Għala Ħafna Jħossuhom Bla Tama
Madwar id-dinja, żviluppi inkwetanti qed jikkaġunaw biżaʼ dwar il-futur. F’għadd li dejjem jiżdied taʼ bliet qed jintużaw vidjo kameras biex jgħassu mill-qrib liċ-ċittadini. Minħabba l-biżaʼ mit-terroristi, bosta ajruporti li jintużaw ħafna kważi saru kampijiet militari. Għadd li dejjem jiżdied taʼ ħallelin u pedofili jħufu fuq l-Internet biex isibu vittmi li ma jissuspettawx dwar l-intenzjonijiet mill-agħar tagħhom. Fejn jidħol l-ambjent, il-ħajja futura tal-pjaneta tagħna qed tiġi mhedda mit-tinġis, mit-tqaċċit tas-siġar, mill-estinzjoni, u mis-sħana globali.
WAQT li dawn l-affarijiet lanqas biss konna nimmaġinawhom żewġ jew tliet ġenerazzjonijiet ilu, illum saru xi ħaġa globali. Ħafna nies għandhom raġun jistaqsu x’qed jiġrilha d-dinja u x’tip taʼ ħajja hemm jistenna lilhom u lil uliedhom. Se jiġi ż-żmien meta n-nies ikunu beżgħanin wisq biex jitilgħu fuq xarabank, ferrovija, jew ajruplan? Bil-prezzijiet dejjem jogħlew u b’iktar u iktar nies jużaw ir-riżorsi taʼ l-art, se jkunu jistgħu l-ġenerazzjonijiet tal-futur jaffordjaw kura medika tajba, ikel taʼ kwalità, u biżżejjed fuel?
“Il-futur jidher tassew tal-biżaʼ,” qal ministru tas-saħħa Kanadiż rigward l-ispejjeż tas-saħħa li dejjem jogħlew. Is-sitwazzjoni hi allarmanti wkoll rigward l-ikel u l-fuel. Għala? Xi pajjiżi qed jinvestu ħafna flus biex jiżviluppaw il-fuel bijoloġiku, bħall-ethanol, li jittieħed mill-ħxejjex, sabiex ma jibqgħux jiddependu daqshekk mill-fuel li jittieħed mill-fossili. Għalhekk, għall-ewwel darba fl-istorja, żaqq il-bniedem qed tikkompeti mat-tank tal-fuel tal-karozza għal dak li tipproduċi l-art disponibbli. Minħabba f’hekk, diġà qed tinħass l-inflazzjoni fil-prezzijiet taʼ l-ikel.
Sadanittant, id-differenza bejn is-sinjuri u l-foqra qed tikber u qed iżżid it-tensjoni soċjali. “F’dawn l-ewwel għaxar snin tas-seklu 21 issib titjib kbir ħafna fil-benesseri tal-bniedem kif ukoll ċaħda estrema,” jgħid rapport taʼ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. “F’xi wħud mill-iktar pajjiżi fqar, in-nies jgħixu nofs l-età taʼ dawk li jgħixu fl-iktar pajjiżi sinjuri.” Il-kaġuni primarji huma l-mard u t-taħwid soċjali u ekonomiku fi stati fejn il-gvernijiet m’humiex stabbli.
Biex tkompli tgħaxxaqha hemm it-theddida inkwetanti tas-sħana globali, li tistaʼ tikkaġuna li iktar art issir deżert u t-temp isir iktar estrem, u mhux taʼ b’xejn li ħafna nies informati jibżgħu mill-futur. Il-Bulletin of the Atomic Scientists, li jistabbilixxi l-hekk imsejjaħ Arloġġ taʼ Jum il-Kundanna, jitkellem dwar biżaʼ minn futur ikrah “hekk kif ix-xjenzati jkomplu jaraw l-effetti [tas-sħana globali] fuq diversi aspetti taʼ l-ekosistemi komplikati taʼ l-Art.”
Huma l-prospetti tagħna koroh daqskemm jidhru li huma? Tiddependi l-unika tama tagħna għal futur hieni mill-mexxejja tan-negozju, tal-politika, tar-reliġjon, u tax-xjenza? ‘Liema għażla oħra għandna?’ jistaqsu xi wħud. ‘Aħna stess għamilna din il-balbuljata u aħna stess irridu nsolvuha.’ Oħrajn iħossu li l-bnedmin sempliċement ma jistgħux isibu soluzzjoni u li l-unika tama tagħna għal futur fis-sigurtà tinsab f’idejn Alla. Jekk inhu hekk, kif nistgħu nkunu ċerti li Alla hu interessat fina u li mhux se jħallina neqirdu lilna nfusna? L-artikli li ġejjin se jwieġbu dawn il-mistoqsijiet.
[Kumment f’paġna 3]
Tiddependi l-unika tama tagħna għal futur hieni mill-mexxejja tan-negozju, tal-politika, tar-reliġjon, u tax-xjenza?