Tikber l-Urġenza biex Noqogħdu Għassa
“Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux f’liema jum ġej il-Mulej tagħkom.”—MATTEW 24:42, NW.
1, 2. X’juri li qed ngħixu fi tmiem din is-sistema dinjija preżenti?
“L-IKTAR ħaġa li kellha influwenza kbira fis-seklu għoxrin kienet il-gwerra,” jgħid l-awtur Bill Emmott. Waqt li ammetta li f’kull żmien taʼ l-istorja tal-bniedem inħass l-effett tal-gwerer u l-vjolenza, hu jżid: “Is-seklu għoxrin ma kienx differenti ħafna mis-sekli taʼ qabel fit-tip taʼ gwerer u vjolenza, imma kien differenti fl-iskala u l-qilla tagħhom. Kien l-ewwel seklu li ġab miegħu konflitt globali . . . U, biex bħallikieku jenfasizza l-punt, ġab miegħu mhux konflitt globali wieħed, imma tnejn.”
2 Gwerer li jinvolvu “ġens kontra ġens u saltna kontra saltna” kienu mbassrin minn Ġesù Kristu. Madankollu, dawn huma biss aspett wieħed mis-‘sinjal tal-miġja taʼ Kristu u taʼ tmiem id-dinja.’ F’din il-profezija kbira, Ġesù semma wkoll il-ġuħ, il-mard li jittieħed, u t-terremoti. (Mattew 24:3, 7, 8; Luqa 21:6, 7, 10, 11) B’ħafna modi, dawn id-diżastri kibru fl-iskala u fil-qilla tagħhom. Il-ħażen tal-bniedem hu abbundanti, kif jidher mill-attitudni tiegħu lejn Alla u lejn bnedmin oħra. Il-kollass morali u ż-żjieda fil-kriminalità u l-vjolenza huma evidenti. Il-bnedmin saru jħobbu l-flus minflok lil Alla, ossessjonati bil-pjaċiri. Dan kollu jagħti prova li qed ngħixu fi “żmien iebes.”—2 Timotju 3:1-5.
3. Is-“sinjali taż-żminijiet” kif għandhom jeffettwawna?
3 Int kif tħossok dwar il-mod kif il-bniedem sejjer dejjem iktar għall-agħar? Ħafna huma indifferenti, saħansitra webbsu qalbhom, għall-ġrajjiet kurrenti taʼ niket. In-nies intelletwali u influwenti tad-dinja ma jifhmux it-tifsir tas-“sinjali taż-żminijiet,” u l-mexxejja reliġjużi lanqas taw gwida xierqa f’dan ir-rigward. (Mattew 16:1-3) Imma Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu: “Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux f’liema jum ġej il-Mulej tagħkom.” (Mattew 24:42, NW ) Ġesù jinkuraġġina mhux biss biex noqogħdu għassa imma wkoll biex ‘nibqgħu għassa.’ Sabiex nibqgħu għassa rridu nibqgħu attenti u b’għajnejna miftuħin beraħ. Dan jitlob iktar milli sempliċement naċċettaw il-fatt li qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem, iktar milli sempliċement nirrikonoxxu li ż-żminijiet huma diffiċli. Għandu jkollna konvinzjoni soda li t-‘tmiem taʼ kollox hu qrib.’ (1 Pietru 4:7) L-għassa tagħna b’hekk biss se jkollha sens t’urġenza. Għalhekk, il-mistoqsija li rridu nirriflettu fuqha hija din: ‘X’se jgħinna nsaħħu l-konvinzjoni tagħna li t-tmiem hu qrib?’
4, 5. (a) X’se jsaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar huwa fil-qrib, u għala? (b) X’inhu xebh wieħed bejn żmien Noè u l-preżenza taʼ Bin il-bniedem?
4 Ikkunsidra l-kundizzjonijiet li kienu jeżistu fi żmien il-ġrajja unika fl-istorja tal-bniedem—id-Dilluvju l-kbir taʼ żmien Noè. In-nies tant kienu ħżiena li Jehovah “sogħob bih.” Hu ddikjara: “Nqaċċat minn wiċċ l-art il-bniedem li jien ħlaqt.” (Ġenesi 6:6, 7) U fil-fatt hekk għamel. Ġesù kien qed jagħmel parallel bejn dak iż-żmien u issa, meta qal: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem.”—Mattew 24:37.
5 Huwa raġunevoli li nassumu li Jehovah iħossu dwar id-dinja taʼ llum bħalma ħassu dwar dik taʼ qabel id-Dilluvju. Ladarba ġab fi tmiem lid-dinja diżubbidjenti lejn Alla taʼ żmien Noè, hu żgur li se jeqred lid-dinja mill-agħar taʼ llum. Jekk nifhmu ċar il-parallel bejn dak iż-żmien u llum se nsaħħu l-konvinzjoni tagħna li t-tmiem taʼ din id-dinja preżenti hu qrib. Mela x’inhu dan ix-xebh? Mill-inqas hemm ħames affarijiet li jixxiebhu. L-ewwel waħda hi li t-twissija tal-qerda li ġejja hija enfasizzata b’mod speċifiku.
Mgħarrfin dwar “Ħwejjeġ li Kienu Għadhom Ma Jidhrux”
6. Fi żmien Noè, Jehovah xi ddeċieda li jagħmel?
6 Fi żmien Noè, Jehovah iddikjara: “L-ispirtu tiegħi ma jdumx għal dejjem jitħabat mal-bniedem, għax hu laħam ukoll: iżda jiemu jkunu mija u għoxrin sena.” (Ġenesi 6:3, Karm Żammit) Il-ħruġ taʼ dan id-digriet fis-sena 2490 Q.E.K. mmarka l-bidu taʼ tmiem dik id-dinja diżubbidjenti lejn Alla. Immaġina ftit dan x’kien ifisser għal dawk li kienu jgħixu dak iż-żmien! Fi żmien 120 sena, Jehovah kien se jġib ‘dilluvju ilma fuq l-art biex jeqred kull ħliqa li fiha nifs il-ħajja taħt is-smewwiet u kull ma jinsab fl-art jinqered.’—Ġenesi 6:17.
7. (a) Noè kif wieġeb għat-twissija dwar id-Dilluvju? (b) Aħna kif għandna nwieġbu għat-twissijiet dwar tmiem din is-sistema?
7 Noè rċieva t-twissija dwar il-katastrofu li kien ġej għaxriet taʼ snin qabel ma seħħ, u hu uża l-ħin b’mod għaqli biex jipprepara għas-salvazzjoni tiegħu. Wara li ġie “mgħarraf minn Alla dwar ħwejjeġ li kienu għadhom ma jidhrux,” jgħid l-appostlu Pawlu, “mimli b’biżaʼ qaddis [Noè] bena arka biex isalva l-familja tiegħu.” (Lhud 11:7) Xi ngħidu għalina? Għaddew madwar 90 sena mindu bdew l-aħħar jiem taʼ din is-sistema fl-1914. Aħna żgur li qegħdin fiż-“żmien taʼ l-aħħar.” (Danjel 12:4) Kif għandna nirreaġixxu għat-twissijiet li ngħatajna? “Min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17) Għalhekk, issa huwa ż-żmien li nagħmlu r-rieda taʼ Jehovah b’sens kbir t’urġenza.
8, 9. Liema twissijiet qed jingħataw fi żmienna, u dawn kif qed jiġu dikjarati?
8 Fi żmienna, studenti sinċiera tal-Bibbja tgħallmu mill-Iskrittura ispirata li din is-sistema hija kundannata għall-qerda. Nemmnuh aħna dan? Innota x’qal b’mod ċar Ġesù Kristu: “Għax imbagħad ikun hawn diqa kbira li mill-bidu tad-dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.” (Mattew 24:21) Ġesù qal ukoll li hu kellu jiġi bħala l-Imħallef maħtur minn Alla u kellu jifred lin-nies bħalma ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż. Dawk li jinstabu li ma jistħoqqilhomx “se jitilqu fil-qtugħ taʼ dejjem, imma l-uħud twajbin fil-ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:31-33, 46, NW.
9 Jehovah żamm dawn it-twissijiet quddiem għajnejn in-nies tiegħu billi tahom tfakkiriet f’waqthom permezz taʼ l-ikel spiritwali provdut mill-“ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW ) Iktar minn hekk, kull nazzjon, tribù, ilsien, u poplu huma mitlubin biex ‘jibżgħu minn Alla u jagħtuh glorja, għax ġiet is-siegħa tal-ħaqq tiegħu.’ (Apokalissi 14:6, 7) Parti integrali mill-messaġġ tas-Saltna pridkat maʼ l-art kollha mix-Xhieda taʼ Jehovah hija t-twissija li s-Saltna t’Alla dalwaqt se tneħħi l-ħakma mill-bniedem. (Danjel 2:44) Din it-twissija m’għandhiex tittieħed ħafif ħafif. Alla li jistaʼ kollox dejjem iżomm kelmtu. (Isaija 55:10, 11) Żamm kelmtu fi żmien Noè, u hekk se jagħmel fi żmienna.—2 Pietru 3:3-7.
L-Immoralità Sesswali Toktor Ħafna
10. X’jistaʼ jingħad dwar l-immoralità sesswali fi żmien Noè?
10 Iż-żmien tagħna jixbah lil żmien Noè f’aspett ieħor. Jehovah kien ikkmanda lill-ewwel raġel u mara biex ‘jimlew l-art’ bil-bnedmin, billi jużaw il-qawwiet sesswali li tahom Alla b’mod onorabbli fl-arranġament taż-żwieġ. (Ġenesi 1:28) Fi żmien Noè, l-anġli diżubbidjenti niġġsu lill-umanità b’sess pervers. Huma niżlu fuq l-art, ħadu iġsma materjali, u marru jgħixu maʼ nisa sbieħ, u b’hekk ipproduċew nisel li kien nofs bniedem, nofs demonju—in-Nefilim. (Ġenesi 6:2, 4) Id-dnub taʼ dawn l-anġli żienja huwa mxebbah mal-perverżjonijiet taʼ Sodoma u Gomorra. (Ġuda 6, 7) B’konsegwenza taʼ dan, l-immoralità sesswali nfirxet f’dak iż-żmien.
11. X’sitwazzjoni morali qed tagħmel lil żmienna jixbah lil żmien Noè?
11 Xi ngħidu għas-sitwazzjoni morali taʼ llum? F’dawn l-aħħar jiem, il-ħajjiet taʼ ħafna nies jiċċentraw madwar is-sess. Pawlu b’mod tassew ħaj jiddeskrivi lil dawn l-uħud bħala li “tilfu kull sentiment” morali, u li ħafna “ntelqu għal ħajja bla rażan, għal kull xorta taʼ żína bla xabaʼ.” (Efesin 4:19) Il-pornografija, is-sess qabel iż-żwieġ, l-abbuż sesswali fuq it-tfal, u l-omosesswalità huma komuni ħafna. Xi wħud diġà qed “jirċievu fihom infushom il-ħlas li ħaqqhom ħtijiethom” fil-forma taʼ mard trasmess sesswalment, tkissir taʼ familji, u problemi soċjali oħrajn.—Rumani 1:26, 27.
12. Għala għandna nikkultivaw mibegħda għal dak li hu ħażin?
12 Fi żmien Noè, Jehovah ġab id-Dilluvju l-kbir u qered lil dik id-dinja miġnuna fuq is-sess. Aħna qatt ma rridu ninsew il-fatt li dawn il-jiem huma tassew bħal dawk taʼ żmien Noè. Id-“diqa,” jew it-tribulazzjoni l-kbira, li ġejja se tnaddaf l-art minn nies ‘żienja, adulteri, irġiel miżmumin għal skopijiet m’humiex naturali, u rġiel li jimteddu maʼ rġiel.’ (Mattew 24:21; 1 Korintin 6:9, 10, NW; Apokalissi 21:8) Kemm huwa urġenti li nikkultivaw mibegħda għal dak li huwa ħażin u nwarrbu minn ċirkustanzi li jistgħu jwassluna għall-immoralità!—Salm 97:10; 1 Korintin 6:18.
L-Art “Imtliet bil-Vjolenza”
13. Fi żmien Noè, l-art għalfejn “imtliet bil-vjolenza”?
13 Filwaqt li tipponta lejn karatteristika oħra taʼ żmien Noè, il-Bibbja tistqarr: “U l-art tħassret quddiem Alla u mtliet bil-vjolenza.” (Ġenesi 6:11) Il-vjolenza fil-fatt ma kinitx xi ħaġa ġdida. Kajjin, bin Adam, qatel lil ħuh li kien ġust. (Ġenesi 4:8) Lamek irrifletta l-ispirtu vjolenti taʼ dak iż-żmien billi kkompona poeżija li tiftaħar dwar kif, skond hu, qatel raġel żagħżugħ biex jiddefendi ruħu. (Ġenesi 4:23, 24) Dak li kien ġdid fi żmien Noè kien l-iskala tal-vjolenza. Hekk kif xi wlied anġeliċi t’Alla żżewġu nisa fuq l-art u pproduċew nisel taʼ nies—in-Nefilim—il-vjolenza żdiedet sa livell li ma kienx magħruf qabel. In-New World Translation turi li l-kelma oriġinali bl-Ebrajk li tirreferi għal dawn il-ġganti vjolenti tfisser ‘uħud li jwaqqgħu lil ħaddieħor.’ (Ġenesi 6:4) Bħala riżultat, l-art “imtliet bil-vjolenza.” (Ġenesi 6:13) Immaġina l-problemi li Noè bilfors kellu jiffaċċja hu u jieħu ħsieb il-familja tiegħu f’ambjent bħal dan! Madankollu, Noè ta prova li kien ‘ġust fost in-nies taʼ żmienu.’—Ġenesi 7:1.
14. Id-dinja taʼ llum kif “imtliet bil-vjolenza”?
14 Il-vjolenza ilha teżisti tul l-istorja kollha tal-bniedem. Imma, bħalma ġara fi żmien Noè, fi żmienna wkoll qed naraw il-vjolenza fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. Aħna nisimgħu regolarment bi vjolenza domestika, atti taʼ terroriżmu, kampanji taʼ ġenoċidji, u qtil tal-massa minn nies li jisparaw fuq ħaddieħor għal xejn b’xejn. Barra minn hekk, hemm ukoll id-demm imxerred fil-gwerer. L-art għal darb’oħra reġgħet imtliet bil-vjolenza. Għala? Din iż-żjieda kif ġiet? It-tweġiba turi xebh ieħor maʼ żmien Noè.
15. (a) X’għen biex il-vjolenza tkompli tiżdied f’dawn l-aħħar jiem? (b) Dwar liema riżultat nistgħu nkunu ċerti?
15 Meta s-Saltna Messjanika t’Alla ġiet stabbilita fis-sema fl-1914, Ġesù Kristu, is-Sultan li tqiegħed fuq it-tron, ħa azzjoni li ħalliet il-marka tagħha fl-istorja. Satana x-Xitan u d-demonji tiegħu tkeċċew ’il barra mis-sema lejn il-viċinanzi taʼ l-art. (Apokalissi 12:9-12) Qabel id-Dilluvju, xi anġli diżubbidjenti telqu l-pożizzjoni li kellhom fis-sema volontarjament; iżda, fi żmienna huma kellhom jitilqu minn hemm għax ġew imġagħlin. Iktar minn hekk, huma issa m’għadx baqgħalhom l-abbiltà li jimmaterjalizzaw iġsma umani fuq l-art sabiex igawdu pjaċiri tal-ġisem mhux xierqa. Għalhekk, mimlijin bi frustrazzjoni, rabja, u biżaʼ mill-ġudizzju li ġej fuqhom, huma jinfluwenzaw lil nies u lil organizzazzjonijiet biex iwettqu atti kiefra taʼ kriminalità u vjolenza saħansitra akbar minn dawk taʼ żmien Noè. Jehovah qered id-dinja taʼ qabel id-Dilluvju wara li l-anġli diżubbidjenti u nisilhom imlewha bil-ħażen. Tistaʼ tibqaʼ ċert li hu se jagħmel l-istess ħaġa fi żmienna! (Salm 37:10) Madankollu, dawk li joqogħdu għassa llum jafu li l-ħelsien tagħhom huwa qrib.
Il-Messaġġ Jixxandar
16, 17. X’inhu r-rabaʼ xebh bejn żmien Noè u żmienna?
16 Ir-rabaʼ punt taʼ xebh bejn żmienna u d-dinja taʼ qabel id-Dilluvju jidher fix-xogħol li Noè kien imqabbad jagħmel. Noè bena arka kbira. Hu kien ukoll “ħabbâr.” (2 Pietru 2:5) X’messaġġ kien iħabbar? Ix-xandir taʼ Noè milli jidher inkluda sejħa għall-indiema u twissija dwar il-qerda li kienet ġejja. Ġesù qal li n-nies taʼ żmien Noè “b’xejn [‘ma taw kas,’ NW ] sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd.”—Mattew 24:38, 39.
17 Bl-istess mod, filwaqt li x-Xhieda taʼ Jehovah iwettqu bir-reqqa l-inkarigu tagħhom biex jippridkaw, il-messaġġ dwar is-Saltna t’Alla qed jiġi pridkat mad-dinja kollha. Kważi f’kull parti tal-globu, in-nies jistgħu jisimgħu u jaqraw il-messaġġ tas-Saltna bil-lingwa tagħhom stess. Ir-rivista Torri taʼ l-Għassa, li tħabbar is-Saltna taʼ Jehovah, għandha ċirkulazzjoni taʼ iktar minn 25,000,000 kopja u hija stampata b’iktar minn 140 lingwa. Verament, l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla qed tiġi mxandra “fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda.” Meta Alla jgħid li x-xogħol tlesta, it-tmiem jiġi żgur.—Mattew 24:14.
18. Il-mod kif ħafna nies iwieġbu għall-attività taʼ l-ippridkar tagħna kif jitqabbel maʼ dak taʼ ħafna nies fi żmien Noè?
18 Meta nikkunsidraw in-nuqqas taʼ interess u n-nuqqas taʼ morali fiż-żmien taʼ qabel id-Dilluvju, m’huwiex diffiċli nimmaġinaw kif il-familja taʼ Noè kienet imdawra b’nies li ma kinux jemmnu u li kienu jidħqu bihom, jgħajruhom, u jirridikolawhom. Imma t-tmiem ġie tassew. Bl-istess mod, f’dawn l-aħħar jiem hawn ħafna “nies kollhom tmaqdir u jwaqqgħu kollox għaż-żufjett.” ‘Jasal, tabilħaqq, jum il-Mulej bħal ħalliel.’ (2 Pietru 3:3, 4, 10) Dan żgur se jasal fil-ħin stabbilit. Mhux se jiddawwar. (Ħabakkuk 2:3) Kemm inkunu għaqlin jekk inkomplu nżommu għassa!
Ftit Biss Isalvaw
19, 20. Liema xebh nistgħu naraw bejn id-Dilluvju u l-qerda taʼ din is-sistema dinjija preżenti?
19 Ix-xebh bejn żmien Noè u żmienna m’huwiex biss fil-ħażen tan-nies u l-qerda tagħhom. Bħalma kien hemm min salva mid-Dilluvju, hekk ukoll se jkun hemm min isalva fi tmiem din is-sistema dinjija. Dawk li salvaw mid-Dilluvju kienu nies ġwejdin li ma kinux jgħixu bħalma kienu jagħmlu n-nies in ġenerali. Huma semgħu mit-twissija mingħand Alla u baqgħu separati mid-dinja mill-agħar taʼ dak iż-żmien. “Noè kien raġel sewwa, u bla ħtija, fost in-nies taʼ żmienu.” (Ġenesi 6:8, 9, KŻ ) Minn fost l-umanità kollha, “ftit, jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-saħħa taʼ l-ilma.” (1 Pietru 3:20) U lilhom Jehovah tahom kmand meta qalilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-art.”—Ġenesi 9:1.
20 Il-Kelma t’Alla tiżgurana li “kotra kbira” se ‘tiġi mit-[“tribulazzjoni l-kbira,” NW ].’ (Apokalissi 7:9, 14) Kemm se jkun hemm nies fil-folla kbira? Ġesù nnifsu qal: “Dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” (Mattew 7:13, 14) Meta mqabblin mal-biljuni taʼ nies li hawn jgħixu fuq l-art bħalissa, dawk li jibqgħu ħajjin mit-tribulazzjoni l-kbira li ġejja se jkunu ftit. Imma jistaʼ jkollhom opportunità bħal dik li ngħatat lil dawk li salvaw mid-Dilluvju. Jistaʼ jkun li dawk li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni, għal xi żmien ikun jistaʼ jkollhom it-tfal bħala parti mis-soċjetà ġdida fuq l-art.—Isaija 65:23.
‘Ibqaʼ Għassa’
21, 22. (a) X’benefiċċju ksibt billi kkunsidrajt ir-rakkont tad-Dilluvju? (b) X’inhi l-iskrittura għas-sena 2004, u għala għandna nisimgħu mill-parir li tagħtina?
21 Għalkemm id-dilluvju jidher ’il bogħod ħafna minn żmienna, dan biċ-ċar jipprovdi twissija li m’għandniex ninjoraw. (Rumani 15:4) Ix-xebh bejn żmien Noè u żmienna għandu jġibna iktar konxji taʼ x’qiegħed jiġri u jżommna mqajmin għall-miġja għal għarrieda taʼ Ġesù biex jesegwixxi ġudizzju fuq il-ħżiena.
22 Illum, Ġesù Kristu qed jidderieġi xogħol tremend taʼ bini spiritwali. Għas-sigurtà u s-salvazzjoni taʼ l-aduraturi veri, teżisti ġenna spiritwali li hi bħall-arka. (2 Korintin 12:3, 4) Sabiex insalvaw mit-tribulazzjoni l-kbira, irridu nibqgħu f’dik il-ġenna. Madwar din il-ġenna spiritwali hemm id-dinja taʼ Satana, li lesta li tiblaʼ lil kulmin jibda jongħos spiritwalment. Huwa kruċjali li ‘nibqgħu għassa’ u nagħtu prova li aħna lesti għall-jum taʼ Jehovah.—Mattew 24:42, 44, NW.
Tiftakar Int?
• Ġesù liema twissija ta dwar il-miġja tiegħu?
• Ġesù maʼ xiex iqabbel iż-żmien tal-preżenza tiegħu?
• Żmienna b’liema modi jixbah lil żmien Noè?
• Il-fatt li nirriflettu dwar ix-xebh bejn żmien Noè u żmienna, kif għandu jeffettwa s-sens t’urġenza tagħna?
[Kumment f’paġna 18]
L-iskrittura għas-sena 2004 se tkun: “Ibqgħu għassa . . . Kunu lesti.”—Mattew 24:42, 44, NW.
[Stampa f’paġna 15]
Noè obda t-twissija t’Alla. Aħna nobdu bl-istess mod?
[Stampi f’paġna 16]
“Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem”