Il-Ħarsa tal-Bibbja
Alla Kif Iħossu dwar il-Vjolenza?
IL-VJOLENZA hi mifruxa maʼ kullimkien u tieħu ħafna forom. Minbarra l-gwerer, il-vjolenza ssibha wkoll fid-dinja taʼ l-isports, fl-iskola, fuq il-post tax-xogħol, fid-divertiment, bejn il-klikek, u fejn jidħlu d-drogi. Saħansitra l-vjolenza domestika tidher li hi xi ħaġa komuni f’ħafna familji. Per eżempju, skond studju reċenti li sar fil-Kanada, 1.2 miljun raġel u mara ġew attakkati vjolentement mill-imseħbin tagħhom minn taʼ l-inqas darba f’dawn l-aħħar ħames snin. Studju ieħor ikkonkluda li madwar 50 fil-mija taʼ l-irġiel li jsawtu lin-nisa tagħhom kienu wkoll jittrattaw vjolentement lil uliedhom.
Żgur li atti vjolenti bħal dawn huma xokkanti għalik bħalma huma għal ħafna nies. Madankollu, il-vjolenza saret ingredjent importanti f’ħafna mid-divertiment taʼ llum. L-udjenza m’hijiex imsaħħra biss bil-vjolenza finta li tintwera fiċ-ċinema iżda wkoll b’atti fiżiċi aggressivi mill-ħajja taʼ kuljum fuq it-televixin. Il-boxing u sport vjolenti ieħor huma favoriti f’ħafna pajjiżi. Imma Alla kif iħossu dwar il-vjolenza?
Storja Twila taʼ Vjolenza
Il-vjolenza għandha storja twila. Fil-Bibbja, l-ewwel att taʼ vjolenza fiżika minn bniedem huwa deskritt f’Ġenesi 4:2-15. Kajjin, l-ewwel iben taʼ Adam u Eva, beda jgħir għal ħuh Abel u qatlu kiesaħ u biered. Alla kif irreaġixxa? Il-Bibbja tispjega li Alla Jehovah ikkastiga lil Kajjin bl-aħrax talli qatel lil ħuh.
F’Ġenesi 6:11 naqraw li iktar minn 1,500 sena wara dan l-inċident, l-art “imtliet bil-vjolenza.” Għal darb’oħra, x’kienet ir-reazzjoni t’Alla? Hu kkmanda lil Noè, li kien raġel sewwa, biex jibni arka li kienet se ssalva lilu u lill-familja tiegħu mid-dilluvju li Jehovah kien se jibgħat fuq l-art, u b’hekk ‘jeqred’ lil dik is-soċjetà vjolenti. (Ġenesi 6:12-14, 17) Imma x’kien li ġiegħel lin-nies ikunu daqshekk miġbudin lejn il-vjolenza?
L-Influwenza tad-Demonji
Ir-rakkont tal-Ġenesi juri li xi wħud minn ulied Alla, anġli diżubbidjenti, ħadu iġsma taʼ bnedmin, iżżewġu nisa, u kellhom l-ulied. (Ġenesi 6:1-4) Dawn l-ulied, magħrufin bħala n-Nefilim, kienu rġiel taʼ fama u daqs straordinarju. Taħt l-influwenza tal-missirijiet demoniċi tagħhom, huma saru bulijiet vjolenti. Meta l-ilmijiet tad-dilluvju għolew u ksew l-art, dawn il-bulijiet mill-agħar inqerdu. Imma mid-dehra, id-demonji neżgħu l-iġsma materjali tagħhom u reġgħu lura fil-qasam taʼ l-ispirti.
Il-Bibbja tagħmilha ċara li minn dak iż-żmien ’l hawn, dawn l-anġli ribelli ħallew influwenza qawwija fuq il-bnedmin. (Efesin 6:12) Il-mexxej tagħhom, Satana, huwa msejjaħ il-“qattiel” oriġinali. (Ġwann 8:44) Għaldaqstant, b’mod xieraq nistgħu nirreferu għall-vjolenza li ssir fuq l-art bħala demonika, jew satanika.
Il-Bibbja twissina dwar il-qawwa seduċenti li għandha l-vjolenza. Fi Proverbji 16:29 naqraw: “Il-bniedem vjolenti jiġbed lil għajru miegħu, u jqabbdu triq ħażina.” Ħafna llum ġew imħajrin japprovaw, iħeġġu, jew jikkommettu atti taʼ vjolenza. Barra minn hekk, miljuni taʼ nies ġew miġbudin lejn divertiment li jigglorifika l-vjolenza. Il-kliem f’Salm 73:6 jistaʼ jiġi użat biex jiddeskrivi eżatt il-ġenerazzjoni taʼ llum. Is-salmista jgħid: “Bħal ħannieqa ġawhar iżżejjinhom kburithom; tgħattihom bħal libsa [“il-vjolenza,” NW] tagħhom.”
Alla Jobgħod il-Vjolenza
Il-Kristjani kif għandhom iġibu ruħhom f’dinja vjolenti? Ir-rakkont Bibliku dwar ulied Ġakobb, Simgħon u Levi, jagħtina gwida taʼ min joqgħod fuqha. Oħthom Dina bdiet tagħmilha man-nies immorali taʼ Sikem u dan wassal biex tiġi stuprata minn abitant t’hemmhekk. Sabiex ipattuhielhom, Simgħon u Levi qatlu l-irġiel kollha taʼ Sikem mingħajr ebda ħniena. Iktar tard, b’ispirazzjoni divina Ġakobb seħet ir-rabja mhix imrażżna taʼ wliedu bil-kliem: “Simgħon u Levi aħwa, għodod il-vjolenza sjufhom. Qalbi ma tagħtinix għal laqgħathom: u ġieħi ma nsibux f’ġemgħathom.”—Ġenesi 49:5, 6.
Fi qbil maʼ dan il-kliem, il-Kristjani jevitaw li jassoċjaw maʼ dawk li jħeġġu jew jagħmlu atti vjolenti. B’mod ċar, Alla jobgħod lil dawk li jinkuraġġixxu l-vjolenza. Il-Bibbja tgħid: “Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin; hu jobgħod ’il min iħobb [“il-vjolenza,” KŻ].” (Salm 11:5) Il-Kristjani huma mwissijin biex jevitaw kull forma taʼ rabja mhix imrażżna, saħansitra l-abbuż verbali.—Galatin 5:19-21; Efesin 4:31.
Qatt Se Tispiċċa l-Vjolenza?
Il-profeta tal-qedem Ħabakkuk staqsa lil Alla Jehovah: “Kemm se ndum . . . ngħajjat: ‘Vjolenza!’ u int ma ssalvax”? (Ħabakkuk 1:2) Forsi anki int ġieli staqsejt mistoqsija simili. Alla wieġeb lil Ħabakkuk u wiegħdu li se jeqred lill-“ħażin.” (Ħabakkuk 3:13) Anki l-ktieb profetiku taʼ Isaija jagħtina din it-tama. Fih Alla jwiegħed: “Ma tinstemax aktar [“il-vjolenza,” KŻ] f’artek, u ħerba u qerda fi trufijietek.”—Isaija 60:18.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma fiduċjużi li fi żmien qasir ħafna Alla se jneħħi kull forma taʼ vjolenza mid-dinja kif ukoll lil dawk li jinkuraġġuha. F’dak iż-żmien, minflok ma tkun mimlija bil-vjolenza, “l-art kollha kemm hi għad tagħraf sewwa l-glorja tal-Mulej, bħalma hu miksi l-baħar bl-ilmijiet!”—Ħabakkuk 2:14.
[Stampa f’paġna 16]
Il-vjolenza bdiet meta Kajjin qatel lil Abel