It-Tmiem Permanenti għall-Vjolenza—Kif?
BIEX irażżnu din il-mewġa taʼ vjolenza, numru taʼ bliet fl-Istati Uniti esperimentaw b’idea ġdida—flus jew oġġetti fi bdil m’armi tan-nar irritornati, bla mistoqsijiet. Ir-riżultat? Għall-ispiża taʼ $341,000, il-Belt taʼ St. Louis, per eżempju, ġabret 8,500 arma. Programm simili fi New York City ġabar iktar minn elf arma.
X’effett kellu dan kollu fuq il-kriminalità? B’dispjaċir, ftit li xejn. Omiċidji relatati m’armi tan-nar laħqu l-ogħla quċċata f’St. Louis is-sena taʼ wara. Fi New York City, huwa stmat li għad hemm żewġ miljun arma tan-nar fl-idejn. Fl-Istati Uniti, hemm madwar 200 miljun arma tan-nar f’idejn in-nies, kważi waħda għal kull raġel, mara, u tifel jew tifla. F’pajjiżi oħrajn, vjolenza relatata maʼ l-armi tan-nar qiegħda tiżdied b’rata allarmanti. Fl-Britannja “bejn l-1983 u l-1993, in-numru t’offiżi ddokumentati mill-pulizija li fihom l-armi tan-nar kienu involuti kważi rdoppja, għal 14,000,” tgħid The Economist. Għalkemm ir-rata t’omiċidji hija relattivament baxxa, hemm madwar miljun arma llegali f’dak il-pajjiż.
Ċertament, kwalunkwe tnaqqis f’dawk in-numri tal-biżaʼ huwa pass ’il quddiem. Madankollu, miżuri bħal dawk deskritti hawn fuq bil-kemm jilħqu l-għerq tal-kaġuni għall-vjolenza. X’inhuma dawk il-kaġuni? Ħafna fatturi ġew iċċitati, imma xi ftit minnhom huma fundamentali. Nuqqas taʼ stabbiltà fil-familja u istruzzjoni morali ġiegħel lil bosta żgħażagħ jissieħbu maʼ gajjiet biex ikollhom sens taʼ li jappartjenu lil xi ħadd. Il-lixka taʼ profitti kbar tqanqal lil ħafna biex jirrikorru għall-vjolenza. L-inġustizzja timbotta lil oħrajn biex jirrimedjaw il-problemi b’mezzi vjolenti. Kburija bil-pajjiż, razza, jew klassi fis-soċjetà ġġiegħel lin-nies jinjoraw is-sofferenzi t’oħrajn. Dawn huma fatturi b’għeruq fondi li m’hemmx soluzzjonijiet taʼ malajr għalihom.
X’Jistaʼ Jsir?
Iktar pulizija, sentenzi taʼ ħabs iktar ħorox, restrizzjonijiet fuq l-armi tan-nar, il-piena tal-mewt—dawn kollha ġew proposti u pprovati bħala mezzi biex titrażżan il-kriminalità u l-vjolenza. Dawn ġabu diversi gradi taʼ suċċess, imma l-fatt taʼ dwejjaq huwa li l-vjolenza għadha mqabbda magħna. Għala? Minħabba li dawn il-miżuri ma jagħmlu xejn ħlief jittrattaw is-sintomi.
Mill-banda l-oħra, ħafna esperti jħossu li ċ-ċavetta biex tintemm il-vjolenza hija l-edukazzjoni. Waqt li din l-idea tagħmel sens, irridu ninnotaw li l-vjolenza m’hijiex limitata għal nazzjonijiet fejn l-opportunitajiet edukattivi huma limitati. Fil-fatt, donnu li xi wħud mill-iktar nazzjonijiet vjolenti huma wkoll dawk bl-ogħla livelli t’edukazzjoni. M’huwiex diffiċli li tara li dak li hemm bżonn m’huwiex biss edukazzjoni imma edukazzjoni tat-tip addattat. Liema tip huwa dak? Hemm xi ħadd li kapaċi jgħallem in-nies biex ikunu individwi li jħobbu l-paċi u retti?
“Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi. Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.” (Korsiv tagħna.) (Isaija 48:17, 18) Alla Jehovah kif jgħallem lin-nies ikunu wħud li jħobbu l-paċi u twajbin? Primarjament permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja.
Il-Qawwa Tal-Kelma T’Alla
Il-Bibbja ċertament li mhix biss kollezzjoni taʼ ħrejjef u qwiel antikwati u rrelevanti. Fiha prinċipji u ideat mill-Ħallieq taʼ l-umanità, li, mill-post tiegħu taʼ vantaġġ suprem, jaf in-natura umana iktar minn kulħadd. “Daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom,” jgħid Alla Jehovah.—Isaija 55:9.
Għal din ir-raġuni l-appostlu Pawlu jixhed li “l-kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.” (Lhud 4:12) Iva, il-Kelma t’Alla għandha l-qawwa li tilħaq u tmiss il-qalb taʼ persuna u tbiddlilha l-mod taʼ kif taħseb u ġġib ruħha. M’huwiex dan li hemm bżonn biex jitbiddlu l-modi vjolenti tan-nies illum?
Ix-Xhieda taʼ Jehovah, li issa jlaħħqu madwar ħames miljuni f’iktar minn 230 pajjiż, huma prova ħajja li l-Kelma t’Alla, tabilħaqq, għandha l-qawwa li tittrasforma l-ħajjiet għall-aħjar. Fosthom hemm nies minn kull nazzjonalità, lingwa, u razza. Jiġu wkoll mil-livelli tal-ħajja u l-ambjenti soċjali kollha. Xi wħud minnhom qabel kienu jgħixu ħajjiet vjolenti u mħawdin. Imma minflok ma ħallew fatturi bħal dawn iqanqlu l-animożità, ir-rivalità, id-diskriminazzjoni, u l-mibgħeda fosthom, huma tgħallmu jegħelbu dawn l-ostakli u saru poplu li jħobb il-paċi u magħqud mad-dinja kollha. X’għamel dan possibbli?
Kampanja Li Ttemm Il-Vjolenza
Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom l-obbligu li jgħinu lil oħrajn jakkwistaw għarfien eżatt dwar l-iskop t’Alla kif irrivelat fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. F’kull rokna taʼ l-art, qegħdin ifittxu ’l dawk li jridu jitgħallmu l-mogħdijiet taʼ Jehovah u jkunu mgħallmin minnu. L-isforzi tagħhom qegħdin jagħtu l-frott. Ir-riżultat taʼ din il-kampanja edukattiva huwa li profezija meraviljuża qiegħda tiġi mwettqa.
Xi 2,700 sena ilu, il-profeta Isaija kien ispirat biex jikteb: “Għad jiġri fl-aħħar jiem li . . . kotra sħiħa taʼ poplu għad jiġu u jgħidu: ‘Ħalli mmorru u nitilgħu fuq il-għolja tal-Mulej, lejn id-dar taʼ Alla taʼ Ġakobb, biex igħallimna t-triqat tiegħu, u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.’”—Isaija 2:2, 3.
Li tkun mgħallem minn Jehovah u miexi fil-mogħdijiet tiegħu jistaʼ jipproduċi bidliet mill-isbaħ fil-ħajjiet tan-nies. Waħda mill-bidliet hija mbassra fl-istess profezija: “Huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra iżjed ma jitgħallmuhiex.” (Isaija 2:4) Ħafna nies qraw din l-iskrittura. Fil-fatt, dan it-test huwa mnaqqax fuq ħajt fil-Plaza tal-Ġnus Magħquda fi New York City. Huwa tfakkira taʼ dak li għalih il-Ġnus Magħquda taspira imma li falliet iġġib fis-seħħ. Din l-eliminazzjoni tal-gwerra u l-vjolenza m’hi se tinkiseb minn ebda organizzazzjoni politika magħmula mill-bniedem. Hija xi ħaġa li Alla Jehovah waħdu kapaċi jagħmel. Kif se jirnexxilu jwettaqha?
Ovvjament mhux kulħadd se jirrispondi għall-istedina biex ‘jitlaʼ fuq il-għolja tal-Mulej’ u biex ‘jitgħallem it-triqat tiegħu’ u ‘jimxi fil-mogħdijiet tiegħu’; lanqas ma se jkunu kollha lesti li “jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel.” X’se jagħmel Jehovah dwar uħud bħal dawn? M’huwiex se jżomm il-bieb taʼ l-opportunità miftuħ għal dejjem jew joqgħod jistennihom jinbidlu. Biex iġib tmiem għall-vjolenza, Jehovah se jġib ukoll tmiem għal dawk li jinsistu fuq il-prattiċi vjolenti tagħhom.
Lezzjoni Vitali
Dak li Alla għamel fi żmien Noè jipprovdi lezzjoni taʼ twissija għalina llum. Ir-rakkont tal-Bibbja juri x’tip taʼ dinja eżistiet dak inhar: “L-art tħassret quddiem Alla u mtliet bil-vjolenza.” Minħabba f’hekk, Alla informa lil Noè: “Għalija tmiem il-ħajjin kollha wasal, għax mtliet bil-vjolenza l-art kollha minħabba fihom. Hawn jien se neqridhom minn wiċċ l-art.”—Ġenesi 6:11, 13.
Irridu ninnotaw punt wieħed importanti. Huwa u jġib id-Dilluvju fuq dik il-ġenerazzjoni, Alla żamm ħajjin lil Noè u l-familja tiegħu. Għala? Il-Bibbja twieġeb: “Noè kien bniedem ġust u kien perfett fost in-nies taʼ żmienu; kien jimxi sewwa maʼ Alla.” (Ġenesi 6:9; 7:1) Waqt li mhux kulmin kien jgħix dak iż-żmien kien neċessarjament persuna vjolenti, Noè u l-familja tiegħu biss “kien[u] jimx[u] sewwa maʼ Alla.” Minħabba f’hekk baqgħu ħajjin meta dik id-dinja vjolenti nġiebet fi tmiem.
Hekk kif naraw l-art għal darb’ oħra ssir ‘mimlija bil-vjolenza,’ nistgħu nibqgħu ċerti li Alla m’huwiex sejjer ma jindunax biha. Sewwa sew bħalma għamel fi żmien Noè, hekk dalwaqt se jieħu azzjoni u jġib tmiem għall-vjolenza—b’mod permanenti. Imma se jipprovdi wkoll triq għal ħelsien mill-periklu għal dawk li issa qegħdin jitgħallmu ‘jimxu sewwa m’Alla,’ dawk li qegħdin jirrispondu għall-kampanja edukattiva grandjuża tiegħu favur il-paċi.
Permezz tas-salmista, Jehovah jagħti din l-assiguranza: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; għad tħares fejn kien, u ma ssibux. Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—Salm 37:10, 11.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah se jkunu henjin li jistudjaw il-Bibbja miegħek sabiex tkun tistaʼ tingħaqad maʼ dawk li jgħidu: “Ħalli mmorru u nitilgħu fuq il-għolja tal-Mulej, lejn id-dar taʼ Alla taʼ Ġakobb, biex igħallimna t-triqat tiegħu, u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.” (Isaija 2:3) Billi tagħmel hekk, tistaʼ tkun fost dawk li se jaraw it-tmiem tal-ħażen u l-vjolenza kollha. Int tistaʼ ‘titgħaxxaq bi sliem kotran.’ (w96 2/15)
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 5]
Reuters/Bettmann