LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 5/1 pp. 30-31
  • L-Integrità taʼ Ġob Tiġi Ppremjata

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Integrità taʼ Ġob Tiġi Ppremjata
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Eżonerat u Rrestawrat
  • Lezzjonijiet Għalina
  • Ġeħova jieħu pjaċir meta nitolbu għal oħrajn
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
  • Ġob Issaporta—Hekk Ukoll Nistgħu Aħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Ġob Onora l-Isem taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġob
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 5/1 pp. 30-31

Huma Għamlu r-​Rieda taʼ Jehovah

L-​Integrità taʼ Ġob Tiġi Ppremjata

ĠOB kien raġel li juri mogħdrija, difensur tar-​romol, l-​iltiema u l-​imsejknin. (Ġob 29:12-17; 31:16-21) Imbagħad, f’daqqa waħda, sab ruħu f’baħar taʼ inkwiet, billi tilef ġidu, lil uliedu, u saħħtu. Sfortunatament, dan ir-​raġel nobbli li kien dejjem bħal kolonna t’appoġġ għal uħud mgħakksin, ftit ngħata għajnuna meta kellu bżonnha hu. Saħansitra martu stess qaltlu biex ‘jisħet ’l Alla u jmut!’ U “ħbiebu” Elifaż, Bildad, u Sofar ma pprovdew ebda faraġ. Minflok, huma insinwaw li Ġob kien dineb u għaldaqstant kien jistħoqqlu dik it-​tbatija.—Ġob 2:9; 4:7, 8; 8:5, 6; 11:13-15.

Minkejja li sofra ħafna, Ġob baqaʼ leali. Minħabba f’dan, Jehovah eventwalment estenda ħniena lil Ġob u bierku. Ir-​rakkont taʼ kif għamel dan jipprovdi assiguranza lill-​qaddejja kollha t’Alla li jżommu l-​integrità li fiż-​żmien xieraq huma wkoll se jiġu ppremjati.

Eżonerat u Rrestawrat

L-​ewwel, Jehovah widdeb lil Elifaż, Bildad, u Sofar. Waqt li indirizza lil Elifaż, li evidentement kien l-​akbar fosthom, hu qal: “Jiena inkurlat għalik u għaż-​żewġt iħbieb tiegħek. Għax intom ma għedtux is-​sewwa fuqi bħalma għamel il-​qaddej tiegħi Ġob. Ħudu, mela, sebaʼ għoġiela u sebaʼ mtaten u morru għand il-​qaddej tiegħi Ġob u offruhom b’sagrifiċċji maħruqa għalikom. Ġob, il-​qaddej tiegħi, jitlob għalikom.” (Ġob 42:7, 8) Aħseb ftit dan x’kien jimplika!

Jehovah kien jirrikjedi sagrifiċċju kbir mingħand Elifaż, Bildad u Sofar, forsi biex jimpressjona fihom il-​gravità tad-​dnub tagħhom. Tabilħaqq, sew jekk kienu konxji taʼ dan, u sew jekk ma kinux, huma kienu żebilħu lil Alla billi qalu li ‘lanqas il-​qaddejja tiegħu ma jafda’ u li ma kienx jimpurtah jekk Ġob jibqax leali jew le. Elifaż saħansitra qal li f’għajnejn Alla Ġob ma kienx jiswa iktar minn kamla! (Ġob 4:18, 19, NW; 22:2, 3) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah qal: “Intom ma għedtux is-​sewwa fuqi”!

Imma dan mhux kollox. Elifaż, Bildad u Sofar dinbu wkoll kontra Ġob personalment billi qalulu li l-​problemi tiegħu kien ġabhom b’idejh hu stess. L-​akkużi mingħajr bażi li huma għamlu u n-​nuqqas assolut taʼ empatija li wrew ħallew lil Ġob iddiżappuntat u dipress, u dan ġagħlu jilmenta: “Kemm se ddumu tkidduni, u bi kliemkom tagħsruni?” (Ġob 10:1; 19:2) Immaġina l-​espressjoni taʼ mistħija li kellhom fuq wiċċhom dawn it-​tlett irġiel ladarba issa lil Ġob kellhom jippreżentawlu offerta għad-​dnubiet tagħhom!

Imma Ġob ma kellux joqgħod jitpaxxa bl-​umiljazzjoni tagħhom. Tabilħaqq, Jehovah kien jirrikjedi li hu jitlob għan-​nom taʼ dawk li kienu xlewh. Ġob għamel sewwa sew bħalma kien ngħata l-​istruzzjoni, u ġie mbierek għal dan. L-​ewwel, Jehovah fejjaq il-​marda mistkerrha li kellu. Imbagħad, l-​aħwa rġiel u nisa taʼ Ġob, u dawk li qabel kien jagħmilha magħhom ġew biex ifarrġuh, “u tawh kull wieħed minnhom munita u ċurkett tad-​deheb.”a Iktar minn hekk, Ġob “kellu . . . erbatax-il elf nagħġa u sitt elef ġemel, elf żewġ barrin u elf ħmara.”b U l-​mara taʼ Ġob evidentement reġgħet irranġat miegħu. Maż-​żmien, Ġob ġie mbierek b’sebaʼ wlied subjien u tliet ulied bniet, u dam ħaj biżżejjed biex jara erbaʼ ġenerazzjonijiet tan-​nisel tiegħu.—Ġob 42:10-17.

Lezzjonijiet Għalina

Ġob stabbilixxa eżempju li jispikka għall-​qaddejja t’Alla taʼ żmienna. Kien “raġel bla ħtija u rett,” wieħed li Jehovah kien kburi li jsejjaħlu “il-​qaddej tiegħi.” (Ġob 1:8, NW; 42:7, 8) Madankollu, dan ma jfissirx li Ġob kien perfett. F’ħin minnhom, waqt il-​provi tiegħu, hu b’mod żbaljat assuma li Alla kien qed jikkaġuna l-​gwaj tiegħu. Hu saħansitra kkritika l-​mod kif Alla jittratta mal-​bnedmin. (Ġob 27:2; 30:20, 21) U ddikjara t-​tjieba tiegħu stess minflok ma ddikjara dik t’Alla. (Ġob 32:2) Imma Ġob ma riedx jiċħad lill-​Ħallieq, u bl-​umiltà aċċetta l-​korrezzjoni mingħand Alla. “Jien tkellimt fuq ħwejjeġ ma nifhimhomx,” ammetta hu. “Għalhekk inċedi u nindem fit-​trab u r-​rmied.”—Ġob 42:3, 6.

Meta nkunu għaddejjin minn xi prova, aħna wkoll għandna mnejn naħsbu, nitkellmu jew naġixxu b’mod li m’huwiex xieraq. (Qabbel Koħèlet 7:7.) Minkejja dan, jekk għandna mħabba profonda għal Alla, m’aħniex se nirribellaw kontrieh jew inkunu ddiżappuntati għax jippermetti li nesperjenzaw xi tbatijiet. Minflok, se nżommu l-​integrità tagħna u b’hekk, eventwalment, se naħsdu barkiet kbar. Is-​salmista qal dwar Jehovah: “Maʼ min hu tajjeb [“leali,” NW] int timxi bit-​tajjeb [“b’lealtà,” NW].”—Salm 18:26 [Salm 18:25, NW].

Qabel ma Ġob ngħata saħħtu lura, Jehovah rrikjeda li hu jitlob għan-​nom taʼ dawk li naqsuh. X’eżempju mill-​aħjar għalina! Jehovah jirrikjedi li naħfru lil dawk li jidinbu kontrina qabel ma jkunu jistgħu jinħafru d-​dnubiet tagħna stess. (Mattew 6:12; Efesin 4:32) Jekk m’aħniex lesti li naħfru lil oħrajn meta jkun hemm bażi soda biex nagħmlu dan, nistgħu aħna bir-​raġun nistennew li Jehovah jkun ħanin magħna?—Mattew 18:21-35.

Ilkoll kemm aħna niffaċċjaw provi xi darba jew oħra. (2 Timotju 3:12) Madankollu, bħal Ġob, nistgħu nżommu l-​integrità. Billi nagħmlu hekk, se niksbu premju kbir. Ġakbu kiteb: “Dawk li żammew sħiħ sa l-​aħħar, araw, aħna nqisuhom bħala hienja. Smajtu bis-​sabar taʼ Ġob, u tafu kif bl-​għajnuna tal-​Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-​Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-​bosta.”—Ġakbu 5:11.

[Noti taʼ taħt]

a Il-valur taʼ “munita” (bl-Ebrajk, qesi·tahʹ) ma jistax jiġi ddeterminat. Imma “mitt biċċa flus” kienu biżżejjed biex tinxtara medda taʼ art kbira mhux ħażin fi żmien Ġakobb. (Ġożwè 24:32) Għalhekk, “munita” mingħand kull viżitatur x’aktarx li ma kinitx xi rigal żgħir.

b X’aktarx, il-​ġens femminil tal-​ħmir huwa msemmi minħabba l-​valur tagħhom li jistgħu jitgħammru.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja