LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/08 pp. 18-21
  • Għandi Nilgħab Logħob Elettroniku?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandi Nilgħab Logħob Elettroniku?
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Aspett Perikoluż Tiegħu!
  • Għala l-​Għażla Tiegħek Tagħmel Differenza
  • Liema Logħob Għandi Nagħżel?
  • Agħżel bil-​Għaqal
  • X’għandi nkun naf dwar il-logħob elettroniku?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Hemm Xi Riskji għal Dawk li Qed Jilagħbu?
    Stenbaħ!—2003
  • Id-Dinja li Dejjem Tinbidel tal-Logħob Elettroniku
    Stenbaħ!—2003
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2008
g 4/08 pp. 18-21

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

Għandi Nilgħab Logħob Elettroniku?

IL-​LOGĦOB elettroniku huwa iktar minn sempliċi divertiment taʼ teknoloġija avanzata. Veru, dan jisfida l-​abbiltajiet tiegħek u jgħinek biex ikollok fiex tedha. Imma jagħmel iktar minn hekk. Il-​logħob elettroniku jistaʼ jtejjeb ir-​riflessi tiegħek, u xi studji li saru wrew li jekk tilgħab il-​logħob elettroniku ttejjeb l-​attenzjoni viżwali. Xi wħud minnhom saħansitra jistgħu jtejbulek l-​abbiltajiet tiegħek fil-​matematika u fil-​qari. Barra minn hekk, l-​iktar logħba elettronika reċenti x’aktarx li tkun is-​suġġett li kulħadd ikun qed jitkellem dwaru l-​iskola. Jekk tkun lgħabt dik il-​logħba jistaʼ jkollok xi ħaġa dwar xiex titkellem maʼ sħabek.

M’għandniex xi ngħidu, huma l-​ġenituri tiegħek li jiddeċiedu jekk iħallukx tilgħab logħob elettroniku jew le. (Kolossin 3:20) Jekk iħalluk, żgur li tistaʼ ssib logħob li huwa eċċitanti u fl-​istess ħin aċċettabbli moralment. Imma għala għandek toqgħod attent b’mod speċjali?

L-​Aspett Perikoluż Tiegħu!

Brian, li għandu 16-il sena, jgħid: “Il-​logħob tal-​kompjuter huwa eċċitanti u divertenti.” Imma bħalma x’aktarx li diġà taf, mhux il-​logħob kollu huwa bla periklu. Brian jammetti: “Fil-​logħob tagħmel ċerti affarijiet li fil-​ħajja reali qatt ma tasal li tagħmilhom, għax kieku tidħol f’inkwiet kbir.” Liema tip taʼ mġiba jinkuraġġixxi dan il-​logħob?

Ħafna logħob jippromwovi b’mod sfaċċat l-​immoralità, il-​kliem ħażin, u l-​vjolenza—kollha kundannati fil-​Bibbja. (Salm 11:5, Karm Żammit; Galatin 5:19-21; Kolossin 3:8) Xi logħob jigglorifika l-​prattiki taʼ l-​okkult. Adrian, li għandu 18-il sena, jiddeskrivi logħba popolari minnhom bħala li hija mimlija “ġlied bejn gruppi taʼ nies, użu taʼ drogi, kontenut sesswalment espliċitu, kliem baxx, vjolenza intensa, dmija, u xeni makabri.” U kull logħba ġdida li toħroġ titfi lill-​oħrajn taʼ qabilha. James, li għandu 19-il sena, jgħid li l-​iktar logħob popolari jistaʼ jintlagħab m’oħrajn fuq l-​Internet. Dan ipoġġi l-​logħob fuq livell totalment ġdid. “Mill-​kompjuter tad-​dar tiegħek,” jgħid James, “tistaʼ tikkompeti maʼ nies li jgħixu n-​naħa l-​oħra tad-​dinja.”

Logħob li fih trid tieħu l-​irwol taʼ xi karattru sar popolari ħafna. Fih, il-​parteċipanti joħolqu karattri fuq l-​Internet—nies, annimali, jew taħlita tat-​tnejn—li jgħixu f’dinja maħluqa bil-​kompjuter li fiha jieħdu sehem eluf taʼ nies. Din id-​dinja taʼ fuq l-​Internet fiha ħwienet, karozzi, djar, diskoteki, djar tal-​prostituzzjoni—fi ftit kliem, hija replika tad-​dinja reali. Dawk li jilagħbu dan il-​logħob jistgħu jibagħtu messaġġi lil xulxin dak il-​ħin stess li l-​karattri taʼ fuq il-​kompjuter, imsejħin avatars, jikkomunikaw bejniethom.

X’jiġri f’dawn id-​dinjiet virtwali? Ġurnalist jgħid li nies komuni jieħdu sehem f’attivitajiet li fil-​ħajja reali la jażżardaw, u lanqas biss jistgħu jieħdu sehem fihom. Hu jżid: “Is-​sess huwa komuni, bħalma hi l-​prostituzzjoni.” Sempliċement billi jagħfsu ftit buttuni, jistgħu jġiegħlu l-​karattri tal-​logħba jkollhom atti sesswali bejniethom filwaqt li f’dak il-​ħin stess il-​parteċipanti fid-​dinja reali jkunu qed jitkellmu dwar is-​sess permezz tal-​messaġġi li jibagħtu lil xulxin. Barra minn hekk, dawn id-​dinjiet taʼ fuq l-​Internet huma “mimlijin kriminalità, irġiel tal-​Mafja, uħud li jmexxu l-​prostituzzjoni, imbroljuni, uħud li jiffalsifikaw, u qattiela virtwali,” jgħid il-​ġurnal New Scientist. Rivista oħra tgħid li xi kritiċi esprimew tħassib minħabba attivitajiet li fid-​dinja reali kieku jkunu illegali, bħal per eżempju d-​djar tal-​prostituzzjoni li fihom min ikun qed jilgħab dan il-​logħob ikollu l-​irwol taʼ xi ħadd li jistupra l-​prostituti, jew taʼ nies li jieħdu sehem f’atti sesswali billi jużaw karattri tal-​kompjuter li jkunu jixbhu lit-​tfal.

Għala l-​Għażla Tiegħek Tagħmel Differenza

Dawk li jilagħbu dan il-​logħob vjolenti u dettaljat sesswalment għandhom mnejn jgħidu: “Ma saret l-​ebda ħsara. M’huwiex reali. Hija biss logħba.” Imma titqarraqx minn irraġunar falz bħal dan!

Il-Bibbja tgħid: “Mqar tifel jingħaraf minn għemilu, jekk hux safi u tajjeb f’imġibtu.” (Proverbji 20:11) Jekk tiħodha drawwa li tilgħab logħob vjolenti u immorali, jistaʼ jingħad li int safi u tajjeb fi mġibtek? Għal darba wara l-​oħra l-​istudji li saru juru li min jara divertiment vjolenti jsir iktar aggressiv. Dan l-​aħħar il-​ġurnal New Scientist qal li l-​fatt li fil-​logħob elettroniku l-​karattri jistgħu jikkomunikaw bejniethom, l-​effett tiegħu huwa iktar qawwi mit-​televixin.

Il-fatt li tagħżel li tilgħab logħob vjolenti u immorali huwa bħallikieku qed tagħżel li tilgħab bl-​iskart radjoattiv—l-​effetti taʼ ħsara wisq probabbli ma jidhrux mill-​ewwel, imma ma tistax tevitahom. B’liema mod? Il-​fatt li tkun espost għal dożi kbar taʼ radjazzjoni jistaʼ jeqred il-​kisja li għandu l-​istonku, u b’hekk il-​batterji jgħaddu minn ġo l-​imsaren u jidħlu fid-​demm u dan iwassal għall-​mard. B’mod simili, jekk tesponi ruħek għal xeni dettaljati taʼ sess u vjolenza li twaħħxek tistaʼ tħassar is-​“sens morali” tiegħek u tħalli x-​xewqat tal-​laħam jiddominaw il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tiegħek.—Efesin 4:19; Galatin 6:7, 8.

Liema Logħob Għandi Nagħżel?

Jekk il-​ġenituri tiegħek iħalluk tilgħab logħob elettroniku, kif tistaʼ tkun taf liema għandek tagħżel u kemm għandek tqattaʼ ħin tilgħab? Staqsi lilek innifsek il-​mistoqsijiet li ġejjin:

◼ L-​għażla tiegħi se toffendih lil Ġeħova? It-​tip taʼ logħob li tagħżel se jeffettwa l-​mod kif Alla jħossu dwarek. “Jifli l-​Mulej il-​ġust: iżda tobgħod ruħu lill-​ħażin, u lil dak li jħobb il-​vjolenza,” jgħid Salm 11:5 (KŻ). Dwar dawk li jieħdu sehem fi prattiki taʼ l-​okkult, il-​Bibbja tgħid: “Mistkerrah quddiem il-​Mulej kull min jagħmel dawn il-​ħwejjeġ.” (Dewteronomju 18:10-12) Jekk aħna rridu nkunu l-​ħbieb t’Alla, irridu nsegwu l-​parir li hemm f’Salm 97:10 (KŻ): “Intom li tħobbu l-​Mulej, obogħdu l-​ħażen.”

◼ Il-​logħba kif se teffettwali l-​ħsibijiet tiegħi? Staqsi lilek innifsek, ‘Se jkun iktar faċli li “naħrab miż-​żína” jew iktar diffiċli għalija jekk nilgħab din il-​logħba?’ (1 Korintin 6:18) Logħob elettroniku li jesponik għal xeni u konversazzjonijiet li jqanqlu sesswalment m’huwiex se jgħinek iżżomm moħħok fuq l-​affarijiet li huma ġusti, safja, u taʼ virtù. (Filippin 4:8) Amy, li għandha 22 sena, tgħid: “Ħafna logħob ma jħallikx tibqaʼ sensittiv għall-​vjolenza, il-​kliem baxx, u l-​immoralità u jistaʼ jagħmilha iktar faċli li ċċedi għat-​tentazzjonijiet f’aspetti oħrajn tal-​ħajja. Trid toqgħod attent ferm meta tiġi biex tagħżel liema logħob se tilgħab.”

◼ Kemm se nqattaʼ ħin nilgħab din il-​logħba? Deborah, li għandha 18-il sena, tgħid: “Jien ma ngħidx li l-​logħob elettroniku kollu huwa ħażin. Imma jistaʼ jiħodlok ħafna ħin, kważi jġiegħlek tħossok li ma tistax tgħaddi mingħajru.” Anki l-​iktar logħob elettroniku innoċenti jistaʼ jiħodlok ħafna ħin. Għalhekk, żomm rekord taʼ kemm tqattaʼ ħin tilgħab, u mbagħad qabbel dan l-​ammont mal-​ħin li tqattaʼ f’attivitajiet iktar importanti. Jekk tagħmel hekk se tkun tistaʼ żżomm il-​prijoritajiet tiegħek f’posthom.—Efesin 5:15, 16.

Il-​Bibbja ma tgħidlekx li għandek tqattaʼ ħajtek kollha tistudja jew taħdem. Din tfakkar lil kull wieħed u waħda minna li hemm “żmien li tidħaq . . . u żmien li taqbeż ’l hemm u ’l hawn.” (Ekkleżjasti 3:4, NW) Tajjeb li tinnota li l-​espressjoni “taqbeż ’l hemm u ’l hawn” ma tfissirx biss li tilgħab imma tinkludi wkoll attività fiżika. Allura għax ma tużax ftit mill-​ħin liberu tiegħek tilgħab logħob li jinvolvi attività fiżika minflok ma tillimita ruħek għal li toqgħod bil-​qiegħda quddiem skrin taʼ kompjuter?

Agħżel bil-​Għaqal

Mingħajr ebda dubju, il-​logħob elettroniku jistaʼ jkun divertenti, speċjalment jekk tkun tajjeb fih. U proprju minħabba din ir-​raġuni li għandek tagħżel il-​logħob bil-​għaqal. Staqsi lilek innifsek, ‘Liema suġġetti fl-​iskola jien tajjeb fihom?’ M’humiex ġeneralment dawk is-​suġġetti li l-​iktar jogħġbuk? Fil-​fatt, ħafna drabi jiġri li iktar ma suġġett ikun jogħġbok, iktar iħalli impressjoni fuqek. Issa staqsi lilek innifsek: ‘Liema logħob elettroniku jogħġobni l-​iktar? Liema lezzjonijiet morali tgħallimni din il-​logħba?’

Sabiex tkun tistaʼ tagħżel bil-​għaqal, għax ma tiktibx fil-​qosor dwar xiex inhi kull logħba li tixtieq tilgħab, billi tiddeskrivi x’inhi l-​mira tal-​logħba u l-​metodi li trid tuża biex tilħaq il-​mira? Qabbel dak li tkun ktibt mal-​prinċipji Bibliċi li ssemmew f’dan l-​artiklu, u mbagħad ara jekk il-​logħba hijiex xierqa.

Minflok ma tilgħab logħba sempliċement minħabba li sħabek jilagħbuha, kun b’saħħtek biżżejjed biex tkun int il-​wieħed li tieħu d-​deċiżjoni jekk logħba għandekx tilgħabha jew le wara li tkun ġbart l-​informazzjoni meħtieġa. Fuq kollox, applika l-​parir tal-​Bibbja: “Ibqgħu aċċertaw ruħkom dwar x’inhu aċċettabbli għall-​Mulej.”—Efesin 5:10.

AĦSEB DWAR DAN

◼ X’kont tgħid kieku ħabib stiednek biex tilgħab logħba elettronika vjolenti jew immorali?

◼ Kif tistaʼ tkun ċert li l-​logħob elettroniku ma jtellfekx minn attivitajiet iktar importanti?

[Blurb f’paġna 19]

Il-​fatt li tagħżel li tilgħab logħob vjolenti u immorali huwa bħallikieku qed tagħżel li tilgħab bl-​iskart radjoattiv—l-​effetti taʼ ħsara wisq probabbli ma jidhrux mill-​ewwel, imma ma tistax tevitahom

[Kaxxa f’paġna 18]

Kemm-il darba tilgħab logħob elettroniku?

□ Rari

□ Darba f’ġimgħa

□ Kuljum

Kemm tqattaʼ ħin tilgħab xi logħba?

□ Ftit minuti

□ Xi siegħa jew ftit inqas

□ Iktar minn sagħtejn

Liema tip taʼ logħob jogħġbok l-​iktar?

□ Tlielaq tal-​karozzi

□ Sports

□ Taʼ l-​isparar

□ Logħob ieħor

Ikteb l-​isem tal-​logħba elettronika li taf li m’hijiex tajba biex tilgħabha.

․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․

[Kaxxa/Stampa f’paġna 21]

NOTA LILL-​ĠENITURI

Bħalma forsi diġà kkonkludejt wara li qrajt l-​artiklu taʼ qabel, il-​logħob elettroniku nbidel ħafna minn meta kont żgħir int. Bħala ġenitur, kif tistaʼ tgħin lit-​tifel tiegħek jidentifika l-​perikli li jistaʼ jkun hemm u jevitahom?

Ftit li xejn joħroġ ġid jekk toqgħod tikkundanna lill-​industrija kollha tal-​logħob elettroniku jew jekk b’mod dommatiku tgħid li dan huwa sempliċement ħela taʼ ħin. Ftakar li mhux il-​logħob kollu huwa ħażin. Madankollu, jistaʼ jġiegħel lit-​tifel ma jgħaddix mingħajru u jiħodlu ħafna ħin. Għalhekk, ħu l-​ħin biex tanalizza l-​ammont taʼ ħin li t-​tifel iqattaʼ jilgħab dan il-​logħob. Ukoll, ikkunsidra t-​tip taʼ logħob li ibnek jidher li jogħġbu l-​iktar. Tistaʼ tistaqsi wkoll lil ibnek mistoqsijiet bħal dawn:

◼ Liema logħba hija l-​iktar popolari fost sħabek taʼ l-​iskola?

◼ X’jiġri fil-​logħba?

◼ Għalfejn taħseb li din il-​logħba hija daqshekk popolari?

Għandek mnejn issib li t-​tifel jaf iktar milli taħseb int dwar il-​logħob elettroniku! Forsi hu saħansitra lagħab logħob li int tħoss li huwa oġġezzjonabbli. Jekk dan huwa l-​każ, tagħmilx plejtu. Dan jagħtik l-​opportunità biex tgħin lit-​tifel tiegħek jiżviluppa s-​sensi tiegħu biex jagħraf jagħżel.—Ebrej 5:14.

Staqsi mistoqsijiet li jgħinu lit-​tifel tiegħek jiddetermina għala jogħġbu logħob oġġezzjonabbli. Per eżempju, tistaʼ tistaqsi mistoqsija bħal din:

◼ Tħoss li sħabek iwarrbuk għax ma nħallukx tilgħab dik il-​logħba partikulari?

Bħalma ħareġ il-​punt fl-​ewwel paġna taʼ l-​artiklu taʼ qabel, iż-​żgħażagħ għandhom mnejn jilagħbu ċerta logħba sabiex ikollhom xi ħaġa fuqiex jitkellmu maʼ sħabhom. Jekk inhu hekk fil-​każ tat-​tifel tiegħek, wisq probabbli m’intix se tittratta s-​sitwazzjoni bl-​istess mod bħal meta ssir taf li t-​tifel tiegħek jogħġbu logħob li fih vjolenza makabra jew kontenut sesswali.—Kolossin 4:6.

Imma xi ngħidu jekk it-​tifel jogħġbu l-​element negattiv taʼ logħba? Xi żgħażagħ għandhom mnejn ikunu pronti jinsistu li huma ma jiġux effettwati mill-​vjolenza makabra taʼ fuq il-​kompjuter. Huma għandhom mnejn jirraġunaw, ‘Ma jfissirx li għax nilgħab dan il-​logħob fuq il-​kompjuter se nagħmel hekk fil-​ħajja reali.’ Jekk it-​tifel tiegħek iħossu hekk, iġbidlu l-​attenzjoni lejn Salm 11:5 (KŻ), li kkwotajna f’paġna 20. Bħalma jidher ċar mill-​kliem taʼ din l-​iskrittura, m’huwiex biss il-​fatt li tkun vjolenti li jġib id-​diżapprovazzjoni t’Alla, imma anki li tħobb il-​vjolenza. L-​istess prinċipju japplika għall-​immoralità sesswali u għal kwalunkwe vizzju ieħor li l-​Kelma t’Alla tikkundanna.—Salm 97:10, KŻ.

Xi esperti jirrikkmandaw dan li ġej:

◼ Tħallix li jintlagħab logħob elettroniku f’xi post maqtugħ għalih, bħal f’xi kamra tas-​sodda.

◼ Agħmel regoli (per eżempju, m’għandux jilgħab logħob qabel ma jkun spiċċa l-​ħowmwerk jew qabel l-​ikel jew qabel xi attività importanti oħra).

◼ Enfasizza l-​valur t’attivitajiet oħrajn li jirrikjedu eżerċizzju fiżiku.

◼ Osserva lit-​tfal tiegħek waqt li qegħdin jilagħbu l-​logħob elettroniku—jew, saħansitra aħjar, kultant ilgħab xi logħba magħhom.

M’għandniex xi ngħidu, sabiex tkun tistaʼ tiggwida lil uliedek fil-​kwistjoni tad-​divertiment, int irid ikollok il-​libertà tal-​kelma. Għalhekk, staqsi lilek innifsek, ‘Liema tip taʼ programmi u films nara jien fuq it-​televixin?’ Titqarraqx—jekk ikollok livelli doppji, it-​tfal tiegħek se jindunaw!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja