Il-Fidi taʼ Noè Tikkundanna lid-Dinja
QATT smajt b’Noè, raġel li kellu l-biżaʼ t’Alla u li bena arka biex tiġi salvata lħajja matul id-dilluvju globali? Minkejja li din l-istorja hi antika ħafna hi magħrufa minn miljuni taʼ nies. Madankollu, dak li ħafna ma jirrealizzawx hu li l-ħajja taʼ Noè għandha tifsira għalina lkoll.
Għala għandna nkunu interessati f’rakkont li ġara eluf taʼ snin ilu? Hemm xi xebh bejn is-sitwazzjoni taʼ Noè u dik tagħna llum? Jekk hemm, kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju tiegħu?
Id-Dinja taʼ Żmien Noè
Skond il-kronoloġija tal-Bibbja, it-twelid taʼ Noè seħħ fis-sena 2970 Q.E.K.—126 sena wara l-mewt taʼ Adam. Sa żmien Noè, id-dinja saret mimlija vjolenza, u l-parti l-kbira mid-dixxendenti taʼ Adam għażlu li jimxu wara l-eżempju ribelluż taʼ l-antenat tagħhom. B’hekk, “il-Mulej ra li l-ħażen tal-bnedmin kien kiber fuq l-art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu.”—Ġenesi 6:5, 11, 12.
Ir-ribelljoni tal-bniedem ma kinitx l-unika raġuni għall-korla taʼ Jehovah. Ir-rakkont tal-Ġenesi jispjega: “Raw ulied Alla li l-bniet tal-bnedmin kienu ħelwin, u ’l dawk li għoġbuhom ħaduhom b’nisa tagħhom . . . Kien hemm il-ġganti [“Nefilim,” NW] dak iż-żmien – u wara wkoll – meta wlied Alla resqu lejn il-bniet tal-bnedmin, u huma wildulhom. Dawn kienu n-nies kbar imsemmija sa mill-qedem.” (Ġenesi 6:2-4) Fi qbil maʼ dawn il-versi, stqarrija li saret mill-appostlu Pietru tindika li “wlied Alla” kienu anġli diżubbidjenti. In-Nefilim kienu nisel ibridu li ġew minn relazzjonijiet sesswali illeċiti bejn nisa u anġli ribellużi li ħadu iġsma materjali.—1 Pietru 3:19, 20, KŻ.
“Nefilim” tfisser uħud li jwaqqgħu lil oħrajn. Dawn kienu bulijiet kattivi, u d-dnub taʼ missirijiethom, li kellhom kilba għas-sess, jixxebbah maʼ l-affarijiet moqżieża kontra n-natura li saru f’Sodoma u Gomorra. (Ġuda 6, 7) Flimkien, dawn imlew l-art b’ħażen intollerabbli.
“Bla Ħtija Fost in-Nies taʼ Żmienu”
Il-ħażen tant inxtered li Alla kien determinat li jeqred lill-bnedmin. Iżda r-rakkont ispirat jistqarr: “Noè sab ħniena quddiem il-Mulej. . . . Kien Noè raġel tajjeb u bla ħtija fost in-nies taʼ żmienu; Noè mexa maʼ Alla.” (Ġenesi 6:8, 9, Saydon) Kif setaʼ ‘jimxi maʼ Alla’ f’dinja li ma jimpurtahiex minn Alla u tajba biss għall-qerda?
Mingħajr ebda dubju, Noè tgħallem ħafna mingħand missieru Lamek, raġel taʼ fidi li kien jgħix fl-istess żmien taʼ Adam. Meta ta lil ibnu l-isem Noè (maħsub li jfisser “Mistrieħ,” jew “Konsolazzjoni”), Lamek ipprofetizza: “Dan għad iserraħna mit-taħbit tagħna u mix-xogħol iebes taʼ jdejna minħabba l-art misħuta mill-Mulej.” Dik il-profezija twettqet meta Alla neħħa s-saħta li kienet fuq l-art.—Ġenesi 5:29; 8:21.
Il-fatt li l-ġenituri jkollhom il-biżaʼ t’Alla m’huwiex garanzija li wliedhom se jkunu spiritwali, għax kull individwu jrid jistabbilixxi hu nnifsu relazzjoni persunali maʼ Jehovah. Noè “mexa maʼ Alla” billi għex ħajtu b’tali mod li kien approvat minn Alla. Dak li Noè tgħallem dwar Alla qanqlu biex jaqdih. Il-fidi taʼ Noè ma naqsitx meta sar jaf dwar l-iskop t’Alla li ‘jeqred kull ħliqa li fiha nifs il-ħajja’ bid-dilluvju.—Ġenesi 6:13, 17.
Fiduċjuż li dan id-diżastru li qatt ma kien hawn bħalu kien se jseħħ, Noè obda l-kmand taʼ Jehovah: “Agħmel għalik arka mill-injam taċ-ċipress; qassamha fi kmamar u idlikha minn barra u minn ġewwa bil-qatran.” (Ġenesi 6:14) Ma kienx faċli li ssegwi l-istruzzjonijiet t’Alla għall-bini taʼ l-arka. Minkejja dan, “Noè, għamel kull ma ordnalu Alla.” Fil-fatt, “hekk għamel.” (Ġenesi 6:22) Noè għamel dan bl-għajnuna taʼ martu u tat-tliet uliedu Sem, Ħam, u Ġafet u n-nisa tagħhom. Jehovah bierek fidi bħal din. X’eżempju mill-aqwa għall-familji llum!
X’kien jinvolvi l-bini taʼ l-arka? Jehovah ta direzzjoni lil Noè biex jibni kaxxa kbira taʼ l-injam bi tliet sulari u jiksiha bil-qatran biex ma jidħolx ilma fiha. Kellha tkun twila madwar 133 metru, wiesgħa 22 metru u għolja 13-il metru. (Ġenesi 6:15, 16) Arka bħal din kienet tiflaħ daqs bosta vapuri tal-merkanzija li jeżistu llum.
X’biċċa xogħol enormi! Wisq probabbli, dan kien jinvolvi l-qtugħ t’eluf taʼ siġar, li jinġarru safejn kienet qed tinbena l-arka, u jinqatgħu fi twavel jew travi. Kien jinvolvi li jibnu l-armar biex jaħdmu minn fuqu, jagħmlu msiemer taʼ l-injam kbar jew żgħar, iħalltu l-qatran biex ma jidħolx ilma, jiksbu r-reċipjenti u l-għodda, u ħafna affarijiet oħra. Għax-xogħol setaʼ kellhom bżonn jittrattaw man-negozjanti u jħallsu għall-prodotti u s-servizzi. Jidher ċar li kellhom bżonn is-sengħa taʼ mastrudaxxa sabiex iwaħħlu sew l-injam li jaqtgħu u jibnu struttura b’saħħitha biżżejjed. U immaġina ftit—il-bini tagħha setaʼ dam sejjer madwar 50 jew 60 sena!
Imbagħad Noè kellu jibda jaħseb biex jipprepara ikel biżżejjed kemm għall-familja tiegħu u kemm għall-annimali. (Ġenesi 6:21) Kellu jiġmaʼ u jorganizza kotra kbira t’annimali għal ġo l-arka. Noè għamel dak kollu li Alla ordnalu, u x-xogħol twettaq. (Ġenesi 6:22) Il-barka taʼ Jehovah żgurat is-suċċess komplet tagħha.
“Ħabbâr tal-Ġustizzja”
Minbarra li bena arka, Noè sammaʼ twissija u qeda ’l Alla fedelment bħala “ħabbâr tal-ġustizzja.” Iżda n-nies “b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd.”—2 Pietru 2:5; Mattew 24:38, 39.
Meta tqis kemm kienet ġiet fix-xejn il-kundizzjoni spiritwali u morali taʼ dak iż-żmien, faċli timmaġina kemm kienu jiddieħqu bil-familja taʼ Noè dawk taʼ madwarhom li ma kinux jemmnu. Barra minn hekk, il-membri tal-familja taʼ Noè setgħu ħabbtu wiċċhom m’abbużi u twaqqigħ għaċ-ċajt. In-nies min jaf kemm qalu li kienu mġienen. Madankollu, Noè rnexxielu jagħti inkuraġġiment spiritwali u appoġġ lill-familja tiegħu. Dan għaliex huma qatt m’adottaw il-mod vjolenti, immorali, u ribelluż tan-nies taʼ żmienhom li xejn ma kien jimpurtahom minn Alla. Permezz tal-kliem u l-azzjonijiet tiegħu, li kienu juru l-fidi li kellu, Noè kkundanna lid-dinja taʼ dak iż-żmien.—Lhud 11:7.
Joħorġu Ħajjin mid-Dilluvju
Ftit qabel ma bdiet nieżla x-xita, Alla qal lil Noè biex jidħol fl-arka li kienet lesta. Meta l-familja taʼ Noè u l-annimali kienu telgħu, ‘il-Mulej sakkar warajhom,’ u b’hekk ma nstemgħux iktar it-tmaqdir u ż-żuffjett. Meta wasal id-dilluvju, l-anġli diżubbidjenti milli jidher ħarġu mill-iġsma materjali, u b’hekk skansaw il-qerda. Iżda xi ngħidu għall-oħrajn? Kull ħliqa ħajja fuq l-art niexfa barra l-arka, inkluż in-Nefilim, kollha għebu! Noè u l-familja tiegħu biss salvaw.—Ġenesi 7:1-23.
Noè u dawk taʼ daru qattgħu sena qamrija u għaxart ijiem fl-arka. Kellhom ħafna x’jagħmlu biex jitimgħu l-annimali u jagħtuhom x’jixorbu, ineħħu l-ħmieġ u jżommu kont taż-żmien. Il-ktieb tal-Ġenesi jagħti d-dati tal-fażijiet kollha tad-Dilluvju eżatti, bħar-rekord li jinżamm dwar il-vjaġġi tal-vapuri. Dan jurina kemm hu preċiż ir-rakkont.—Ġenesi 7:11, 17, 24; 8:3-14.
Waqt li kien fl-arka, Noè bla dubju kien jiddiskuti affarijiet spiritwali u jirringrazzja ’l Alla mal-familja tiegħu. Jidher ċar li permezz taʼ Noè u l-familja tiegħu, l-istorja taʼ qabel id-Dilluvju ġiet preservata. Huma kellhom tradizzjonijiet bil-fomm taʼ min joqgħod fuqhom jew dokumenti storiċi miktubin. Dawn żgur li pprovdewlhom materjal tajjeb u taʼ benefiċċju meta qagħdu jiddiskutuh waqt id-Dilluvju.
Min jaf kemm kienu kuntenti Noè u l-familja tiegħu li għal darb’oħra setgħu jimxu fuq l-art niexfa! L-ewwel ħaġa li għamel kienet li bena artal u aġixxa bħala qassis f’isem il-familja tiegħu, u offra sagrifiċċji lil Dak li kien salvahom.—Ġenesi 8:18-20.
“Bħal fi Żmien Noè”
Ġesù Kristu qal: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem.” (Mattew 24:37) Illum, il-Kristjani huma bl-istess mod ħabbara tal-ġustizzja, li jħeġġu lin-nies biex jindmu. (2 Pietru 3:5-9) Meta nikkunsidraw dan ix-xebh, forsi noqogħdu naħsbu dwar x’setaʼ kien għaddej minn moħħ Noè qabel id-Dilluvju. Qatt ħassu li l-ippridkar tiegħu kien kollu għalxejn? Ġieli ħassu għajjien? Il-Bibbja ma tgħidilniex. Kulma tgħidilna hu li Noè obda ’l Alla.
Tistaʼ tara kif is-sitwazzjoni taʼ Noè tapplika għal dik tagħna? Hu obda lil Jehovah minkejja l-oppożizzjoni u t-tbatijiet. Huwa għalhekk li Jehovah iġġudikah bħala li kien ġust. Il-familja taʼ Noè ma kinitx taf eżattament meta Alla kien se jġib id-Dilluvju, iżda kienet taf li kien se jiġi. Il-fidi li Noè kellu fil-kelma t’Alla żammitu b’saħħtu matul is-snin taʼ xogħol iebes u taʼ ppridkar li kien jidher bla frott. Tabilħaqq, il-Bibbja tgħidilna: “Kien minħabba fil-fidi tiegħu li Noè, mgħarraf minn Alla dwar ħwejjeġ li kienu għadhom ma jidhrux, mimli b’biżaʼ qaddis bena arka biex isalva l-familja tiegħu; u b’dik il-fidi kkundanna d-dinja u sar werriet tal-ġustizzja li tinkiseb bis-saħħa tal-fidi.”—Lhud 11:7.
Noè kif kiseb fidi bħal din? Milli jidher hu warrab il-ħin biex jimmedita fuq dak kollu li kien jaf dwar Jehovah u ħalla lilu nnifsu jiġi gwidat minn dak l-għarfien. Bla ebda dubju, Noè tkellem maʼ Alla fit-talb. Fil-fatt, hu tant kien sar midħla taʼ Jehovah li “mexa maʼ Alla.” Bħala l-kap tal-familja, Noè kien ferħan li jiddedika ħin u attenzjoni b’imħabba għan-nies taʼ daru. Dan kien jinkludi li jieħu ħsieb l-interessi spiritwali taʼ martu, tat-tliet uliedu u tan-nisa tagħhom.
Bħal Noè, il-Kristjani veri llum jafu li Jehovah dalwaqt se jtemm din is-sistema t’affarijiet li ma tridx taf b’Alla. Ma nafux meta huma l-jum u s-siegħa, iżda nafu li jekk nimitaw il-fidi u l-ubbidjenza taʼ dan il-“ħabbâr tal-ġustizzja” ir-riżultat se jkun li “nsalvaw.”—Lhud 10:36-39.
[Kaxxa f’paġna 29]
L-antropoloġi ġabru madwar 270 leġġenda dwar id-Dilluvju minn kważi kull tribù u ġens. “L-istorja tad-Dilluvju ssibha madwar id-dinja kollha,” jgħid l-istudjuż Claus Westermann. “Bħar-rakkont tal-ħolqien, hija parti mill-wirt kulturali bażiku tagħna. Hija xi ħaġa verament taʼ l-għaġeb li kullimkien fid-dinja ssib stejjer dwar dilluvju fi żminijiet tal-bidu.” X’inhi l-ispjegazzjoni? Skond il-kummentatur Enrico Galbiati: “Il-preżenza kostanti tat-tradizzjoni tad-dilluvju f’ħafna popli differenti li jinsabu ferm ’il bogħod minn xulxin, hija sinjal taʼ realtà storika dwar il-fatt li fuqu huma bbażati dawn it-tradizzjonijiet.” Madankollu, iktar importanti għall-Kristjani minn kwalunkwe osservazzjoni taʼ xi studjużi huwa l-fatt li jafu li Ġesù nnifsu tkellem dwar id-Dilluvju bħala ġrajja li seħħet fl-istorja tal-bniedem.—Luqa 17:26, 27.
[Kaxxa f’paġna 30]
In-Nefilim fil-Mitoloġija?
Ħrejjef dwar relazzjonijiet sesswali bejn l-allat u l-bnedmin—u l-“eroj” jew l-“ulied nofshom bnedmin u nofshom allat” li twieldu minn dawk ir-relazzjonijiet—kienu komuni fit-teoloġija Griega, Eġizzjana, Ugaritika, Urrjana, u dik tal-Mesopotamja. L-allat tal-mitoloġija Griega kellhom sura taʼ bniedem u kienu sbieħ ħafna. Kienu jieklu, jixorbu, jorqdu, ikollhom relazzjonijiet sesswali, jargumentaw, jiġġieldu, jisseduċu, u jistupraw. Għalkemm suppost kienu qaddisa, kellhom il-ħila jqarrqu u joqtlu. Eroj bħal Akille kien jingħad li kienu ġejjin kemm mill-allat u kemm mill-bnedmin. Dawn kellhom ukoll id-don taʼ poteri sovrumani iżda ma kinux immortali. Għalhekk, dak li jgħid il-ktieb tal-Ġenesi dwar in-Nefilim jitfaʼ dawl fuq il-possibbiltà jew l-oriġini probabbli taʼ ħrejjef bħal dawn.