Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Jistaʼ l-logħob vjolenti tal-kompjuter jeffettwa r-relazzjoni taʼ dak li jkun maʼ Ġeħova?
Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem kiteb: “Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin; hu jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa.” (Salm 11:5) Il-kelma oriġinal bl-Ebrajk għal “jobgħod” tistaʼ tfisser “wieħed li hu għadu.” Għalhekk, kulmin iħobb il-vjolenza qed jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla. Allura, il-mistoqsija li rridu nikkunsidraw hi: Jistaʼ ċertu logħob tal-kompjuter jikkultiva mħabba għall-vjolenza?
Il-logħob vjolenti tal-kompjuter jigglorifika l-użu taʼ l-armi. Spiss iħarreġ lil dak li jkun qed jilgħab fl-arti tal-gwerra. Ir-rivista The Economist stqarret: “Il-militar taʼ l-Amerika qed jistrieħ iktar fuq il-logħob tal-kompjuter biex iħarreġ lil uħud ġodda. Xi wħud mil-logħob li juża l-militar huma prodotti li tistaʼ tixtri mill-ħwienet.”
Huwa minnu li dawk li jilagħbu logħob vjolenti fuq il-kompjuter mhux qed jagħmlu ħsara lil nies reali. Imma l-għażla tagħhom fid-divertiment x’jindika dwar dak li forsi qed jiġri lil qlubhom? (Mattew 5:21, 22; Luqa 6:45) X’kont taħseb dwar xi ħadd li jieħu gost jagħti daqqiet bis-sikkina, jispara, jimmanka, jew joqtol nies immaġinarji? Xi ngħidu jekk dan l-individwu jqattaʼ sigħat sħaħ kull ġimgħa jissodisfa dawn il-fantasiji vjolenti, billi dan il-logħob isir kważi vizzju? Minn taʼ l-inqas kont tikkonkludi li kien qed jiżviluppa mħabba għall-vjolenza, eżatt bħalma persuna li tara l-pornografija tkun qed tikkultiva xewqat immorali.—Mattew 5:27-29.
Ġeħova kemm jobgħod lil xi ħadd li jħobb il-vjolenza? David qal li Ġeħova tassew ‘jobogħdu.’ Fi żmien Noè, Ġeħova wera l-intensità tal-mibegħda tiegħu lejn dawk li jħobbu l-vjolenza. Ġeħova qal lil Noè: “Għalija tmiem il-ħajjin kollha wasal, għax imtliet bil-vjolenza l-art kollha minħabba fihom. Hawn jien se neqridhom minn wiċċ l-art.” (Ġenesi 6:13) L-Alla l-veru qered dinja t’umanità sħiħa minħabba l-għemil vjolenti tagħha. Hu żamm ħajjin biss lil Noè u l-familja tiegħu—tmien individwi li ma kinux iħobbu l-vjolenza.—2 Pietru 2:5.
Uħud li jridu jkunu ħbieb taʼ Ġeħova “jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel.” Minflok ma jitgħallmu jħobbu l-vjolenza, ma jitgħallmux iżjed “is-sengħa tal-gwerra.” (Isaija 2:4) Sabiex nibqgħu ħbieb t’Alla minflok ma nsiru l-għedewwa tiegħu, għandna ‘nitbiegħdu mill-ħażen u nagħmlu t-tajjeb.’ Irridu ‘nfittxu l-paċi u niġru warajha.’—1 Pietru 3:11.
Xi ngħidu jekk diġà konna qed nilagħbu logħob vjolenti tal-kompjuter? Allura rridu nkunu determinati li nogħġbu lil Ġeħova billi nżommu lura milli nipprattikaw dak li hu jobgħod. Żgur għandna nitolbu għall-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla biex jgħinna nieqfu minn din il-prattika li tipperikola l-ispiritwalità tagħna. Nistgħu nieqfu jekk inħallu kwalitajiet bħall-paċi, it-tjubija, u r-rażna jagħmlulna ħajjitna waħda li togħġob lil Alla.—Luqa 11:13; Galatin 5:22, 23.