LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 7/8 pp. 5-9
  • Għala Daqshekk Delitti Vjolenti Issa?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Daqshekk Delitti Vjolenti Issa?
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Jagħmlu Hekk?
  • Ħajja tal-​Familja Mkissra
  • Gruppi u Kulti Mqanqlin mill-​Mibegħda
  • Il-​Mezzi tax-​Xandir u l-​Vjolenza
  • Drogi
  • Aċċess Faċli għal Armi Qerridija
  • M’Humiex Kapaċi Jkampaw
  • It-​Tweġiba tal-​Bibbja
  • Hija dinja ħielsa mill-vjolenza possibbli?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Alla Kif Iħossu dwar il-Vjolenza?
    Stenbaħ!—2002
  • Il-Kriminalità Vjolenti—X’Inhu Jiġri?
    Stenbaħ!—2003
  • Għala Jużaw il-Vjolenza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 7/8 pp. 5-9

Għala Daqshekk Delitti Vjolenti Issa?

ID-​DELITTI kollha huma ħżiena. Iżda dawk bla sens jew bla raġuni huma iktar diffiċli biex tifhimhom. Il-​fatt li taʼ spiss ikunu mingħajr motiv ovvju jħawwad lill-​investigaturi. Billi l-​mezzi tax-​xandir saru iktar effettivi fis-​snin reċenti, delitti terribbli bħal dawn isiru jafu bihom miljuni taʼ nies, jew saħansitra biljuni, fi ftit ħin. Rapport li ġie pubblikat mill-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa jgħid li “l-​vjolenza teffettwa lill-​kontinenti u lill-​pajjiżi kollha u lil bosta komunitajiet.”

Anki f’postijiet li qabel kien jidher li m’hemmx daqshekk periklu fihom, dan l-​aħħar kien hemm iktar każijiet t’atti taʼ vjolenza bla sens. Per eżempju, il-​Ġappun kien ilu ħafna b’rata baxxa taʼ kriminalità vjolenti. Madankollu, f’Ikeda, f’Ġunju 2001, raġel li kien qed iġorr sikkina tal-​laħam daħal fi skola u beda jagħti u jfajjar daqqiet taʼ sikkina lill-​vittmi. F’temp taʼ 15-il minuta qatel 8 itfal u weġġaʼ 15 oħra. Meta nikkunsidraw dan il-​każ maʼ rapporti oħra fil-​Ġappun, bħal dawk taʼ xi żgħażagħ li qatlu lil xi nies li ma kinux jafuhom għas-​sempliċi raġuni biex iħossu ċertu eċċitament, wieħed jinduna li l-​affarijiet inbidlu.

Anki f’pajjiżi fejn ir-​rata taʼ kriminalità minn dejjem kienet għolja, ċerti atti bla sens iddiżgustaw lin-​nies. Dan kien minnu wara l-​attakk fuq il-​World Trade Center fi New York, fil-​11 taʼ Settembru, 2001. Il-​psikologu Gerard Bailes għamel dan il-​kumment: “Dan l-​attakk biddel id-​dinja f’post perikoluż u li m’huwiex familjari, fejn ma nistgħux ngħidu x’se jiġri.”

Għala Jagħmlu Hekk?

M’hemm l-​ebda fattur uniku li jispjega l-​atti differenti kollha taʼ vjolenza bla sens. Delitti bla sens jagħmluha iktar diffiċli biex tifhimhom. Per eżempju, huwa diffiċli li tifhem għala xi ħadd imur fuq persuna li lanqas biss jafha u jagħtiha daqqiet taʼ sikkina sakemm tmut, jew għala xi ħadd jgħaddi bil-​karozza minn ħdejn xi dar u jaqbad jispara fejn ħabat ħabat u fejn laqat laqat.

Xi wħud isostnu li l-​vjolenza hija normali għal xi nies. Oħrajn jargumentaw li delitti bla sens ma jistgħux jiġu spjegati bħala parti min-​natura umana li ma tistax tiġi evitata.—Ara l-​kaxxa “Destinati għall-​Vjolenza?”

Ħafna esperti jemmnu li hemm ħafna fatturi u ċirkustanzi li jinfluwenzaw lin-​nies biex iwettqu atti boloh u vjolenti. Rapport li ġie pubblikat mill-​Akkademja taʼ l-​FBI (Federal Bureau of Investigation [l-Uffiċċju Federali taʼ l-​Investigazzjoni]) fl-​Istati Uniti jasal sal-​punt li jgħid: “Omiċidju m’huwiex l-​att taʼ persuna f’sensiha u f’sikkitha mentalment.” Xi awtoritajiet ma jaqblux maʼ l-​għażla tal-​kliem f’din l-​istqarrija. Madankollu, ħafna jaqblu maʼ dak li jissuġġerixxi dak il-​kliem. Għal xi raġuni jew oħra l-​mod kif jaħsbu dawk li jikkommettu delitti bla sens m’huwiex normali. Xi ħaġa effettwatilhom ir-​raġunar loġiku tagħhom sal-​punt li jispiċċaw jagħmlu dak li ma jitwemminx. X’fatturi jqanqlu lin-​nies biex jagħmlu affarijiet bħal dawn? Ejja nagħtu daqqa t’għajn lejn bosta possibbiltajiet li semmew l-​esperti.

Ħajja tal-​Familja Mkissra

Marianito Panganiban, kelliem għall-​Uffiċċju Nazzjonali taʼ l-​Investigazzjoni fil-​Filippini, ġie mistoqsi minn kittieb għal Stenbaħ! dwar it-​trobbija u l-​esperjenzi taʼ dawk li jwettqu delitti estremi. Hu kkummenta: “Jiġu minn familji mkissrin. Huma neqsin mill-​attenzjoni u l-​imħabba. Is-​saħħa morali tan-​nies tiddgħajjef, fis-​sens li ma jkollhom l-​ebda gwida u mbagħad jaqbdu t-​triq il-​ħażina.” Ħafna riċerkaturi jissuġġerixxu li relazzjonijiet dgħajfin tal-​familja u vjolenza fil-​familja huma komuni fost kriminali aggressivi.

Iċ-Ċentru Nazzjonali Amerikan għall-​Analisi tal-​Kriminalità Vjolenti, ħareġ rapport li fih issemmiet lista taʼ fatturi li jistgħu jidentifikaw lil dawk iż-​żgħażagħ li hemm mnejn iwettqu vjolenza qattiela fl-​iskola. Dawn il-​fatturi li għandhom x’jaqsmu mal-​familja kienu inklużi: relazzjoni instabbli bejn il-​ġenituri u t-​tfal, ġenituri li ma jkunux jistgħu jagħrfu l-​problemi li jkollhom uliedhom, nuqqas taʼ relazzjoni mill-​qrib, ġenituri li jqiegħdu ftit limiti jew xejn fuq il-​kondotta taʼ wliedhom, u tfal li huma riservati żżejjed u li qegħdin jgħixu ħajja doppja, u b’hekk jaħbu mill-​ġenituri tagħhom parti minn ħajjithom.

Illum ħafna tfal huma l-​vittmi taʼ familji mkissrin. Oħrajn għandhom ġenituri li ftit għandhom ħin għalihom. Eluf taʼ żgħażagħ ma telgħux bi gwida tajba biżżejjed fejn tidħol il-​moralità u l-​familja. Xi esperti jħossu li ambjent bħal dan jistaʼ ma jħallix lit-​tfal jiżviluppaw l-​abbiltà li jkunu qrib emozzjonalment taʼ oħrajn, u b’hekk jagħmilha iktar faċli għalihom li jikkommettu delitti kontra bnedmin oħra, ħafna drabi mingħajr ma jħossu rimors għal dan.

Gruppi u Kulti Mqanqlin mill-​Mibegħda

L-​evidenza turi li xi gruppi jew kulti mqanqlin mill-​mibegħda kienu influwenza b’saħħitha fit-​twettiq taʼ ċerti delitti. Fl-​Indiana, l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika, ġuvni iswed taʼ 19-il sena kien sejjer lura d-​dar wara li għadda saċ-​ċentru tal-​ħwienet. Ftit wara, spiċċa mixħut fil-​ġenb tat-​triq b’balla ġo moħħu. Żagħżugħ għażlu bl-​addoċċ u sparalu. Għala? Dan il-​qattiel ried isir membru taʼ organizzazzjoni tas-​supremazija tal-​bojod u jakkwista tatù taʼ għanqbuta talli kien qatel persuna sewda.

L-attakk fis-​sabwej taʼ Tokyo li sar fl-​1995 bil-​gass tossiku li jattakka s-​sistema nervuża; is-​suwiċidju tal-​massa li sar f’Jonestown il-​Guyana; u l-​imwiet taʼ 69 membru taʼ l-​Ordni tat-​Tempju Solari fl-​Isvizzera, il-​Kanada, u Franza, kollha saru għax kienu influwenzati mill-​kulti. Dawn l-​eżempji juru l-​qawwa li għandhom ċerti gruppi biex jinfluwenzaw il-​mod kif jaħsbu xi nies. Mexxejja taʼ influwenza kbira ġagħlu lil xi wħud jagħmlu “dak li ma jitwemminx” billi ħajruhom għal xi benefiċċju li suppost kellhom jaqilgħu jekk jagħmlu dak li jgħidulhom.

Il-​Mezzi tax-​Xandir u l-​Vjolenza

Xi wħud jirreferu għall-​evidenza li turi li forom differenti tal-​komunikazzjoni moderna jistgħu jinkuraġġixxu kondotta aggressiva. Meta xi ħadd joqgħod jara regolarment il-​vjolenza fuq it-​televixin, fil-​films, fil-​logħob tal-​kompjuter, u fuq l-​Internet, dan iġiegħel lill-​kuxjenza biex ma tibqax sensittiva u jqanqal iktar delitti vjolenti. It-​Tabib Daniel Borenstein, president taʼ l-​Għaqda Amerikana tal-​Psikjatrija, qal: “Bħalissa hemm iktar minn 1,000 studju bbażat fuq iktar minn 30 sena taʼ riċerka li juri konnessjoni bejn il-​vjolenza li tintwera fuq il-​mezzi tax-​xandir u l-​aġir aggressiv taʼ xi tfal.” Quddiem kumitat tas-​Senat taʼ l-​Istati Uniti, it-​Tabib Borenstein xehed: “Aħna konvinti li l-​fatt li xi ħadd kemm-il darba jiġi f’kuntatt maʼ kull tip taʼ vjolenza li tidher fid-​divertimenti, dan ikollu impatt ħażin fuq is-​saħħa tal-​pubbliku.”—Ara l-​kaxxa “Vjolenza fil-​Logħob tal-​Kompjuter—Il-​Ħarsa taʼ Tabib.”

Każijiet speċifiċi huma taʼ spiss imsemmijin biex juru li dan hu minnu. Fil-​każ taʼ dak li semmejna fl-​artiklu taʼ qabel u li spara mingħajr ma ħasibha darbtejn fuq dik il-​koppja li kienet qiegħda fuq ix-​xatt tara x-​xemx tielgħa, il-​prosekuturi ppreżentaw l-​evidenza li l-​eċċitament li kellu biex joqtol kien imqanqal minn film vjolenti li rah darba wara l-​oħra. Fl-​isparar li sar fl-​iskola, fejn 15-il ruħ ġew maqtula, intqal li ż-​żewġ studenti li wettqu d-​delitt kienu jilagħbu l-​logħob vjolenti tal-​kompjuter għal ħafna sigħat kuljum. Barra minn hekk, huma taʼ spiss kienu jaraw films li jagħmlu l-​vjolenza u l-​qtil jidhru sbieħ.

Drogi

Fl-​Istati Uniti, ir-​rata taʼ qtil li jsir minn adolexxenti ttriplikat f’perijodu taʼ tmien snin. L-​awtoritajiet x’juru li tistaʼ tkun raġuni għal dan? Il-​klikek, b’mod partikulari l-​klikek li għandhom x’jaqsmu mal-​kokaina qawwija magħmula għat-​tipjip. Madwar 500 omiċidju li saru reċentement f’Los Angeles, Kalifornja, “il-​pulizija qalet li 75 fil-​mija minnhom kellhom x’jaqsmu mal-​klikek.”

Rapport li sar mill-​Akkademja taʼ l-​FBI jagħmel din l-​istqarrija: “Id-​drogi huma preżenti f’għadd taʼ l-​għaġeb taʼ każijiet taʼ omiċidji.” Xi wħud li ma jibqgħux jaħsbu sew bid-​drogi, jikkommettu qtil waqt li jkunu taħt l-​effett tagħhom. Oħrajn jiddefendu t-​traffikar tad-​drogi tagħhom billi jużaw il-​vjolenza. Naturalment, id-​drogi huma fattur b’saħħtu li jqanqal lin-​nies biex jikkommettu atti terribbli.

Aċċess Faċli għal Armi Qerridija

Bħalma ssemma fl-​artiklu taʼ qabel, wieħed li beda jispara fit-​Tasmanja, l-​Awstralja, qatel 35 ruħ. Hu weġġaʼ lil 19 oħra. Ir-​raġel kien armat b’armi semi-awtomatiċi fi stil militari. Dan qanqal lil ħafna biex jikkonkludu li aċċess faċli għal armi bħal dawn huwa fattur ieħor li jikkontribwixxi għaż-​żjieda taʼ delitti vjolenti.

Rapport wieħed juri li fl-​1995, fil-​Ġappun, kien hemm 32 biss li nqatlu b’tir taʼ arma tan-​nar, ħafna minnhom kienu jinvolvu membri taʼ klikek li joqtlu lil membri taʼ klikek oħra. F’kuntrast, l-​Istati Uniti kellha iktar minn 15,000 qtil b’arma tan-​nar. Għala d-​differenza? Il-​liġijiet stretti fil-​Ġappun dwar min jistaʼ jkollu l-​armi tan-​nar, ġew imsemmijin bħala raġuni minn xi wħud.

M’Humiex Kapaċi Jkampaw

Meta jisimgħu b’ċerti atti orribbli, xi wħud jistgħu jirreaġixxu billi jgħidu, ‘Dik il-​persuna bilfors li miġnuna!’ Madankollu, mhux dawk kollha li jikkommettu delitti bħal dawn huma morda mentalment. Ħafna, madankollu, isibuha diffiċli biex ikampaw mal-​ħajja. L-​esperti juru li ċerti problemi fil-​personalità taʼ l-​individwi jistgħu jwasslu għal atti estremi. Fost il-​problemi li jkollhom hemm dawn li ġejjin: ma jkollhomx il-​kapaċità li jitgħallmu u li jkunu jafu kif għandhom jaġixxu maʼ ħaddieħor; iġarrbu ċerti effetti negattivi minħabba li jkunu ġew abbużati fiżikament jew sesswalment; ikollhom karatteristiċi taʼ xi ħadd li ma jħobbx joqgħod man-​nies; ikollhom mibegħda għal ċertu grupp, bħal per eżempju għan-​nisa; ma jiddispjaċihomx daqshekk meta jagħmlu l-​ħażin; u jkollhom ix-​xewqa li jikkontrollaw lil oħrajn għall-​vantaġġ tagħhom stess.

Hi x’inhi l-​problema, xi wħud tant ikun moħħhom biss fid-​diffikultajiet li jkollhom li dawn jeffettwawlhom il-​mod kif jaħsbu, u dan jistaʼ jwassalhom biex jagħmlu atti strambi. Eżempju wieħed huwa dak taʼ infermiera li kienet tixxennaq b’mod mhux normali għall-​attenzjoni. Kienet tinjetta lit-​tfal żgħar b’ċertu likwidu li jirrilassa l-​muskoli u li minħabba f’hekk kien iwaqqafhom milli jieħdu n-​nifs. Imbagħad kienet titpaxxa bl-​attenzjoni li kienet tingħata hekk kif kienet “issalva” lil kull tifel u tifla. Sfortunatament, ma kinitx kapaċi tgħinhom kollha jerġgħu jibdew jieħdu n-​nifs. Instabet ħatja taʼ qtil.

Minn dan li semmejna huwa ovvju li hemm taħlita taʼ fatturi li tinfluwenza lin-​nies biex jikkommettu delitti vjolenti. Madankollu, il-​lista tagħna ma tkunx kompleta jekk ma nikkunsidrawx fattur ieħor importanti ħafna.

It-​Tweġiba tal-​Bibbja

Il-​Bibbja tgħinna nifhmu x’inhu jiġri issa u għala xi nies jaġixxu b’dawn il-​modi tant estremi. Tiddeskrivi b’mod eżatt attitudnijiet li naraw taʼ spiss. Per eżempju, il-​lista li nsibu fit-​2 Timotju 3:​3, 4 tgħid li n-​nies kellhom ikunu “bla qalb, . . . bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-​tajjeb,” u “bla ħsieb.” Fi ktieb ieħor tal-​Bibbja, jingħad li Ġesù qal: “L-​imħabba tibred f’ħafna.”—Mattew 24:12.

Il-Bibbja tgħid: “L-​aħħar tad-​dinja jkun żmien iebes.” (2 Timotju 3:1) Iva, dak li naraw huwa evidenza li qegħdin ngħixu fl-​aħħar tas-​sistema dinjija preżenti. Il-​kundizzjonijiet, flimkien maʼ l-​attitudnijiet tan-​nies, qabdu n-​niżla. Nistgħu nistennew li xi soluzzjoni tiġi immedjatament? Il-​Bibbja twieġeb: “In-​nies il-​ħżiena u l-​uċuħ b’oħra jmorru mill-​ħażin għall-​agħar.”—2 Timotju 3:13.

Ifisser dan li l-​umanità hija destinata għal ċiklu bla tmiem taʼ vjolenza feroċi u delitti li dejjem jiżdiedu u jiħraxu? Ejja neżaminaw din il-​mistoqsija fl-​artiklu tagħna li jmiss.

[Kaxxa f’paġna 6]

DESTINATI GĦALL-​VJOLENZA?

Xi wħud jargumentaw li t-​tendenza għall-​vjolenza jew għall-​qtil minn dejjem kienet xi ħaġa li tagħmel parti mill-​bniedem. Dawk li jemmnu fl-​evoluzzjoni jsostnu li ġejna minn annimali salvaġġi u li writna l-​karatteristiċi vjolenti tagħhom. Li kieku teoriji bħal dawn huma minnhom kieku jfisser li m’hemm l-​ebda tama taʼ ħruġ minn ċiklu bla tmiem taʼ vjolenza.

Madankollu, hemm ħafna evidenza li turi l-​kuntrarju għal dan. It-​teoriji msemmija hawn fuq ma jispjegawx għala f’kulturi differenti l-​vjolenza tvarja ħafna fl-​għamla tagħha u f’kemm issir spiss. Ma jurux għala f’xi kulturi li wieħed ipatti bil-​vjolenza hija xi ħaġa normali, mentri f’xi pajjiżi oħra ftit li xejn hemm rapporti taʼ vjolenza u qtil. Psikanalista Erich Fromm kixef id-​difetti tat-​teorija li tgħid li writna l-​aggressjoni mix-​xadini, billi wera ċar li għalkemm xi wħud minn dawn ikunu vjolenti minħabba bżonnijiet fiżiċi jew protezzjoni persunali, il-​bnedmin biss huma magħrufin li joqtlu sempliċement għall-​gost.

Fil-​ktieb tagħhom The Will to Kill​—Making Sense of Senseless Murder (Ix-Xewqa li Joqtlu​—Nagħmlu Sens minn Qtil bla Sens), il-​Professuri James Alan Fox u Jack Levin jgħidu: “Xi individwi huma iktar suxxettibbli għall-​vjolenza minn oħrajn, madankollu xorta għandhom il-​libertà li jagħżlu. Għalkemm hemm ħafna affarijiet, kemm ġewwa l-​bniedem u kemm affarijiet oħra fuq barra, li jikkontrollaw ix-​xewqa għall-​qtil, wieħed xorta għandu l-​possibbiltà li jagħżel u jieħu deċiżjonijiet, u għalhekk irid jagħti kont u jieħu r-​responsabbiltà taʼ l-​azzjonijiet tiegħu.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

VJOLENZA FIL-​LOGĦOB TAL-​KOMPJUTER—IL-​ĦARSA TAʼ TABIB

It-​Tabib Richard F. Corlin, li kien il-​president taʼ l-​Għaqda Medika Amerikana, għamel diskors lil grupp taʼ tobba li kienu se jiggradwaw f’Philadelphia, Pennsylvania, l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika. F’dan id-​diskors tkellem dwar logħob tal-​kompjuter li jinkuraġġixxi l-​vjolenza. Xi drabi, logħob bħal dan jagħti l-​punti meta tikkaġuna ferita fil-​laħam biss, iktar punti għal meta tispara lil xi ħadd, u terġaʼ iktar punti jekk tispara lil xi ħadd fir-​ras. Id-​demm jispara ’l barra, u t-​tessuti tal-​moħħ itiru maʼ kullimkien.

It-​Tabib Corlin qal li t-​tfal ma jitħallewx isuqu, jixorbu xorb alkoħoliku, u jpejpu taʼ età żgħira. Imbagħad qal: “Iżda aħna nħalluhom jittrennjaw biex jisparaw taʼ età żgħira u dan meta jkunu għadhom ma żviluppawx il-​kontroll taʼ l-​impuls u ma jkollhom l-​ebda maturità u dixxiplina biex jużaw bla ħsara l-​armi li jkunu qegħdin jilagħbu bihom . . . Għandna bżonn ngħallmu lil uliedna mill-​bidu li l-​vjolenza [għandha] il-​konsegwenzi—konsegwenzi serji—dejjem.”

B’dispjaċir, minflok ma jiġu mgħallmin li d-​delitti għandhom il-​konsegwenzi, taʼ spiss it-​tfal jisfaw vittmi innoċenti taʼ delitti vjolenti. L-​istatistiċi juru li tir b’arma tan-​nar joqtol għaxart itfal kuljum fl-​Istati Uniti. It-​Tabib Corlin jgħid: “L-​Istati Uniti hija minn taʼ quddiem fid-​dinja—minħabba r-​rata taʼ tfal li jmutu b’arma tan-​nar.” Il-​konklużjoni tiegħu? “Il-​vjolenza bl-​armi hija theddida għas-​saħħa tal-​pubbliku taʼ pajjiżna. Dan hu fatt.”

[Kaxxa f’paġna 9]

FATTURI LI JIKKONTRIBWIXXU GĦAL DELITTI VJOLENTI

Ħafna esperti jaħsbu li din il-​lista li ġejja tistaʼ tikkontribwixxi għal delitti bla sens:

Tkissir tal-​familji

Gruppi mqanqlin mill-​mibegħda, estremisti

Kulti perikolużi

Vjolenza fid-​divertiment

Li wieħed jara vjolenza ssir quddiemu

Abbuż mid-​drogi

Nuqqas t’abbiltà biex tkampa mal-​problemi

Aċċess faċli għall-​armi qerridin

Ċerti tipi taʼ mard mentali

[Stampa f’paġna 8]

Waħda minn ħames splużjonijiet li qatlet minn taʼ l-​inqas 12-il ruħ u weġġgħet lil iktar minn 80 oħra, fil-​Belt taʼ Quezon, il-​Filippini

[Sors]

AP Photo/Aaron Favila 30 taʼ Diċembru 2000

[Stampa f’paġna 8]

Żewġ studenti joqtlu għalliem, 12-il student, u mbagħad lilhom infushom fl-​Iskola Sekondarja Columbine, fil-​Kolorado, l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika

[Sors]

AP Photo/Jefferson County Sheriff’s Department 20 t’April, 1999

[Stampa f’paġna 8, 9]

Karozza armata b’bomba toqtol minn taʼ l-​inqas 182 ruħ u tweġġaʼ 132 ruħ f’diskoteka f’Bali, l-​Indoneżja

[Sors]

Maldonado Roberto/GAMMA 12 taʼ Ottubru, 2002

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja