Ħelsien Qrib Għal Nies taʼ Devozzjoni Lejn Alla!
“Jehovah jaf kif jeħles lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla ’l barra mit-tiġrib, imma jirriserva lil nies mingħajr tjieba għal jum il-ġudizzju biex jiġu maqtugħin.”—2 PIETRU 2:9.
1. (a) Liema kundizzjonijiet taʼ niket jiffaċċjaw lill-umanità fi żmienna? (b) Minħabba dan, x’mistoqsijiet se nikkunsidraw?
PROBLEMI tal-ħajja qed jiżdiedu għall-umanità kollha. Dan hu veru kemm jekk wieħed igħix fejn l-affarijiet materjali huma kotrana jew fejn huma skarsi. In-nuqqas taʼ sigurtà teżisti kullimkien. Bħal li kieku kundizzjonijiet ekonomiċi mhux stabbli m’humiex biżżejjed biex joħolqu tħassib, problemi serji tal-ambjent qed jattakkaw lill-pjaneta Art, billi jhedhdu l-ħajja kollha taʼ fuqha. Il-mard dejjem jiżdied. Mard li jittieħed, mard tal-qalb, u l-misħut kanċer qed jagħmlu tagħhom. L-immoralità ħarbtet l-emozzjonijiet umani u l-ħajja tal-familja. Minbarra dan kollu, id-dinja hija mgħaddsa fil-vjolenza. Minħabba dak li qed tiffaċċja s-soċjetà umana, aħna b’mod rejalistiku nistaqsu: Hemm bażi soda biex nistennew ħelsien bikri? Jekk iva, kif se jiġi, u għal min?—Qabbel Ħabakkuk 1:2; 2:1-3.
2, 3. (a) Għala nsibuh taʼ serħan il-moħħ aħna llum dak li ntqal fit-2 Pietru 2:9? (b) Lejn liema atti speċifiċi taʼ ħelsien tipponta l-Bibbja bħala bażi taʼ nkuraġġiment?
2 Dak li qed jiġri fi zmienna jfakkarna f’ċerti zminijiet oħra bil-wisq sinjifikanti fl-istorja umana. L-appostlu Pietru jiġbed l-attenzjoni lejn l-atti taʼ ħelsien li Alla wettaq f’dawk l-okkażjonijiet u mbagħad jasal għal din il-konklużjoni taʼ serħan il-moħħ: “Jehovah jaf kif jeħles lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla ’l barra mit-tiġrib.” (2 Pietru 2:9) Innota l-kuntest taʼ dik l-istqarrija, fit-2 Pietru 2:4-10:
3 “Ċertament jekk Alla ma żammx lura milli jikkastiga lill-anġli li dinbu, imma, billi tefagħhom ġewwa Tartarus, telaqhom f’ħofor taʼ dlam ċappa biex ikunu riservati għall-ġudizzju; u ma żammx lura milli jikkastiga dinja tal-qedem, imma żamm lil Noè, predikatur tat-tjieba, qawwi u sħiħ flimkien maʼ sebgħa oħra meta ġieb dulluvju fuq dinja taʼ nies mingħajr Alla. u billi rriduċa lill-ibliet taʼ Sodom u Gomorra għal irmied hu kkundannahom, billi qiegħed mudell tal-affarijiet li ġejjin għal nies taʼ mingħajr Alla; u ħeles lit-twajjeb Lot, li kien imnikket ferm bit-tfigħ bla rażan tan-nies li jisfidaw il-liġi f’kondotta laxka—għax dak ir-raġel twajjeb b’dak li ra u samaʼ waqt li għammar fosthom minn jum għal jum kien qed jitturmenta lir-ruħ twajba tiegħu minħabba l-egħmejjel taʼ bla liġi tagħhom—Jehovah jaf kif jeħles lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla ’l barra mit-tiġrib, imma jirriserva lil nies taʼ mingħajr tjieba għal jum il-ġudizzju biex jiġu maqtugħin, speċjalment, madankollu, dawk li jmorru wara l-laħam bix-xewqa li jniġġsuh u li jmaqdru l-ħakma.” Bħalma juru dawk l-iskritturi, dak li seħħ fi żmien Noè u fi żmien Lot hu mimli b’tifsir għalina.
L-Ispirtu Prevalenti fi Żmien Noè
4. Fi żmien Noè, Alla għala ħares lejn l-art bħala li kienet irrovinata? (Salm 11:5)
4 Ir-rakkont storiku f’Ġenesi kapitlu 6 jinfurmana li fi zmien Noè l-art kienet saret rovina fil-ħarsa tal-veru Alla. Għala? Minħabba l-vjolenza. Din ma kinetx kwistjoni taʼ każi iżolati taʼ vjolenza kriminali. Ġenesi 6:11 jirrapporta li “l-art saret mimlija bil-vjolenza.”
5. (a) Liema attitudni min-naħa tal-bnedmin ikkontribwiet għall-vjolenza taʼ żmien Noè? (b) Enok x’kien wissa rigward l-indifferenza lejn Alla?
5 X’kien hemm warajha? L-iskrittura kkwotata mit-2 Pietru tirreferi għal nies taʼ mingħajr Alla. Iva, spirtu taʼ indifferenza lejn Alla kien prevalenti fil-ħajja umana. Dan kien jinvolvi mhux sempliċement ksur ġenerali tal-liġi divina imma wkoll attitudni taʼ sfida lejn Alla nnifsu.a U meta bnedmin jisfidaw lil Alla, kif tistaʼ tistenna li se jittrattaw b’qalb tajba maʼ bnedmin sħabhom? Diġà qabel it-twelid taʼ Noè, din l-indifferenza lejn Alla tant kienet kbira li Jehovah kien ġiegħel lil Enok jipprofetizza rigward x’kien se jiġri. (Ġuda 14, 15) L-isfidar tagħhom lil Alla ċertament li kien se jġib esekuzzjoni taʼ ġudizzu divin.
6, 7. Liema sitwazzjoni li tinvolvi l-anġli kienet fattur ewlieni fil-kundizzjonijiet ħżiena li żviluppaw qabel il-Għarqa?
6 Kien hemm ukoll influwenza oħra li kkontribwiet għall-vjolenza taʼ dak iż-żmien. Ġenesi 6:1, 2 jiġbed l-attenzjoni lejha meta jgħid: “Issa ġara li meta l-bnedmin bdew jiżdiedu fil-għadd fuq wiċċ l-art u wlied bniet bdew jitwildulhom, imbagħad ulied il-veru Alla bdew jinnotaw lill-ulied bniet tal-bnedmin, li dawn kienu sbieħ; u bdew jieħdu nisa għalihom infushom, jiġifieri, dawk kollha li għażlu.” Min kienu dawn ulied il-veru Alla? Mhux sempliċi bnedmin. Irġiel għal sekli sħaħ kienu qed jinnotaw lil nisa sbieħ u jiżżewġuhom. Dawn ulied Alla kienu anġli li mmaterjalizzaw. F’Ġuda 6, huma deskritti bħala “anġli li ma żammewx il-pożizzjoni oriġinali tagħhom imma abbandunaw il-post xieraq tagħhom fejn igħammru.”−Qabbel 1 Pietru 3:19, 20.
7 Meta dawn il-ħlejjaq superumani li mmaterjalizzaw bħala rġiel kellhom relazzjonijiet mal-bniet tal-bnedmin, x’kien ir-riżultat? “In-Nefilim urew li kienu fl-art f’dawk il-jiem, u wkoll wara dan, meta wlied il-veru Alla komplew ikollhom x’jaqsmu mal-ulied bniet tal-bnedmin u dawn welldu subien għalihom, huma kienu l-uħud setgħana tal-qedem, l-irġiel taʼ fama.” Iva, in-nisel taʼ dik il-għaqda mhix naturali kien in-Nefilim, uħud setgħana li wżaw il-qawwa superjuri tagħhom biex jisfidaw lil oħrajn.—Ġenesi 6:4.
8. Jehovah kif irreaġixxa għall-kundizzjonijiet ħżiena fuq l-art?
8 Is-sitwazzjoni kemm saret ħażina? Waslet sal-punt li “Jehovah ra li l-ħażen tal-bniedem kien kotran fl-art u kull xaqliba tal-ħsibijiet taʼ qalbu kienet biss ħażina l-ħin kollu.” Alla kif irreaġixxa għal dan? “Jehovah ħassu ddispjaċut li kien għamel lill-bnedmin fl-art, u ħassu mweġġaʼ f’qalbu.” Dan ma jfissirx li Alla ħass li kien għamel żball meta ħalaq l-umanità. Minflok, hu ddispjaċih li wara li kien għamel il-bnedmin, il-kondotta tagħhom saret tant mill-agħar li hu kien obbligat li jeqridhom.—Ġenesi 6:5-7.
Il-Korsa li Wasslet Għall-Ħelsien
9. (a) Alla għala tratta b’mod favorevoli maʼ Noè? (b) Liema informazzjoni bil-quddiem ta Alla lil Noè?
9 Inkwantu għal Noè, hu “sab favur f’għajnejn Jehovah. . . . Noè kien raġel twajjeb. Hu wera li kien bla ħtija fost in-nies taʼ żmienu. Noè mexa mal-veru Alla.” (Ġenesi 6:8, 9) Mela Jehovah ta lil Noè twissija bil-quddiem li Hu kien se jġib dulluvju globali u kkmandah biex jibni arka. L-umanità kollha, minbarra Noè u l-familja tiegħu, kienet se tiġi miknusa minn fuq wiċċ l-art. Saħansitra l-annimali kienu se jiġu meqrudin, minbarra dawk il-ftit li jirrappreżentaw kull għamla bażika li Noè kellu jdaħħal ġewwa l-arka.—Ġenesi 6:13, 14, 17.
10. (a) Xi preparazzjoni riedet issir bil-ħsieb li jibqgħu ħajjin, u kemm kienet biċċa xogħol kbira? (b) X’inhu notevoli rigward il-mod kif Noè ħa ħsieb l-inkarigu tiegħu?
10 Dan il-għarfien bil-quddiem poġġa responsabbiltà tqila fuq Noè. L-arka trid tinbena. Kellha tiġi mogħtija l-forma taʼ kaxxa, xi 1,400,000 pied kubu fil-volum totali. Noè kellu jimlieha bl-ikel u mbagħad jiġbor annimali u agħsafar, “kull xorta taʼ laħam,” biex jiġu ppreservati. Kien proġett li kellu jinvolvi snin taʼ xogħol. Noè kif wieġeb? Hu “ssokta jagħmel skond dak kollu li Alla kien ikkmandah. Għamel preċiż hekk.”−Ġenesi 6:14-16, 19-22; Ebrej 11:7.
11. Rigward in-nies taʼ daru stess, x’responsabbiltà vitali waqgħet fuq Noè?
11 Fil-waqt li kien jagħmel dak ix-xogħol, Noè ried jiddedika wkoll ħin biex jibni l-ispiritwalità tan-nies taʼ daru. Huma kellhom bżonn li jiġu mħarsin milli jaddottaw il-modi vjolenti u l-attitudni taʼ sfida tan-nies taʼ madwarhom. Kien importanti li huma ma jsirux involuti żżejjed fl-affarijiet tal-ħajja taʼ kuljum. Alla kellu xogħol għalihom x’jagħmlu, u kien vitali li huma jibnu l-ħajjiet tagħhom madwaru. Nafu li l-familja taʼ Noè aċċettat id-direzzjoni tiegħu u kellhom l-istess fidi bħalu għaliex Noè, martu, it-tliet subien tagħhom, u n-nisa taʼ wliedhom—tmien persuni b’kollox—jiġu msemmijin b’approvazzjoni fl-Iskrittura.—Ġenesi 6:18; 1 Pietru 3:20.
12. Kif muri fit-2 Pietru 2:5, x’responsabbiltà wettaq Noè bil-fedeltà?
12 Noè kellu wkoll responsabbiltà oħra—biex iwissi dwar id-Dulluvju li kien ġej u biex igħarrafhom għala kien ġej. Huwa evidenti li hu wettaq bil-fedeltà dik ir-responsabbiltà, għax fil-Kelma t’Alla huwa rreferut bħala “predikatur tat-tjieba.”−2 Pietru 2:5.
13. X’kundizzjonijiet iffaċċjaw lil Noè hekk kif ħa ħsieb l-inkarigu li kien tah Alla?
13 Issa aħseb ftit dwar iċ-ċirkostanzi li fihom Noè wettaq dak l-inkarigu. Poġġi lilek innifsek fil-pożizzjoni tiegħu. Li kieku int kont Noè jew xi membru tal-familja tiegħu, kont tkun imdawwar bil-vjolenza li kienet issir min-Nefilim u minn bnedmin taʼ mingħajr Alla. Kont tkun iffaċċjat direttament mill-influwenza taʼ anġli ribellużi. Hekk kif tkun qed taħdem fuq l-arka, kont tkun imwaqqaʼ għaċ-ċajt. U sena wara l-oħra hekk kif twissi dwar id-Dulluvju li ġej, kont issib li n-nies tant kienu mhedijin fl-affarijiet tal-ħajja taʼ kuljum li “ma tawx kas”—jiġifieri—“sakemm ġie d-dulluvju u kinishom ilkoll.”−Mattew 24:39; Luqa 17:26, 27.
Xi Tfisser Għalik l-Esperjenza taʼ Noè?
14. Aħna llum għala ma nsibuhiex diffiċli biex nifhmu s-sitwazzjoni li ffaċċjat lil Noè u lill-familja tiegħu?
14 Sitwazzjoni bħal din mhix diffiċli għall-biċċa l-kbira mill-qarrejja tagħna biex jimmaġinawha. Għala le? Għaliex il-kundizzjonijiet fi żmienna huma simili ħafna għal dawk li kienu jeżistu fi żmien Noè. Ġesù Kristu qal li dan kellu jkun mistenni. Fil-profezija kbira tiegħu dwar iż-żmien tal-preżenza tiegħu matul il-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet, Ġesù ħabbar: “Bħalma kienu jiem Noè, hekk se tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.”−Mattew 24:37.
15, 16. (a) Kif inhu veru, bħal fi żmien Noè, li l-art illum hi mimlija bil-vjolenza? (b) Għal liema vjolenza b’mod partikulari ġew issuġġettati l-qaddejja taʼ Jehovah?
15 Veru li ġara hekk? Hija d-dinja llum mimlija bil-vjolenza? Iva! ’Il fuq minn mitt miljun ruħ mietu fi gwerer f’dan is-seklu. Xi wħud mill-qarrejja tagħna ħassew direttament l-effett taʼ dan. Jerġaʼ iżjed nies ġew mhedhdin minn kriminali li riedu jeħdulhom flushom jew affarijiet oħra taʼ valur. U ż-żgħażagħ ġew esponuti għall-vjolenza fl-iskola.
16 Madankollu, l-qaddejja taʼ Jehovah iġarrbu iżjed minbarra t-tħarbit tal-gwerer u l-vjolenza kriminali inġenerali. Huma jiġu wkoll suġġetti għall-vjolenza għaliex m’humiex parti mid-dinja imma jippruvaw ikunu nies taʼ devozzjoni lejn Alla. (2 Timotew 3:10-12) Xi drabi dik il-vjolenza sempliċement tieħu l-għamla taʼ mbuttar jew daqqiet; xi drabi oħra tinvolvi qerda taʼ propjetà, swat krudili, u saħansitra qtil.—Mattew 24:9.
17. Huwa n-nuqqas taʼ tjieba kbir illum? Spjega.
17 Waqt li jieħdu sehem fi vjolenza bħal din, nies taʼ mingħajr Alla, xi drabi, ddikjaraw b’mod sfaċċat l-istmerrija tagħhom lejn Alla. F’post fl-Afrika, l-pulizija ddikjaraw: “Il-gvern huwa tagħna. Intom morru għand Alla, jekk hemm Alla, u għidulu biex jiġi jgħinkom.” F’ħabsijiet u f’kampijiet taʼ konċentrament, ix-Xhieda taʼ Jehovah ġew iffaċċjati minn irġiel bħal Baranowsky f’Sachsenhausen, il-Ġermanja, li sfida: “Jien qbadt ġlieda maʼ Jehovah. Naraw min hu l-iżjed b’saħħtu, Jien jew Jehovah.” Ftit wara, Baranowsky marad u miet; imma oħrajn jibqgħu juru attitudni simili. Uffiċjali li jagħtuha għal kruċjata taʼ persekuzzjoni m’humiex l-uniċi li jisfidaw lil Alla. Mad-dinja kollha, qaddejja t’Alla jisimgħu u jaraw affarijiet li jagħtu evidenza li dawk li jieħdu sehem fihom m’għandhom l-ebda biżaʼ t’Alla fi qlubhom.
18. L-ispirti mill-agħar b’liema modi qed jikkontribwixxu lejn l-istat aġitat tal-umanità?
18 F’dawn iż-żminijiet li tant huma bħaż-żminijiet taʼ Noè, aħna nixhdu wkoll indħil minn spirti mill-agħar. (Rivelazzjoni 12:7-9) Dawn id-demonji huma l-istess anġli li mmaterjalizzaw bħala bnedmin u żżewġu nisa fi żmien Noè. Meta ġie d-dulluvju, in-nisa u t-tfal tagħhom inqerdu, imma dawk l-anġli diżubbidjenti ġew imġegħlin imorru lura fil-qasam tal-ispirti. Huma ma kienx għad baqgħalhom post fl-organizzazzjoni qaddisa taʼ Jehovah imma ġew mitfugħin f’Tartarus kundizzjoni taʼ dlam ċappa, maqtugħin minn dawl divin. (2 Pietru 2:4, 5) Billi jaħdmu taħt id-direzzjoni taʼ Satana, huma komplew iżommu kuntatt mill-qrib mal-bnedmin u għalkemm m’għadhomx jistgħu jimmaterjalizzaw, jippruvaw jikkontrollaw irġiel, nisa, u saħansitra tfal. Ftit minn dan isir permezz taʼ prattiċi tal-okkult. Huma jqajmu wkoll lill-bnedmin biex jeqirdu lil xulxin f’modi li jisbqu lir-raġuni umana. Imma dak mhux kollox.
19. (a) Id-demonji kontra min b’mod partikulari jidderieġu l-mibgħeda tagħhom? (b) Id-demonji x’qed jippruvaw iġegħluna nagħmlu?
19 Il-Bibbja tirrivela li d-demonji qed iqajmu gwerra kontra dawk “li jħarsu l-kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-xogħol taʼ li jagħtu xiehda dwar Ġesù.” (Rivelazzjoni 12:12, 17) Dawk l-ispirti mill-agħar huma x-xewwiexa ewlenin li jaqilgħu l-persekuzzjoni tal-qaddejja taʼ Jehovah. (Efesin 6:10-13) Huma jużaw kull mezz immaġinabbli biex iġiegħlu jew iħajru bnedmin lejali biex jiksru l-integrità lejn Jehovah u jieqfu milli jxandru s-Saltna taʼ Jehovah b’Ġesù bħala s-Sultan Messjaniku.
20. Id-demonji kif jippruvaw ifixklu lin-nies milli jinħelsu mill-kontroll tagħhom? (Ġakbu 4:7)
20 Id-demonji jippruvaw ifixklu lin-nies li jixxennqu għal serħan mill-influwenza oppressiva tagħhom. Waħda li qabel kienet spiritista fil-Brażil tirrapporta li meta x-Xhieda ġew għandha, ilħna demoniċi ordnawlha biex ma tiftaħx il-bieb; imma hi fetħet, u tgħallmet il-verità. F’ħafna nħawi d-demonji direttament jużaw lil dawk li jipprattikaw il-maġija biex jippruvaw iwaqqfu x-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah. Per eżempju, f’raħal f’Suriname, nies li jopponu lix-Xhieda taʼ Jehovah ikkuntattjaw wieħed spiritista li kien magħruf ħafna u li setaʼ jikkaġuna l-mewt f’daqqa tan-nies billi sempliċement jipponta l-ħatar maġiku tiegħu lejhom. Bil-grupp tiegħu taʼ żeffiena u daqqaqa tat-tnabar, l-ispiritista, ippussessat minn demonju, iffaċċja lix-Xhieda taʼ Jehovah. Hu lissen il-kliem maġiku tiegħu u pponta l-ħatar lejhom. In-nies tar-raħal stennew li x-Xhieda jaqaw mejtin mal-art, imma kien l-ispiritista li ħassu ħażin u kellu jinġarr lil hemm malajr minn dawk li kienu jżommu miegħu u li ħassewhom imbarazzati ħafna.
21. Bħal fi żmien Noè, il-maġġoranza tan-nies kif jirreaġixxu għall-ippridkar tagħna, u għala?
21 Saħansitra fi nħawi fejn il-maġija u s-seħer ma jiġux ipprattikati daqshekk bil-miftuħ, kull Xhud taʼ Jehovah ġarrab xi jfisser li tipprova tippriedka lil nies li tant huma nvoluti fl-affarijiet tal-ħajja taʼ kuljum u li ma jridux joqogħdu jħabblu rashom. Bħalma kien fi żmien Noè, l-biċċa l-kbira tan-nies ‘ma jagħtux kas.’ (Mattew 24:37-39) Xi wħud forsi jammiraw il-għaqda u s-suċċess tagħna. Imma x-xogħol tagħna taʼ bini spiritwali—li jinvolvi sigħat taʼ studju persunali, attendenza regulari għal-laqgħat, u servizz tal-għalqa—hu kollu bluha għalihom. Huma jirredikolaw il-fiduċja tagħna fil-wegħdiet tal-Kelma t’Alla għaliex il-ħajjiet tagħhom huma ċċentrati fuq l-affarijiet materjali u l-pjaċiri senswali li jistaʼ jkollhom issa.
22, 23. Il-ġrajjiet taʼ żmien Noè kif jagħtu ċertezza soda li Jehovah se jeħles lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla mit-tiġrib?
22 Il-qaddejja lejali taʼ Jehovah għal dejjem se jibqgħu jiġu ssuġġettati għall-abbuż minn dawk li m’għandhomx imħabba lejn Alla? Bl-ebda mod! X’ġara fi żmien Noè? Bid-direzzjoni t’Alla, Noè u l-familja tiegħu daħlu ġewwa l-arka mlestija. Imbagħad, fiż-żmien speċifikat minn Alla, “l-għejjun kollha tal-fond vast bl-ilma nkisru beraħ u r-rixtelli tal-għarar tas-smewwiet infetħu.” Id-Dulluvju baqaʼ sejjer sakemm saħansitra l-muntanji nksew. (Ġenesi 7:11, 17-20) L-anġli li kienu abbandunaw il-post xieraq tagħhom fejn joqogħdu ġew imġegħlin jitilqu l-iġsma umani u mmaterjalizzati tagħhom u jmorru lura lejn il-qasam tal-ispirti. In-Nefilim u dawk kollha li kien baqaʼ minn dik id-dinja taʼ nies taʼ mingħajr Alla, inklużi dawk li kienu wisq indifferenti biex jaġixxu fuq it-twissija taʼ Noè, ġew meqrudin. Mill-banda l-oħra, Noè u martu u t-tlett itfal subien tagħhom u n-nisa taʼ wliedhom ġew salvati. B’hekk Jehovah ħeles lil Noè u l-familja tiegħu mit-tiġrib li kienu ssaportew bil-lejaltà għal tant snin.
23 Se jagħmel Jehovah l-istess għal nies taʼ devozzjoni lejn Alla llum? Ma hemm assolutament ebda dubju dwar dan. Hu wiegħdu, u hu ma jistax jigdeb.—Titus 1:2; 2 Pietru 3:5-7.
[Nota taʼ taħt]
a “Anomia hija nuqqas taʼ stima jew sfidar, lejn il-liġijiet t’Alla; asebeia [il-għamla tan-nom tal-kelma tradotta ‘nies taʼ mingħajr Alla’] hija l-istess attitudni lejn il-Persuna t’Alla.”−Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words, Volum 4, paġna 170.
Tiftakar?
◻ Pietru kif wera li Jehovah jaf kif jeħles lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla mit-tiġrib?
◻ Liema fatturi kkontribwew għall-vjolenza fi żmien Noè?
◻ Minħabba d-Dulluvju globali li kien riesaq, liema responsabbilità kellu Noè?
◻ Liema similaritajiet maʼ żmien Noè naraw fi żmienna?
[Stampa f’paġna 8]
Il-bini tal-arka involva snin taʼ xogħol iebes
[Stampa f’paġna 9]
Noè ddedika ħin biex jiżżviluppa l-ispiritwalità tal-familja tiegħu