Għala Jużaw il-Vjolenza
TARBIJA prematura taʼ 27 ġimgħa twieldet f’Denver, Colorado, fl-Istati Uniti. It-tifel salva, u wara li dam tliet xhur fl-isptar, hu ntbagħat lura d-dar għand il-ġenituri tiegħu. Tliet ġimgħat wara, it-tifel reġaʼ sab ruħu l-isptar. Għala? Kien qiegħed isofri minn ġrieħi kbar f’rasu wara li missieru heżhżu bi vjolenza. Il-missier xabaʼ jissaporti l-biki tiegħu. It-tifel ċkejken baqaʼ għami u inkapaċitat. Il-mediċina moderna kienet salvatu mit-trawma tat-twelid tiegħu imma ma setgħetx issalvah mill-vjolenza taʼ missieru.
Numru bla għadd taʼ tfal qegħdin jiġu abbużati, imbiċċrin, jew maqtulin f’wieħed mill-iktar postijiet vjolenti fid-dinja—id-dar! Skond xi kalkoli, daqs 5,000 tifel u tifla jinqatlu mill-ġenituri tagħhom fl-Istati Uniti biss! U t-tfal m’humiex l-uniċi vittmi. Skond ir-rivista World Health, “l-abbuż tan-nisa min-naħa taʼ żwieġhom huwa l-akbar kaġun taʼ ġrieħi fuq nisa taʼ età riproduttiva” fl-Istati Uniti. Xi ngħidu għal pajjiżi oħrajn? “Minn terz sa iktar minn nofs in-nisa li ħadu sehem fi stħarriġ [f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw] jirrapportaw li huma jiġu msawtin mis-sieħeb tagħhom.” Iva, il-vjolenza qed tikkaġuna ħafna sofferenza, speċjalment fid-dar.
Ħafna rġiel u nisa miżżewġin jipprovaw isolvu d-differenzi tagħhom bil-vjolenza. F’xi pajjiżi, il-ġenituri u l-għalliema jużaw il-vjolenza biex jiżvogaw ir-rabja tagħhom fuq it-tfal. Sempliċement għall-gost, il-búlijiet jaħqru lil uħud iktar dgħajfin, billi jagħmluhom il-mira tal-vjolenza tagħhom. Il-bnedmin għala jsiru daqshekk vjolenti?
Għala n-Nies Isiru Vjolenti
Xi wħud isostnu li l-bnedmin huma vjolenti di natura. Fil-waqt li l-kriminalità vjolenti in ġenerali naqset fl-Istati Uniti, din żdiedet fost iż-żgħażagħ. U l-interess fil-vjolenza kiber. L-akbar tliet stazzjonijiet tat-televixin irdoppjaw in-numru taʼ stejjer li jinvolvu l-kriminalità, u ttriplikaw ir-rapporti tagħhom dwar il-qtil. Iva, il-kriminalità tfisser profitt! “Aħna mhux talli nittolleraw il-vjolenza,” kiteb il-psikjatra Karl Menninger, “imma talli npoġġuha fil-paġni taʼ quddiem tal-gazzetti tagħna. Wieħed minn kull tliet jew erbaʼ programmi li nuru fuq it-televixin jużaha bħala tip taʼ divertiment għal uliedna. Mhux talli niskużawha! Għeżież ħbieb, aħna nħobbuha.”
Studji xjentifiċi reċenti jissuġġerixxu li kemm il-bijoloġija tal-moħħ u kemm l-ambjent għandhom ħafna x’jaqsmu maʼ l-aggressjoni tal-bniedem. “Dak li lkoll kemm aħna qegħdin nibdew nikkonkludu hu li l-ambjenti ħżiena li iktar u iktar tfal qegħdin jiġu esposti għalihom qegħdin, tabilħaqq, joħolqu epidemija taʼ vjolenza,” jgħid Dr. Markus J. Kruesi mill-University of Illinois Institute for Juvenile Research. “Dak li jiġri fl-ambjent taʼ madwarhom qiegħed attwalment jikkaġuna bidliet molekulari fil-moħħ li jġagħlu lin-nies ikunu iktar impulsivi.” Fatturi bħall-“kollass taʼ l-istruttura tal-familja, iż-żjieda kbira fl-għadd taʼ familji b’ġenitur wieħed, il-faqar bla tmiem, u l-abbuż kroniku mid-drogi jistgħu attwalment iġagħlu l-proċessi kimiċi tal-moħħ jirriżultaw f’atteġġjament aggressiv—effett li xi darba kien maħsub li hu impossibbli,” jgħid il-ktieb Inside the Brain.
Xi wħud jaħsbu li l-bidliet fil-moħħ jinkludu li jitbaxxa l-livell taʼ serotonin, kimika tal-moħħ li hu maħsub li tikkontrolla l-aggressjoni. Xi studji jirrivelaw li l-alkoħol jistaʼ jbaxxi l-livell tas-serotonin fil-moħħ, u b’hekk, dan jagħti xi ftit bażi xjentifika għall-konnessjoni li ilha magħrufa bejn il-vjolenza u l-abbuż mill-alkoħol.
Hemm jerġaʼ fattur ieħor involut fiż-żjieda kbira fil-vjolenza llum. “Ftakar,” iwissi ktieb fdat taʼ profezija, il-Bibbja, li “se jkun hemm żminijiet diffiċli fl-aħħar jiem. In-nies se jkunu egoisti, rgħiba, faħħarin u kburin; . . . se jkunu bla qalb, bla ħniena, kalunnjaturi, vjolenti, u kefrin; se jobogħdu t-tajjeb; se jkunu tradituri, bla ħsieb, u minfuħin bil-kburija . . . Żomm ’il bogħod minn nies bħal dawn.” (2 Timotju 3:1-5, Today’s English Version) Iva, il-vjolenza li naraw illum hija twettiq tal-profezija tal-Bibbja dwar “l-aħħar jiem.”
Hemm xi ħaġa oħra li tagħmel lil dan iż-żmien wieħed vjolenti b’mod speċjali. “Ħażin għalikom, art u baħar,” tgħid il-Bibbja, “għax fikom niżel id-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” (Apokalissi 12:12) Ix-Xitan u l-qtajjaʼ taʼ demonji tiegħu tkeċċew mis-sema u issa qegħdin jikkonċentraw il-malinjità tagħhom fuq l-umanità. Bħala l-“kap tas-saltna taʼ l-ajru [“arja,” New World Translation],” ix-Xitan jimmanipula “l-Ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux,” billi jagħmel lid-dinja post li qed isir dejjem iżjed vjolenti.—Efesin 2:2.
Kif nistgħu, allura, inkampaw maʼ din l-“arja” vjolenti li hawn fid-dinja llum? U kif nistgħu nsolvu d-differenzi mingħajr ma nużaw il-vjolenza?
[Kumment f’paġna 3]
Numru bla għadd taʼ tfal qegħdin jiġu abbużati, imbiċċrin, u maqtulin f’wieħed mill-iktar postijiet vjolenti fid-dinja—id-dar!