LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 9/15 pp. 26-28
  • Iġġieled Ħsibijiet Negattivi!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iġġieled Ħsibijiet Negattivi!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Lanqas il-​Qaddejja Tiegħu Alla Ma Jafda”
  • “Jistaʼ l-​Bniedem Jiswa lil Alla?”
  • Kif Nistgħu Nirreżistu li Nirraġunaw b’Mod Negattiv
  • Dak li Akkuża b’Mod Falz Hu l-​Ħati Nnifsu
  • Meta l-​Irraġunar Ħażin Ma Jibqax Iktar
  • Timitax lil Elifaż Meta Tinkuraġġixxi
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
  • L-Integrità taʼ Ġob Tiġi Ppremjata
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ġob Issaporta—Hekk Ukoll Nistgħu Aħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Ġeħova jieħu pjaċir meta nitolbu għal oħrajn
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 9/15 pp. 26-28

Iġġieled Ħsibijiet Negattivi!

META ffaċċja l-​problemi, il-​patrijarka Ġob irċieva żjara mit-​tlett iħbieb tiegħu Elifaż, Bildad, u Sofar. (Ġob 22:2) Huma marru biex jissimpatizzaw miegħu u jfarrġuh. (Ġob 2:11) L-​iktar wieħed li kien jinfluwenza lil oħrajn u li x’aktarx kien l-​akbar wieħed kien Elifaż. Hu kien l-​ewwel wieħed li beda jitkellem u l-​iktar wieħed li kellu xi jgħid. X’tip taʼ rraġunar kellu Elifaż fit-​tliet darbiet li tkellem?

Filwaqt li beda jiftakar fl-​esperjenza sopranaturali li darba kellu, Elifaż qal: “Għadda riħ minn fuq wiċċi, riefnu qajjem xewk xewk lil ġismi. Xi ħadd kien wieqaf, ma stajtx nagħraf wiċċu, tfaċċat xbieha quddiem għajnejja, skiet . . . u mbagħad smajt leħen.” (Ġob 4:​15, 16) X’tip taʼ spirtu influwenza l-​mod taʼ ħsieb t’Elifaż? It-​ton taʼ kritika li esprima ruħu bih juri li l-​ispirtu ma kienx wieħed mill-​anġli ġusti taʼ Ġeħova. (Ġob 4:​17, 18) Kien spirtu ħażin. Għax li kieku ma kienx hekk, Ġeħova għala kien se jwiddeb lil Elifaż u liż-​żewġ sħabu talli kienu qed jigdbu? (Ġob 42:7) Iva, Elifaż kien influwenzat minn demonju. Il-​kummenti tiegħu juru li l-​ħsibijiet tiegħu ma kinux taʼ individwu li kellu l-​biżaʼ t’Alla.

X’ideat nistgħu nidentifikaw mill-​istqarrijiet t’Elifaż? Għala huwa importanti li ngħassu kontra l-​irraġunar ħażin? U x’nistgħu nagħmlu biex ma nibqgħux naħsbu b’dan il-​mod?

“Lanqas il-​Qaddejja Tiegħu Alla Ma Jafda”

It-​tliet darbiet li tkellem, Elifaż ta l-​idea li Alla tant hu esiġenti li dak kollu li jagħmlu l-​qaddejja tiegħu qatt m’hu tajjeb biżżejjed f’għajnejh. “Lanqas il-​qaddejja tiegħu Alla ma jafda,” Elifaż qal lil Ġob, “sa l-​anġli tiegħu jsib xi jgħid fihom.” (Ġob 4:18) Iktar tard, Elifaż qal hekk dwar Alla: “Anqas fl-​anġli tiegħu Alla ma jafda, u s-​smewwiet m’humiex safja quddiemu.” (Ġob 15:15) U hu staqsa: “X’se żżidlu lil Xaddaj bil-​ħajja tajba tiegħek?” (Ġob 22:3) Bildad qabel maʼ dan għax hu żied maʼ dan il-​ħsieb meta qal: “Anqas il-​qamar ma jiddi għalih, u [f’għajnejn Alla] il-​kwiekeb m’humiex safja.”—Ġob 25:5.

Irridu noqogħdu attenti li ma nibdewx nirraġunaw b’dan il-​mod. Dan jistaʼ jwassalna biex inħossu li Alla jesiġi wisq minna. Dan se jagħmel ħsara lir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Iktar minn hekk, jekk inċedu għal dan it-​tip taʼ rraġunar, kif se nirreaġixxu meta ningħataw id-​dixxiplina li jkollna bżonn? Minflok ma naċċettaw umilment li niġu koreġuti, qalbna tistaʼ ‘tiħodha kontra l-​Mulej,’ u nistgħu nibqgħu nżommu kontrih f’qalbna. (Proverbji 19:3) X’diżastru jistaʼ jkun dan għall-​ispiritwalità tagħna!

“Jistaʼ l-​Bniedem Jiswa lil Alla?”

Ħsieb ieħor li hu relatat mal-​fatt li Alla huwa esiġenti żżejjed huwa li hu jqis lill-​bnedmin bħala li ma jiswew għal xejn. It-​tielet darba li jitkellem Elifaż jistaqsi: “Jistaʼ l-​bniedem jiswa lil Alla? Jiswielu għallinqas l-​għaref?” (Ġob 22:2) Elifaż kien qed jimplika li l-​bniedem ma jiswa għal xejn f’għajnejn Alla. B’mod simili, Bildad irraġuna hekk: “Kif jistaʼ l-​bniedem joħroġ ġust quddiem Alla? Kif jistaʼ jkun safi l-​imwieled minn mara?” (Ġob 25:4) Skond dan l-​irraġunar, Ġob, sempliċi bniedem mortali, kif qatt setaʼ jaħseb li setaʼ jkollu waqfa taʼ tjieba quddiem Alla?

Xi wħud illum huma mifnijin minn sentimenti negattivi dwarhom infushom. Fatturi bħalma huma t-​trobbija fil-​familja, il-​pressjonijiet tal-​ħajja, jew il-​fatt li dak li jkun jisfa vittma taʼ mibegħda razzjali jew etnika jistgħu jġagħluh iħossu b’dan il-​mod. Imma Satana u d-​demonji tiegħu jieħdu gost iġagħlu lil dak li jkun iħossu mkisser. Jekk jirnexxilhom jinfluwenzaw lil dak li jkun iħossu li dak li jagħmel m’huwiex tajjeb biżżejjed għal Alla li Jistaʼ Kollox, hu iktar jistaʼ jaqtaʼ qalbu faċilment. Maż-​żmien, individwu bħal dan jistaʼ jinġarr mal-​kurrent u jitbiegħed mill-​Alla l-​ħaj.—Ebrej 2:1; 3:12.

Ix-xjuħija u l-​problemi tas-​saħħa jillimitaw dak li nistgħu nagħmlu. Forsi s-​sehem fix-​xogħol tas-​Saltna jistaʼ jkun ftit meta mqabbel maʼ dak li konna nagħmlu meta konna iżgħar u iktar b’saħħitna. Kemm huwa importanti li nirrikonoxxu li Satana u d-​demonji jriduna nħossu li dak li nagħmlu m’huwiex tajjeb biżżejjed għal Alla! Irridu nirrifjutaw li nirraġunaw b’dan il-​mod.

Kif Nistgħu Nirreżistu li Nirraġunaw b’Mod Negattiv

Minkejja n-​niket li Satana x-​Xitan ġab fuqu, Ġob qal: “Ma jkun qatt li nagħtikom raġun, insostni sa ma mmut is-​sewwa [“l-​integrità,” NW] tiegħi.” (Ġob 27:5) Minħabba li kien iħobb lil Alla, Ġob kien determinat li jżomm l-​integrità tiegħu jiġri x’jiġri, u xejn ma kien se jżommu lura milli jagħmel dan. Hawnhekk insibu fattur importanti li bih inkunu nistgħu nevitaw li naħsbu b’mod negattiv. Għandna nifhmu sew l-​imħabba t’Alla u nikkultivaw apprezzament mill-​qalb għaliha. Għandna nkabbru l-​imħabba tagħna għalih. Dan nistgħu nagħmluh billi nistudjaw regolarment il-​Kelma t’Alla u nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu.

Per eżempju, Ġwanni 3:16 jgħid: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu.” Ġeħova għandu mħabba kbira għall-​umanità kollha, u l-​mod kif aġixxa mal-​bnedmin tul iż-​żminijiet juri din l-​imħabba. Jekk nimmeditaw fuq l-​eżempji tal-​passat se nkabbru l-​apprezzament tagħna għal Ġeħova u nsaħħu l-​imħabba tagħna għalih, u b’hekk se nevitaw li nirraġunaw ħażin jew b’mod negattiv.

Ikkunsidra l-​mod kif Ġeħova ttratta lil Abraham meta kien wasal biex jeqred lil Sodoma u Gomorra. Abraham staqsa lil Ġeħova tmien darbiet dwar il-​ġudizzju Tiegħu. Ġeħova qatt ma wera li kien irritat jew frustrat. Minflok, hu wieġeb b’tali mod li assigura u farraġ lil Abraham. (Ġenesi 18:​22-33) Meta iktar tard Alla salva lil Lot u l-​familja tiegħu minn Sodoma, Lot staqsa jekk setax imur f’belt fil-​viċin minflok ma jmur lejn il-​muntanji. Ġeħova wieġbu hekk: “Nurik konsiderazzjoni sa dan il-​punt ukoll, billi ma neqridx il-​belt li tkellimt dwarha int.” (Ġenesi 19:21) Juru dawn l-​affarijiet li Ġeħova huwa ħakkiem esiġenti, bla mħabba, u li jabbuża mill-​awtorità? Le. Juru dak li hu verament—ħakkiem li jħobb, qalbu tajba, ħanin, u jifhem.

L-eżempji t’Aron, David, u Manasse taʼ Iżrael tal-​qedem jagħtu prova li Alla m’huwiex it-​tip li se joqgħod ifittex in-​nuqqasijiet u li ħadd ma hu tajjeb biżżejjed f’għajnejh. Aron kien ħati taʼ tliet nuqqasijiet serji. Hu għamel għoġol tad-​deheb, ngħaqad m’oħtu Mirjam meta bdiet tikkritika lil Mosè, u naqas milli jqaddes u jonora lil Alla f’Meriba. Minkejja dan, Ġeħova ra t-​tajjeb tiegħu u ħallieh ikompli jaqdi bħala qassis il-​kbir sakemm miet.—Eżodu 32:​3, 4; Numri 12:​1, 2; 20:​9-13.

Is-Sultan David ikkommetta dnubiet serji matul il-​ħakma tiegħu. Dawn kienu l-​adulterju, il-​qtil taʼ xi ħadd innoċenti, u ċ-​ċensiment illegali li ħa. Madankollu, Ġeħova ra l-​indiema taʼ David u baqaʼ jżomm lealment il-​patt tas-​Saltna billi ħallieh jaqdi bħala sultan sa mewtu.—2 Samwel 12:9; 1 Kronaki 21:​1-7.

Is-Sultan Manasse tal-​Lhudija bena artali għal Bagħal, ġagħal lil uliedu jgħaddu min-​nar, ħeġġeġ prattiċi spiritistiċi, u bena artali reliġjużi fil-​btieħi tat-​tempju. Madankollu, wara li wera li kien nidem minn qalbu, Ġeħova ħafirlu, ħelsu mill-​jasar, u tah lura l-​kariga taʼ sultan. (2 Kronaki 33:​1-13) Huma dawn azzjonijiet t’Alla li f’għajnejh ħadd ma jistaʼ jkun tajjeb biżżejjed? Żgur li le!

Dak li Akkuża b’Mod Falz Hu l-​Ħati Nnifsu

M’għandniex nissorprendu ruħna li Satana huwa l-​personifikazzjoni taʼ kull ħaġa li akkuża lil Ġeħova biha. Satana hu aħrax u esiġenti. Dan jistaʼ jidher ċar mill-​issagrifikar tat-​tfal li fil-​passat kien prattika relatata mal-​qima falza. L-​Iżraelin li kienu apostati ħarqu lit-​tfal tagħhom bin-​nar—xi ħaġa li Ġeħova lanqas biss ġietu f’moħħu.—Ġeremija 7:31.

Huwa Satana u mhux Ġeħova li jfittex in-​nuqqasijiet. Rivelazzjoni 12:10 jirreferi għal Satana bħala “l-​akkużatur taʼ ħutna, dak li lejl u nhar jakkużahom quddiem Alla tagħna!” Min-​naħa l-​oħra, is-​salmista kanta hekk dwar Ġeħova: “Jekk tal-​ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ? Imma għandek hemm il-​maħfra.”—Salm 130:​3, 4.

Meta l-​Irraġunar Ħażin Ma Jibqax Iktar

Min jaf x’serħan ħassew l-​anġli spirti meta Satana x-​Xitan u d-​demonji tiegħu ntefgħu ’l barra mis-​sema! (Rivelazzjoni 12:​7-9) Minn dakinhar ’il quddiem, dawn l-​ispirti ħżiena ma setgħux jeffettwaw l-​attivitajiet tal-​familja anġelika taʼ Ġeħova fis-​sema.—Danjel 10:13.

L-abitanti taʼ l-​art se jifirħu fil-​futur qarib. Dalwaqt, anġlu se jinżel mis-​sema bl-​imfietaħ taʼ l-​abbiss u b’katina kbira f’idu u se jaqfel lil Satana u lid-​demonji tiegħu u se jixħithom f’abbiss taʼ inattività. (Rivelazzjoni 20:​1-3) X’serħan se jkun dan meta jseħħ!

Sadanittant, irridu nibqgħu għassa kontra ħsibijiet ħżiena. Meta nintebħu li qed nibdew nirraġunaw ħażin jew b’mod negattiv, ma rridux inħallu lilna nfusna nagħmlu dan billi niffokaw il-​ħsibijiet tagħna fuq l-​imħabba taʼ Ġeħova. Imbagħad ‘il-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbna u l-​qawwa mentali tagħna.’—Filippin 4:​6, 7.

[Stampa f’paġna 26]

Ġob ma ħalliex lilu nnifsu joqgħod jaħseb b’mod negattiv

[Stampa f’paġna 28]

Lot tgħallem li Ġeħova huwa ħakkiem li jifhem

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja