LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 3/1 pp. 3-4
  • Vjolenza maʼ Kullimkien

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Vjolenza maʼ Kullimkien
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Vjolenza Fid-​Dar
  • Vjolenza Fuq Il-​Post Tax-​Xogħol
  • Vjolenza Fl-​Isport u D-​Divertiment
  • Vjolenza Fl-​Iskola
  • Kultura Vjolenti
  • Alla Kif Iħossu dwar il-Vjolenza?
    Stenbaħ!—2002
  • Hija dinja ħielsa mill-vjolenza possibbli?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Għala Daqshekk Delitti Vjolenti Issa?
    Stenbaħ!—2003
  • Għala Jużaw il-Vjolenza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 3/1 pp. 3-4

Vjolenza maʼ Kullimkien

BIL-​QIEGĦDA fil-​karozza tiegħu jistenna li jinbidel il-​kulur tad-​dwal tat-​traffiku, is-​sewwieq f’daqqa waħda osserva wieħed fih raġel riesaq lejh, jgħajjat kliem oxxen, ixejjer il-​ponn fl-​ajru. Is-​sewwieq ħaffef sakkar il-​bibien u tellaʼ l-​ħġieġ, imma dak li kien fih raġel baqaʼ ġej. Ir-​raġel qabad il-​karozza minn taħt, heżżiżha u ssara mal-​bieba tagħha. Finalment, frustrat għall-​aħħar għolla l-​ponn kbir tiegħu u ta daqqa fuq il-​ħġieġa taʼ quddiem u għamilha trietaq.

Hija din xena minn xi film mimli azzjoni? Le! Dan kien argument tat-​traffiku fil-​gżira taʼ Oahu, fil-​Hawai, magħrufa għall-​atmosfera trankwilla u rilassanti tagħha.

Dan m’huwiex sorprendenti. Serraturi mal-​bibien, ħadid mat-​twieqi, uffiċċjali tas-​sigurtà maʼ bini, saħansitra avviżi fuq karozzi tal-​linja li jgħidu “Is-​sewwieq ma jġorrx flus fuqu”​—kollha jippontaw lejn ħaġa waħda: Vjolenza maʼ kullimkien!

Vjolenza Fid-​Dar

Id-​dar ilha żmien twil miżmuma b’għożża bħala l-​post taʼ kenn u sigurtà għal dak li jkun. Dan il-​kunċett tant mixtieq, madankollu, malajr qiegħed jinbidel. Vjolenza fil-​familja, li tinkludi abbuż mit-​tfal, swat tas-​sieħeb jew sieħba, u omiċidji, qiegħda tkun il-​qofol taʼ l-​aħbarijiet madwar id-​dinja kollha.

Per eżempju, “mill-​anqas 750,000 tifel u tifla fl-​Ingilterra jistgħu jsofru minn trawma fit-​tul għaliex huma esposti għal vjolenza domestika,” tgħid il-​Manchester Guardian Weekly. Ir-​rapport kien ibbażat fuq stħarriġ li sab ukoll li “tlieta minn kull erbaʼ nisa intervistati qalu li t-​tfal tagħhom kienu raw inċidenti vjolenti, u kważi żewġ terzi mit-​tfal kienu raw ’l ommhom tiġi msawta.” B’mod simili, skond il-​U.S.News & World Report, il-​U.S. Advisory Board on Child Abuse and Neglect (Bord taʼ Rakkomandazzjoni taʼ l-​Istati Uniti dwar l-​Abbuż u n-​Negliġenza tat-​Tfal) jikkalkula li “2,000 tifel u tifla, il-​biċċa l-​kbira minnhom taħt l-​4 snin, imutu kull sena taħt idejn il-​ġenituri jew dawk li jieħdu ħsiebhom.” Dan jisboq in-​numru taʼ mwiet ikkaġunati minn aċċidenti tat-​traffiku, għarqiet, jew waqgħat, jgħid ir-​rapport.

Il-vjolenza domestika tinkludi wkoll l-​abbuż tas-​sieħeb jew sieħba, li jvarja minn li wieħed jiġi mbuttat għal li jiġi mogħti bil-​ħarta, mogħti bis-​sieq, fgat, imsawwat, mhedded b’sikkina jew b’arma tan-​nar, jew saħansitra maqtul. U llum din il-​forma taʼ vjolenza tapplika kemm għall-​irġiel u kemm għan-​nisa. Studju wieħed isib li fost il-​vjolenza rrapportata bejn il-​koppji, madwar kwart tal-​każi huma mibdijin mir-​raġel, kwart ieħor mill-​mara, u l-​bqija jistgħu jiġu deskritti l-​aħjar bħala frattariji li għalihom iż-​żewġ partijiet iridu jaqsmu l-​ħtija.

Vjolenza Fuq Il-​Post Tax-​Xogħol

Lil hinn mid-​dar il-​post tax-​xogħol tradizzjonalment kien il-​lok fejn persuna ssib l-​ordni, ir-​rispett, u d-​dħulija. Imma dak jidher li m’għadux iżjed il-​każ. Per eżempju, statistiċi maħruġin mid-​Dipartiment tal-​Ġustizzja taʼ l-​Istati Uniti juru li kull sena iktar minn 970,000 ruħ jaqgħu vittma taʼ kriminalità vjolenti fuq il-​post tax-​xogħol. Fi kliem ieħor, “il-​ħaddiema jistgħu jkollhom ċans wieħed minn erbgħa li jaqgħu vittma taʼ xi forma taʼ vjolenza fuq ix-​xogħol,” skond rapport fil-​Professional Safety​—Journal of the American Society of Safety Engineers.

L-​iktar inkwetanti huwa li l-​vjolenza fuq il-​post tax-​xogħol m’hijiex limitata għal argumenti u tgħajjir. “Vjolenza diretta speċifikament kontra l-​prinċipali u l-​impjegati minn impjegati oħrajn hija issa l-​kategorija taʼ omiċidji fl-​Istati Uniti li qiegħda tiżdied bl-​akbar ħeffa,” jgħid l-​istess rapport. Fl-​1992, 1 minn kull 6 disgrazzji relatati max-​xogħol kienet omiċidju; għan-​nisa, il-​figura kienet kważi 1 minn 2. Ħadd ma jistaʼ jiċħad li għaddejja mewġa taʼ vjolenza minn fuq dak li darba kien post tax-​xogħol fejn kien ikun hemm l-​ordni.

Vjolenza Fl-​Isport u D-​Divertiment

L-​isport u d-​divertiment kienu jiġu mfittxijin bħala mezz t’aljenazzoni jew taʼ serħan il-​moħħ biex persuna tieħu s-​saħħa mill-​ġdid għall-​attivitajiet iktar serji tal-​ħajja. Illum id-​divertiment huwa industrija li tiġġenera bosta biljuni taʼ dollari. Sabiex jagħmlu l-​akbar profitt li jistgħu minn dan is-​suq li jħalli tant qligħ, dawk li jipprovdu dawn is-​servizzi ma tniggiżhomx il-​kuxjenza f’li jużaw kwalunkwe mezz għad-​dispożizzjoni tagħhom. U waħda minn dawn il-​mezzi hija l-​vjolenza.

Per eżempju, Forbes, rivista dwar in-​negozju, irrapportat li manifattur tal-​logħob tal-​vidjo għandu logħba popolari tal-​gwerra li fiha wieħed gwerrier iqaċċat ir-​ras u x-​xewka taʼ dahar l-​opponent tiegħu waqt li spettaturi jgħajtu b’kantaliena, “Temmlu ħajtu! Temmlu ħajtu!” Verżjoni taʼ l-​istess logħba magħmula għal kumpanija kompetitriċi, madankollu, m’għandhiex dik il-​parti makabra. Ir-​riżultat? Il-​verżjoni l-​iktar vjolenti tinbiegħ iktar mill-​kompetitriċi tagħha bir-​rata taʼ 3 għal kull 2. U dan ifisser ammonti kbar taʼ flus. Meta l-​verżjonijiet taʼ dawn il-​logħbiet intenzjonati għall-​użu fid-​dar ħarġu fis-​suq, il-​kumpaniji daħħlu bejniethom $65 miljun internazzjonalment fl-​ewwel ġimgħatejn! Meta l-​profitt huwa involut, il-​vjolenza hija biss lixka oħra għall-​konsumaturi.

Il-vjolenza fl-​isport hija pjuttost kwistjoni oħra. Il-​plejers spiss iħossuhom kburin bil-​ħsara li jistgħu jikkaġunaw. F’logħba hockey partikulari fl-​1990, per eżempju, kien hemm 86 penalti​—l-​ogħla numru qatt reġistrat. Il-​logħba ġiet interrotta minn tliet sigħat u nofs taʼ vjolenza intenzjonata. Wieħed plejer kien ikkurat għal ksur fl-​għadma taʼ wiċċu, barxa fil-​kornea, u farrett. Għala vjolenza bħal din? Wieħed plejer spjega: “Meta tirbaħ logħba tassew emozzjonali, b’ħafna ġlidiet, tmur id-​dar u tħossok xi ftit eqreb lejn sħabek tat-​tim. Kont naħseb li l-​ġlidiet kienu jagħmluha logħba tassew spiritwali.” F’ħafna mill-​isport taʼ llum, il-​vjolenza, mid-​dehra, saret mhux biss il-​mezz li bih jinkiseb ir-​riżultat mixtieq imma r-​riżultat innifsu.

Vjolenza Fl-​Iskola

L-​iskola minn dejjem kienet meqjusa bħala ċittadella fejn iż-​żgħażagħ jistgħu jħallu l-​ħsibijiet l-​oħrajn kollha warajhom u jikkonċentraw f’li jiżviluppaw imħuħhom u persunithom. Illum, madankollu, l-​iskola m’għadhiex iżjed post daqstant bla periklu u taʼ sigurtà. Stħarriġ li sar fl-​1994 sab li l-​vjolenza u l-​gajjiet jikkostitwixxu l-​problema primarja fi skejjel pubbliċi fl-​Istati Uniti, billi jisbqu dawk finanzjarji, li kienu fil-​quċċata tal-​lista fis-​sena taʼ qabel. Sewwa sew kemm hija ħażina s-​sitwazzjoni?

Għall-mistoqsija, “Qatt kont il-​vittma t’att vjolenti li twettaq fl-​iskola jew viċin tagħha?” kważi student minn kull 4 waqt stħarriġ wieġeb iva. Iktar minn wieħed minn kull għaxar għalliema wkoll wieġbu fl-​affermattiv. L-​istess stħarriġ sab li 13 fil-​mija taʼ l-​istudenti, subjien u bniet, ammettew li ġarrew xi arma waqt l-​iskola f’xi ħin jew ieħor. Il-​biċca l-​kbira minnhom stqarru li għamlu hekk sempliċement biex jimpressjonaw lil oħrajn jew biex jipproteġu lilhom infushom. Imma wieħed student taʼ 17-il sena spara għall-​għalliem tiegħu f’sidru meta dan ipprova jeħodlu l-​arma.

Kultura Vjolenti

Ħadd ma jistaʼ jiċħad li l-​vjolenza tinsab kullimkien illum. Fid-​dar, fuq ix-​xogħol, fl-​iskola, u fid-​divertiment, niffaċċjaw kultura vjolenti. Billi huma esposti għaliha kuljum, ħafna saru jaċċettawha bħala normali​—sakemm jiġu vittimizzati. Imbagħad jistaqsu, Qatt se tintemm? Tixtieq int ukoll tkun taf it-​tweġiba? Mela jekk jogħġbok aqra l-​artiklu li jmiss. (w96 2/15)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja