LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 1/8 pp. 4-8
  • Hemm Xi Riskji għal Dawk li Qed Jilagħbu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hemm Xi Riskji għal Dawk li Qed Jilagħbu?
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Esperti Jiġbdu l-​Attenzjoni Lejn l-​Aspetti Negattivi
  • “Is-​Sengħa u x-​Xewqa li Joqtlu”
  • Logħob li Jivvizzja?
  • Effetti fuq is-​Saħħa
  • Negozju Dinji li Dejjem Jikber
  • Id-Dinja li Dejjem Tinbidel tal-Logħob Elettroniku
    Stenbaħ!—2003
  • Għandi Nilgħab Logħob Elettroniku?
    Stenbaħ!—2008
  • X’għandi nkun naf dwar il-logħob elettroniku?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 1/8 pp. 4-8

Hemm Xi Riskji għal Dawk li Qed Jilagħbu?

It-​tifel taʼ 12-il sena “ġab lill-​opponent tiegħu, li ma kienx armat, dahru mal-​ħajt u żammlu r-​rivolver maʼ rasu. ‘Ma tistax taħrab!’ qal it-​tifel b’daħqa taʼ miġnun, hu u jgħajjar lill-​karattru fuq l-​iskrin. ‘Tiegħi int!’ It-​tifel għafas il-​buttuna u spara lill-​karattru f’wiċċu. Id-​demm tar f’ċaflisa waħda fuq il-​ġagaga tal-​laboratorju li kien liebes il-​karattru hekk kif beda jixxengel ’l hemm u ’l hawn sakemm waqaʼ fl-​art. ‘Qtiltek!’ qal it-​tifel, hu u jidħaq.”

DAN l-​eżempju taʼ ċerta sitwazzjoni f’logħba tal-​kompjuter, kwotat mill-​artiklu “Computer Violence: Are Your Kids at Risk?” (Il-Vjolenza fuq il-​Kompjuter: Jinsabu Wliedek f’Riskju?) miktub minn Stephen Barr, iqajjem il-​mistoqsija fit-​titlu tagħna. Hemm iktar minn 5,000 logħba tal-​kompjuter u video game differenti fis-​suq. Xi wħud minnhom huma meqjusa kemm bħala edukattivi kif ukoll bħala taʼ gost u mingħajr ħsara.

Fost dan il-​logħob hemm waħda li tgħallem il-​ġeografija; u oħra kif ittajjar ajruplan. Oħrajn iħarrġu lil dak li jkun biex jaħseb bil-​loġika u biex isolvi xi problemi. Hemm logħob ieħor li huwa intenzjonat li jkollu effett terapewtiku, jew taʼ kura, għal min jilagħbu. Per eżempju, logħba waħda hija maħsuba biex tgħin lil dawk bi problema medika konnessa mal-​qari. Xi logħob jistaʼ jgħin ukoll liż-​żgħażagħ jitgħallmu jużaw il-​kompjuter aħjar, xi ħaġa li dejjem qed issir iktar importanti f’din l-​era tat-​teknoloġija.

L-​Esperti Jiġbdu l-​Attenzjoni Lejn l-​Aspetti Negattivi

“Settur ieħor mil-​logħob għandu temi anti-soċjali taʼ vjolenza, sess, u kliem vulgari,” jgħid David Walsh, president taʼ l-​Istitut Nazzjonali tal-​Mezzi tax-​Xandir u l-​Familja. “Sfortunatament, huwa settur partikolarment popolari maʼ tfal bejn it-​tmien snin u l-​ħmistax-il sena.”

Studju li sar fl-​Istati Uniti wera li kważi 80 fil-​mija mill-​video games li jippreferu ż-​żgħażagħ fihom il-​vjolenza. Rick Dyer, president tal-​Virtual Image Productions jgħid: “Dawn m’għadhomx sempliċement logħob. Dawn huma magni tat-​tagħlim. Bl-​iktar mod inkredibbli, qed ngħallmu lil uliedna x’jiġifieri tagħfas il-​grillu. . . . Dak li mhux qegħdin jitgħallmu huwa l-​konsegwenzi li jiġu fil-​ħajja reali.”

Il-protesti mill-​pubbliku kontra l-​logħob vjolenti ilhom li bdew isiru sa mill-​1976 minħabba logħba tal-​ħwienet li titfgħalha l-​flus bl-​isem taʼ Death Race. F’din il-​logħba ridt ittajjar lin-​nies fit-​triq li jkunu għaddejjin ’l hemm u ’l hawn fuq l-​iskrin. Dak li jkun tajjar l-​iktar nies kien jirbaħ. Il-​logħob ġdid u iktar sofistikat taʼ llum għandu stampi aħjar u fih tkun tistaʼ tieħu sehem f’atti vjolenti iktar realistiċi.

Per eżempju, fil-​logħba Carmageddon, min jilgħab ikun tajjar u qatel iktar minn 33,000 persuna sakemm jasal fl-​aħħar livell tal-​logħba. Deskrizzjoni tal-​logħba li se toħroġ warajha tgħid: “Il-​vittmi tiegħek mhux biss jinfaqgħu taħt it-​tajers tiegħek u jimlewlek il-​ħġieġa taʼ quddiem kollha demm, imma wkoll jinżlu għarkobbtejhom u bil-​ħrara jitolbuk ħniena, jew jikkommettu suwiċidju. Jekk trid, tistaʼ wkoll tqattagħhom biċċiet.”

Hija din il-​vjolenza finta taʼ ħsara? Bejn wieħed u ieħor saru 3,000 studju differenti fuq dan is-​suġġett. Ħafna huma tal-​parir li hemm rabta bejn il-​vjolenza fil-​logħob u l-​fatt li dawk li jilagħbu qed isiru iktar aggressivi. Atti taʼ vjolenza fost iż-​żgħażagħ spiss huma evidenza taʼ din ir-​rabta.

Xi speċjalisti jċekknu l-​influwenza tal-​logħob billi jgħidu li hemm fatturi oħra x’jiġu kunsidrati, bħalma hija l-​possibbiltà li tfal li diġà jkollhom tendenzi vjolenti qed jagħżlu dan it-​tip taʼ logħob. Imma jistaʼ jkun li l-​logħob vjolenti xorta jeffettwa ħafna lil min jilgħab? Ma jidhirx realistiku li nisħqu illi n-​nies ma jinfluwenzawx ruħhom minn dak li jaraw. Kieku dan huwa minnu, għalfejn fid-​dinja tal-​kummerċ jintefqu biljuni taʼ liri fis-​sena għar-​reklamar fuq it-​televixin?

“Is-​Sengħa u x-​Xewqa li Joqtlu”

Il-​psikologu militari David Grossman, awtur tal-​ktieb On Killing, isostni li l-​vjolenza fuq il-​kompjuter tħarreġ lit-​tfal bl-​istess mod li t-​taħriġ militari jgħallem lis-​suldati jegħlbu r-​reżistenza naturali taʼ ġo fihom li ma tħallihomx joqtlu biex joqtlu. Per eżempju, fil-​militar ġie skopert li kien possibbli li titkisser din ir-​reżistenza fil-​maġġuranza tan-​nies fl-​infanterija sempliċement billi waqt it-​taħriġ taʼ l-​isparar, minflok ma jitħallew jimmiraw fuq il-​marka sewda, jibdew jimmiraw fuq forma taʼ bniedem. Bl-​istess mod, isostni Grossman, logħob vjolenti jgħallem lit-​tfal “is-​sengħa u x-​xewqa li joqtlu.”

Skond riċerka li dehret fil-​Journal of Personality and Social Psychology, il-​vjolenza fil-​video games u l-​logħob tal-​kompjuter tistaʼ tkun iktar perikoluża mill-​vjolenza murija fuq it-​televixin jew fil-​films, ladarba min ikun qed jilgħab jidentifika lilu nnifsu mal-​karattri li jkunu qed jagħmlu l-​vjolenza. It-​televixin jistaʼ jagħmilna spettaturi tal-​vjolenza; il-​logħob tal-​kompjuter jistaʼ jgħinna nħossuna li qed nipparteċipaw. Iktar minn hekk tifel jistaʼ jdum ftit sigħat jara film, imma jistaʼ jqattaʼ sa 100 siegħa jilgħab logħba tipika.

Xi pajjiżi jużaw sistema taʼ klassifikazzjoni disinjata biex turi li logħob brutali u vjolenti huwa għall-​adulti biss. Imma sistema bħal din hija utli biss skond kemm tiġi osservata. Studju fl-​Istati Uniti wera li 66 fil-​mija mill-​ġenituri li sar stħarriġ fuqhom, lanqas biss huma familjari mas-​sistema tal-​klassifikazzjoni. Id-​direttur tal-​Bord għall-​Klassifikazzjoni tas-​Software tad-​Divertiment jgħid li l-​għan primarju tas-​sistema m’huwiex biex iwaqqaf lit-​tfal milli jagħżlu ċertu logħob. Hu jispjega: “L-​irwol tagħna m’huwiex li niddettaw l-​għażla. Aħna nagħtu l-​għodda lill-​ġenituri biex jiddeterminaw xi jridu jew ma jridux għal uliedhom.”

Logħob li Jivvizzja?

Il-​logħob on-line il-​ġdid, li jintlagħab fuq l-​Internet maʼ nies madwar id-​dinja, iħalli lil kulmin jilgħab biex jagħżel li jkun ċertu karattru, li jistaʼ javanza ’l quddiem billi jgħaddi minn diversi sfidi, u b’hekk dak li jkun qed jilgħab iħossu qed jirnexxi iktar. Il-​ħin li wieħed iqattaʼ fuq il-​karattru li jkun għażel isir investiment u jagħti sens taʼ sodisfazzjon li lil dak li jkun ixennqu biex jilgħab iktar. Għal xi wħud, il-​logħob jistaʼ jidher li jivvizzja​—forsi din hi raġuni waħda għala l-​logħob on-line jistaʼ jdum sejjer xhur jew saħansitra snin sħaħ.

Ir-rivista Time rrapportat li dan l-​aħħar fil-​Korea t’Isfel kien hemm interess kbir f’logħba on-line li jisimha Lineage. F’din il-​logħba, dawk li jieħdu sehem, jiġġieldu għal rebħa f’ambjent medjevali. Min jilgħab, jimxi minn livell għal ieħor u dejjem jipprova jakkwista xi grad speċjali. Xi żgħażagħ jibqgħu jilagħbu l-​lejl kollu u l-​għada, meta jmorru l-​iskola, isibuha diffiċli biex jibqgħu mqajmin. Il-​ġenituri jinkwetaw imma mhux dejjem ikunu jafu kif se jittrattaw il-​problema. Wieħed żagħżugħ li jħobb jilgħab, f’intervista spjega: “Meta niltaqaʼ man-​nies on-line jaħsbu li jien intelliġenti u tal-​moda, imma meta niltaqgħu off-line, jagħtuni l-​parir biex innaqqas il-​piż.”

Il-psikologu Korean Joonmo Kwon jagħti l-​ispjegazzjoni tiegħu għala l-​logħba Lineage kisbet daqshekk popolarità: “Fid-​dinja reali, fil-​Korea, ix-​xenqiet moħbija u l-​passjonijiet li jkollok trid iżżommhom ġo fik. Fil-​logħba joħorġu.” Għalhekk, iż-​żgħażagħ jaħarbu mir-​realtà għal ġo dinja immaġinarja. Wieħed kummentatur moħħu jilħaqlu ddeskriva lil min jilgħab din il-​logħba hekk: “Għal min jilgħab, id-​dinja taʼ din il-​logħba tiġbdek ħafna iktar mir-​realtà. Ir-​realtà hija biss ħin qasir li fih jagħmel il-​ftit flus li hemm bżonn sabiex ikompli l-​logħba.”

Effetti fuq is-​Saħħa

L-​istatistiċi mill-​Istati Uniti juru li normalment student taʼ madwar 12-il sena jara t-​televixin madwar erbaʼ sigħat kuljum​—u dan ma jinkludix il-​ħin li jqattaʼ jħares lejn skrin tat-​televixin jew tal-​kompjuter waqt li jkun qed jilgħab xi logħba. Fi stħarriġ li sar fl-​1995, iktar minn 60 fil-​mija mit-​tfal ammettew li spiss idumu jilagħbu iktar milli jkunu ppjanaw. Faċilment tistaʼ tirriżulta traskuraġni fix-​xogħol taʼ l-​iskola. Studju fil-​Ġappun wera li l-​logħob tal-​kompjuter iħaddem parti żgħira biss mill-​moħħ taʼ tifel. Skond l-​istudju, it-​tfal għandhom bżonn iktar qari, kitba, u aritmetika. Imma sabiex moħħhom jiżviluppa kompletament, għandhom bżonn ukoll l-​eċċitament taʼ meta jilagħbu barra maʼ tfal oħrajn kif ukoll il-​bżonn li jikkomunikaw m’oħrajn.

Bħalma ġie rapportat, madwar 40 fil-​mija mit-​tfal fl-​Istati Uniti bejn il-​ħames u t-​tmien snin huma klinikament ħoxnin iżżejjed. Raġuni li wisq probabbli għandha x’taqsam maʼ dan hija l-​problema taʼ nuqqas taʼ eżerċizzju minħabba l-​ħafna ħin li jqattgħu quddiem skrin tat-​TV jew tal-​kompjuter. Kien hemm kumpanija li saħansitra vvintat apparat taʼ l-​eżerċizzju li jistaʼ jintuża waqt li tintlagħab logħba tal-​kompjuter. Iżda, ovvjament, ikun ħafna aħjar li jiġi limitat il-​ħin użat biex jintlagħab logħob bħal dan, u jitħalla biżżejjed ħin għal attivitajiet oħra li jgħinu lit-​tfal jiżviluppaw personalità mżewqa u bilanċjata.

Kwistjoni taʼ saħħa oħra: Jistgħu jinqalgħu problemi fl-​għajnejn jekk tħares lejn skrin għal ħinijiet twal. Stħarriġ juri li mill-​inqas kwart minn dawk kollha li jużaw il-​kompjuter ikollhom problemi fil-​vista tagħhom. Raġuni waħda hija li r-​rata taʼ kemm iteptpu l-​għajnejn tonqos, u dan jikkawża nixfa u irritazzjoni fl-​għajn. It-​teptip inaddaf l-​għajnejn, u b’hekk jipproduċi d-​dmugħ u jneħħi t-​tinġis.

Minħabba li t-​tfal huma limitati dwar kemm ikunu konxji taʼ x’inhu jiġrilhom, huma jistgħu jilagħbu għal sigħat sħaħ, u jieqfu biss għal ftit waqtiet qosra. Dan jistaʼ jikkawża wġigħ fl-​għajnejn u problemi biex jiffokaw il-​vista fuq xi ħaġa. L-​esperti jissuġġerixxu li tieħu waqfiet regulari taʼ ftit minuti wara kull siegħa li ddum tuża l-​kompjuter.a

Negozju Dinji li Dejjem Jikber

L-​interess fil-​logħob fuq l-​Internet jidher li qed jiżdied mad-​dinja kollha. F’iktar u iktar postijiet, qed jinfetħu ħwienet fejn tistaʼ tuża l-​Internet, imsejħa Internet cafès. Dawn ikunu armati b’għadd taʼ kompjuters, u n-​nies iħallsu biex jilagħbu logħob f’sistema konnettjata taʼ kompjuters. Mhux l-​ewwel darba li tismaʼ b’żgħażagħ li jonfqu madwar Lm80 fix-​xahar fi ħwienet bħal dawn.

M’hemmx dubju li l-​industrija tal-​logħob dejjem qiegħda tikber. Huwa mistenni li s-​suq għal-​logħob on-line se jiżdied b’iktar minn 70 fil-​mija fil-​ħames snin li ġejjin.

Bla dubju, però, din l-​industrija li sejra tajjeb ħafna maʼ kullimkien għandha l-​aspetti negattivi tagħha. Ir-​riskji huma reali. Ħadd minna ma jaffordja jpoġġi saħħtu fil-​periklu, jaħli ammonti eċċessivi taʼ ħin u flus, jew jidra l-​vjolenza u l-​qtil. It-​tfal tagħna iktar u iktar ma jaffordjawhx dan. Għalhekk, ma tistax tgħid li l-​logħob tal-​kompjuter huwa dejjem edukattiv jew li huwa dejjem divertiment bla periklu. David Walsh li ġie kwotat qabel, iwissi: “Probabbilment, il-​mezzi tad-​divertiment huma iktar b’saħħithom milli naħsbu.” Hu jżid: “Jekk il-​ġenituri huma responsabbli biex jieħdu ħsieb uliedhom, mela allura t-​tifsira taʼ li wieħed jieħu ħsieb trid tinbidel mal-​pass mgħaġġel li bih qed tinbidel din id-​dinja tal-​mezzi tad-​divertiment.”

Tabilħaqq, bħalma tgħid il-​Bibbja, ‘il-​bixra taʼ did-dinja qed tgħaddi.’ (1 Korintin 7:​31, Saydon) U milli jidher, xejn ma jgħaddi u jinbidel iktar malajr mill-​mezzi tad-​divertiment. M’humiex ftit dawk il-​ġenituri li qed iħossuhom mifluġin biex iżommu mal-​modi u influwenzi oħrajn li dejjem jinbidlu u li qed jibbombardjaw lil uliedhom minn ġurnata għal oħra. Imma taqtax qalbek. Ħafna ġenituri qed isibu suċċess fit-​trobbija taʼ wliedhom billi jgħinuhom jikkonċentraw fuq dak illi huwa verament importanti. It-​tfal, bħalna lkoll, għandhom bżonn ikunu jafu li l-​iktar bżonnijiet importanti li għandna ma jistgħu qatt jintlaħqu bid-​divertiment​—la bil-​kompjuter, la bit-​TV, u lanqas b’xi mezz ieħor. Il-​ferħ veru, bħalma darba qal Ġesù, jiġi għand dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.​—Mattew 5:3.

[Nota taʼ taħt]

a Ukoll, xi wħud jagħtu l-​parir li dawk kollha li jużaw il-​kompjuter jirrilassaw għajnejhom kull 15-il minuta billi jħarsu lil hinn mill-​iskrin lejn oġġetti fil-​bogħod. Oħrajn jissuġġerixxu li dawn għandhom joqogħdu bil-​qiegħda mill-​inqas 60 ċentimetru ’l bogħod mill-​iskrin u jevitaw li jużaw il-​kompjuter meta jħossuhom għajjenin.

[Kaxxa f’paġna 6]

IL-​LOGĦOB ELETTRONIKU—Ġabra tar-​Riskji fil-​Qosor

▸ Il-​logħob tal-​kompjuter u l-​video games li jkunu vjolenti jistgħu jinkuraġġixxu mġiba aggressiva.

▸ Il-​logħob elettroniku jistaʼ jagħmlek iktar minn spettatur tal-​vjolenza; huwa disinjat biex jgħinek tħossok qisek parteċipant.

▸ Għal dawk li jimpressjonaw ruħhom malajr, il-​logħob jistaʼ jċajprilhom id-​differenza bejn ir-​realtà u l-​fantasija.

▸ Bħal vizzju, il-​logħob jistaʼ jwasslek biex tittraskura obbligazzjonijiet u relazzjonijiet importanti.

▸ Lit-​tfal, il-​logħob jistaʼ jiħdilhom il-​ħin li għandhom jużaw f’attivitajiet importanti oħra, bħalma huma l-​istudju, il-​komunikazzjoni maʼ nies oħrajn, u l-​logħob kreattiv.

▸ Jekk wieħed jiċċassa fit-​tul lejn skrin jistgħu jibdew juġgħuh għajnejh.

▸ Nuqqas taʼ eżerċizzju, li għandu mnejn jirriżulta minn dan il-​logħob, jistaʼ jwassal għal ħafna ħxuna żejda.

▸ Il-​logħob jistaʼ jisraqlek il-​flus u l-​ħin tiegħek.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]

Mod Wieħed Kif Teħles mill-​Vizzju

Thomas, Kristjan taʼ 23 sena jiftakar: “Meta kont għadni mmur l-​iskola, il-​ħowmwerk tiegħi mar minn taħt sew minħabba li kont nilgħab ħafna logħob tal-​kompjuter. Iktar tard fil-​ħajja ġew effettwati affarijiet oħra. Komplejt nilgħab, anki wara li sirt ministru volontarju full-time. Fl-​aħħar irrealizzajt li kien qed jiħodli żżejjed mill-​ħin u l-​enerġija tiegħi. Xi kultant, meta kont nilgħab qabel immur fuq il-​ministeru jew għal xi laqgħa Kristjana, kont insibha diffiċli ħafna biex nikkonċentra. Kważi dejjem kont noqgħod naħseb dwar kif se nsolvi xi problema fil-​logħba la nasal lura d-​dar. L-​istudju persunali u l-​qari taʼ kuljum mill-​Bibbja batew ħafna. Il-​ferħ tiegħi f’li naqdi lil Alla beda jbatti.

“Lejl minnhom, fit-​tard, waqt li kont fis-​sodda, bdejt inħoss li ma stajtx nibqaʼ sejjer hekk. Qomt, xgħelt il-​kompjuter, għażilt il-​logħob kollu, u għafast il-​buttuna biex inħassar kollox. Kollox telaq f’sekonda! Vera kienet xi ħaġa iebsa! Irrealizzajt li kont marbut mal-​logħob iktar milli ħsibt. Imma ħassejtni rebbieħ kbir għax kont naf li dak li għamilt kont għamiltu għall-​ġid tiegħi. Nammetti illi xtrajt xi ftit logħob minn dakinhar ’l hawn. Imma issa qed inkun ħafna iktar strett miegħi nnifsi. Hekk kif nibda nsibha diffiċli biex inżomm bilanċ, nerġaʼ nagħfas il-​buttuna biex inħassar kollox.”

[Stampa f’paġna 6]

Xi wħud jgħidu li hemm rabta bejn il-​vjolenza fil-​logħob u l-​aggressività f’dawk li jilagħbu

[Stampa f’paġna 7]

Kamra għal-​logħob taʼ l-​Internet f’Seoul, Korea

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja