Jistaʼ l-Bniedem Jiggarantixxi Futur Hieni?
Għadek kif mort toqgħod f’dar ġdida li tidher li hi mibnija fis-sod u sabiħa. Minn dejjem xtaqt dar bħal din. Jidher li għandek futur sabiħ quddiemek! Imma wara biss ftit snin jibdew ħerġin difetti serji fl-istruttura tad-dar u jkollok twaqqagħha. Tassew jiddispjaċik. Imma m’intix waħdek. Djar oħrajn fl-inħawi tiegħek għandhom l-istess problemi. L-investigazzjoni tikxef li dawn il-problemi ġew kaġunati minn difetti fid-disinn, fil-bini, u fil-ġebel.
ID-DINJA tinsab f’inkwiet kbir bħal din id-dar. Minkejja esperimenti soċjali u politiċi bla għadd u avanzi taʼ l-għaġeb fix-xjenza u fit-teknoloġija, l-istruttura bażika tas-soċjetà donnha qed tisfaxxa. F’diversi pajjiżi, il-ksur tal-liġi u l-anarkija huma diġà komuni. Se jiġu l-bnedmin sforzati mid-disprament biex isolvu l-problemi tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar joħolqu gvern tajjeb? Ikkunsidra x’qalu xi awtoritajiet dwar l-istorja tal-bniedem.
“Għamilna Minn Kollox”
Nies intellettwali bħall-filosfu Grieg Platun u l-filosfu politiku u soċjalist Ġermaniż Karl Marx għamlu sforz biex itejbu d-dinja billi pproponew diversi tipi taʼ gvernijiet. B’liema riżultat? Artiklu fil-ġurnal New Statesman kien jgħid: “Aħna la neħħejna l-faqar u lanqas ġibna l-paċi dinjija. Minflok, donnu għamilna eżatt l-oppost. Mhux għax ma pprovajniex. Għamilna minn kollox biex il-gwerra tiġi evitata, mill-komuniżmu sas-suq ħieles; mil-Lega tan-Nazzjonijiet sal-ġbir taʼ ħażna nukleari. Iġġilidna wisq ‘gwerer biex intemmu l-gwerra’ biex mingħalina nkunu nafu kif intemmu l-gwerra, u l-bliet interni tagħna donnhom għaddejjin minn attakk militari kontinwu.” L-artiklu kompla jgħid: “Bdejna s-seklu [20] b’tama qawwija li x-xjenzati jistgħu jsalvawna u spiċċajnieh ma nemmnux kelma waħda milli jgħidu.”
Fl-2001, Eric Hobsbawm, professur taʼ l-ekonomija u l-istorja soċjali fl-Università taʼ Londra, li issa hu rtirat imma għad għandu t-titlu taʼ professur, kiteb li s-sistemi politiċi tal-bnedmin “qed jiffaċċjaw era meta l-effett taʼ l-għemejjel tal-bniedem fuq in-natura u l-globu huwa kbir ħafna.” Biex insolvu, jew intaffu, dawn il-problemi “hemm bżonn li jittieħdu miżuri li kważi żgur li m’humiex se jiġu appoġġati mill-għadd tal-voti jew billi jitkejlu l-preferenzi tal-konsumaturi. Dawn żgur li m’humiex prospetti fit-tul pożittivi la għad-demokrazija u lanqas għall-globu.”
Peress li qed jara li l-umanità qed tiffaċċja katastrofi, Stephen Hawking staqsa: “F’dinja li tinsab f’kaos politiku, soċjali, u ambjentali, kif tistaʼ r-razza umana tibqaʼ 100 sena oħra?”
Il-Bnedmin Għala Ma Rnexxewx?
Il-Bibbja biss tagħti spjegazzjoni sodisfaċenti għala l-bniedem assolutament ma rnexxilux jaħkem lilu nnifsu b’suċċess. Raġuni waħda hi li l-Bibbja turina ċar u tond x’inhi l-kundizzjoni tal-bniedem. Per eżempju, ikkunsidra l-erbaʼ veritajiet bażiċi li ġejjin.
Aħna lkoll imperfetti. “Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla.” (Rumani 3:23) Sewwasew bħalma d-difetti fil-ġebel jistgħu jġiegħlu bini jiddgħajjef u jiġġarraf, hekk ukoll l-imperfezzjoni li wirtu l-bnedmin tidher f’modi li jistgħu jdgħajfu s-soċjetà. Dawn jinkludu tendenzi lejn il-korruzzjoni, id-diżonestà, ir-regħba, u l-abbuż tal-poter. Dawn m’humiex affarijiet ġodda. Xi tlett elef sena ilu, kittieb għaref tal-Bibbja osserva: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.”—Koħèlet 8:9.
Il-ħakkiema tal-gvern u l-qrati tal-liġi jirrikonoxxu l-imperfezzjonijiet u d-dgħjufijiet tagħna u jipprovaw ipattu għalihom b’ruxxmata liġijiet. Imma huma jagħmlu dan waqt li jafu sew li ma jistgħux joħorġu liġi biex jisforzaw lin-nies iħobbu lil għajrhom jew biex ikunu jixtiequ jobdu l-liġi.
Il-mewt tirbaħna. “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx. Malli toħroġ ruħu [jew il-forza tal-ħajja tiegħu], lejn l-art jerġaʼ jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu.” (Salm 146:3, 4) Kunsidrat bħala wieħed mill-iktar ħakkiema għorrief li qatt eżistew, is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem ra kemm ix-xogħol iebes tiegħu setaʼ jkollu riżultati fiergħa. Hu kiteb: “Stmerrejt ukoll ix-xogħol kollu taħt ix-xemx li fih tħabatt u li jkolli nħallih għal min jiġi warajja. U dan min jaf ikunx għaref inkella iblah? Ikun xi jkun hu jsir is-sid taʼ xogħli kollu . . . Dan ukoll hu frugħa.”—Koħèlet 2:18, 19.
M’għandniex l-abbiltà li naħkmu lilna nfusna sew. “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Anki kieku konna perfetti, il-Bibbja tgħallem li skond l-iskop oriġinali t’Alla, il-bnedmin la ngħataw id-dritt mingħand Alla li jaħkmu lilhom infushom u lanqas għandhom l-abbiltà li jagħmlu dan b’mod effettiv. Fil-fatt, in-nies għala għandhom it-tendenza li jirritaw ruħhom jekk bniedem ieħor jew grupp taʼ bnedmin jgħidulhom x’għandhom jagħmlu jew ipoġġulhom livelli morali jew etiċi? It-tweġiba hi li aħna konna maħluqin b’tali mod li nduru lejn awtorità ogħla minna nfusna għall-gwida fil-ħajja. Il-Wieħed li għandu din l-awtorità hu Alla.—Isaija 33:22; Atti 4:19; 5:29.
Il-bnedmin huma influwenzati minn ħakkiem li ma jidhirx. “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin”—Satana x-Xitan. (1 Ġwanni 5:19) Jekk dawk li jmexxu kumpanija jkunu korrotti għalkollox—u ħadd ma jkollu awtorità fuqhom—x’jistaʼ jagħmel sempliċi impjegat biex jirranġa l-affarijiet? Kważi xejn. L-istess huwa minnu meta niġu biex nirranġaw il-problemi li fl-aħħar mill-aħħar huma kaġunati mill-ħakkiema li ma jidhrux taʼ din id-dinja—ħlejjaq spirti inviżibbli u mill-agħar li qed jaħdmu taħt it-tmexxija taʼ Satana. Il-Bibbja tiddeskrivi lil dawn il-ħakkiema bħala “gvernijiet,” “awtoritajiet,” “ħakkiema dinjin taʼ dan id-dlam,” u “forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fil-postijiet tas-sema.”—Efesin 6:12.
Madankollu, il-Bibbja tagħmel iktar milli sempliċement tikxef in-nuqqasijiet tal-bniedem u l-ħakkiema tad-dinja li ma jidhrux. Tipprovdi wkoll aħbar tajba li hi soluzzjoni ċerta għall-problemi kollha tagħna, u b’hekk tagħtina bażi soda biex ikollna tama.
Il-Ħallieq Tagħna Jsalvana!
Kieku kellna noqogħdu nipprovaw waħedna, qatt ma kien se jirnexxilna nsibu soluzzjoni għal dawn il-problemi. Lanqas l-iktar bniedem intelliġenti, taʼ qawwa, jew għani m’għandu l-poter li jbiddel waħda mill-erbaʼ realtajiet li semmejna f’dan l-artiklu.a Imma bħalma se jiġi spjegat fl-artiklu li jmiss, il-Ħallieq tagħna la nsiena u lanqas abbandunana. Fil-fatt, bħala s-Sovran taʼ l-art bi dritt, se jneħħi kull ostaklu li jtellfilna l-ferħ. (1 Ġwanni 4:8) Iktar minn hekk, hu dalwaqt se jagħmel dan. Kif nafu?
Bħalma ġie spjegat fl-aħħar ħarġa taʼ din ir-rivista bl-Ingliż, il-ġrajjiet dinjin u l-kundizzjonijiet soċjali jagħmluhielna ċara ħafna li qed ngħixu tassew “fl-aħħar jiem” taʼ din id-dinja. (2 Timotju 3:1; Mattew 24:3-7) Le, it-tmiem mhux se jiġi fl-għamla taʼ xi olokawst nukleari jew permezz taʼ xi ħabta maʼ xi asterojde jew b’xi mod ieħor li fih jinqerdu bl-addoċċ kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena. Minflok, se jkun ir-riżultat taʼ intervent divin immirat b’mod speċifiku lejn il-ħżiena, inkluż dawk li jinsistu biex il-bniedem ikompli jaħkem. (Salm 37:10; 2 Pietru 3:7) Fl-istess waqt, Alla se jtemm it-tbatija kollha li kkaġunaw dawn l-opponenti t’Alla.b—2 Tessalonikin 1:6-9.
Imbagħad il-Ħallieq se jsolvi l-problemi tagħna fejn tidħol it-tmexxija billi jagħti awtorità sħiħa fuq l-art lil ħakma msejħa s-“saltna t’Alla.” (Luqa 4:43) Bħalma se naraw issa, dan il-gvern dinji jgħinna nħarsu lejn il-futur minn lenti totalment differenti.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Hija l-Għajnuna Filantropika s-Soluzzjoni?” f’paġna 19.
b Il-mistoqsija “Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?” titwieġeb f’paġna 106 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]
‘DIFETTI FIL-ĠEBEL’ FL-ISTRUTTURA TAS-SOĊJETÀ UMANA
◼ Aħna lkoll imperfetti.
◼ Il-mewt tirbaħna.
◼ M’għandniex l-abbiltà li naħkmu lilna nfusna sew.
◼ Il-bnedmin huma influwenzati minn ħakkiem li ma jidhirx.
[Kaxxa f’paġna 6]
IL-BNEDMIN M’HUMIEX SE JEQIRDU L-ART!
Il-Bibbja fiha ħafna evidenza li l-iskop tal-Ħallieq għall-art hu li tkun dar paċifika u mingħajr perikli għall-bnedmin li jibżgħu minn Alla. Ikkunsidra l-iskritturi li ġejjin.
“Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha, b’mod li qatt ma titħarrek.”—Salm 104:5.
“L-art waqqaftha, u żammet fis-sod.”—Salm 119:90.
“Ġenerazzjoni tmur u oħra tiġi, imma l-art tibqaʼ għal dejjem.”—Koħèlet 1:4.
“Mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”—Isaija 11:9.
“[Ġeħova] sawwar l-art, għamilha u wettaqha, ma ħalaqhiex għall-baħħ, sawwarha biex jgħammru fiha.”—Isaija 45:18.