar 1 minn kull 4, isofru xi forma taʼ vjolenza domestika. Bl-istess mod, il-Kunsill taʼ l-Ewropa jikkalkula li waħda minn kull erbaʼ nisa Ewropej issofri vjolenza domestika matul ħajjitha. Skond il-British Home Office (id-Dipartiment taʼ l-Affarijiet Interni Britanniku), fl-Ingilterra u Wales f’sena waħda reċenti, bejn wieħed u ieħor inqatlu żewġ nisa kull ġimgħa mill-irġiel li kienu jew ma kinux għadhom magħhom. Ir-rivista India Today International irrapportat li “għan-nisa minn madwar l-Indja kollha, il-biżaʼ huwa bħal sieħeb dejjem preżenti u l-istupru hu bħal stranġier li jistgħu jħabbtu wiċċhom miegħu f’kull kantuniera, fi kwalunkwe triq, f’kull post pubbliku, fi kwalunkwe ħin.” L-Amnesty International tiddeskrivi l-vjolenza fuq in-nisa u t-tfajliet bħala “l-iktar problema mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem” li teżisti llum.
Qegħdin l-istatistiki msemmijin hawn fuq jirriflettu l-attitudni t’Alla lejn in-nisa? Din il-kwistjoni se tiġi diskussa fl-artiklu li jmiss.