Iż-Żmien Meta Alla Mhux Se Jippermetti Iktar is-Sofferenza Qed Joqrob
KULFEJN tħares, tara s-sofferenza. Xi nies iġibuha b’idejhom stess. Huma jlaqqtu xi marda trasmessa sesswalment jew ibatu l-konsegwenzi li jiġu mill-abbuż tad-drogi jew taʼ l-alkoħol jew tat-tipjip. Jistgħu wkoll jinqalgħulhom problemi tas-saħħa minħabba li ma jkollhomx drawwiet tajbin taʼ l-ikel. Madankollu, ħafna mis-sofferenza tiġi minn fatturi jew ġrajjiet li l-bniedem normali m’għandux kontroll fuqhom: gwerer, vjolenza etnika, kriminalità, faqar, ġuħ, mard. Xi ħaġa oħra li l-bnedmin bażikament m’għandhomx kontroll fuqha hija s-sofferenza marbuta max-xjuħija u l-mewt.
Il-Bibbja tassigurana li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Mela allura għala ppermetta li għal sekli sħaħ ikun hawn din is-sofferenza kollha? Meta se jirranġaha s-sitwazzjoni? Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, għandna bżonn neżaminaw x’inhu l-iskop t’Alla għall-bnedmin. Dan se jgħinna nifhmu għala Alla ppermetta s-sofferenza u x’se jagħmel dwarha.
Ir-Rigal tar-Rieda Ħielsa
Meta Alla ħalaq l-ewwel bniedem, hu m’għamilx biss ġisem bil-moħħ. Iżjed minn hekk, lil Adam u Eva, Alla ma ħalaqhomx biex ikunu robots bla moħħ. Hu poġġa fihom il-fakultà tar-rieda ħielsa. Dan kien rigal mill-isbaħ, għax ‘Alla ħares lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.’ (Ġenesi 1:31) Iva, “perfett għemilu.” (Dewteronomju 32:4) Ilkoll kemm aħna napprezzawh dan ir-rigal tar-rieda ħielsa. Dan għaliex ma rridux li jkollna lil xi ħaddieħor jgħidilna x’għandna naħsbu u nagħmlu mingħajr ma qatt ikollna xi għażla fi kwalunkwe ħaġa.
Madankollu, kellu dan ir-rigal mill-isbaħ tar-rieda ħielsa jintuża mingħajr restrizzjonijiet? Il-Kelma t’Alla twieġeb permezz taʼ l-istruzzjonijiet li ngħataw lill-Kristjani bikrin: “Għixu bħala nies ħielsa, mhux li tinqdew bil-ħelsien tagħkom biex bħallikieku tgħattu l-ħażen, imma bħala qaddejja taʼ Alla.” (1 Pietru 2:16) Għall-ġid taʼ kulħadd, irid ikun hemm limitu. Għaldaqstant, ir-rieda ħielsa kellha tiġi kontrollata bir-regola tal-liġi. Inkella jkun hemm ħafna taħwid.
Il-Liġi taʼ Min?
Il-Liġi taʼ min kellha tiddetermina safejn kien xieraq li tasal il-libertà? It-tweġiba għal din il-mistoqsija għandha x’taqsam mar-raġuni ewlenija għala Alla ppermetta s-sofferenza. Ladarba huwa Alla li ħalaq il-bniedem, hu jaf l-aħjar x’liġijiet għandhom bżonn jobdu l-bnedmin kemm għall-ġid tagħhom u kemm għall-ġid t’oħrajn. Il-Bibbja tpoġġiha hekk: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.”—Isaija 48:17.
B’mod ċar, punt vitali huwa dan: Il-bnedmin ma nħalqux biex ikunu indipendenti minn Alla. Hu għamilhom b’tali mod li s-suċċess u l-ferħ tagħhom ikunu jiddependu minn kemm jobdu l-liġijiet taʼ tjieba tiegħu. Ġeremija, il-profeta t’Alla, qal: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.
Alla għamel lill-bnedmin suġġetti għal-liġijiet fiżiċi tiegħu, bħal ngħidu aħna l-liġi tal-gravità. Bl-istess mod, hu għamel lill-bnedmin suġġetti għal-liġijiet morali tiegħu li huma mfasslin biex jipproduċu soċjetà paċifika. Mela mhux taʼ b’xejn li l-Kelma t’Alla tħeġġeġ: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek.”—Proverbji 3:5.
Għalhekk, mingħajr il-ħakma t’Alla, il-familja umana ma tistaʼ qatt tikkontrolla lilha nfisha b’suċċess. Biex jipprovaw ikunu indipendenti minn Alla, in-nies jivvintaw sistemi soċjali, ekonomiċi, politiċi, u reliġjużi li jmorru kontra xulxin, u “bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.”—Koħèlet 8:9.
X’Mar Ħażin?
Alla ta lill-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, bidu perfett. Huma kellhom ġisem u moħħ perfetti u ġnien ġenna bħala d-dar tagħhom. Li kieku qagħdu għall-ħakma t’Alla, kienu jibqgħu perfetti u ferħanin. Maż-żmien, kienu jkunu l-ġenituri taʼ familja umana, perfetta, u ferħana li tgħix f’art magħmula ġenna. Dan kien l-iskop t’Alla għall-bnedmin.—Ġenesi 1:27-29; 2:15.
Madankollu, l-antenati oriġinali tagħna m’użawhiex tajjeb ir-rieda ħielsa tagħhom. B’mod żbaljat ħasbu li setaʼ jkollhom suċċess jekk jinqatgħu minn Alla. Bir-rieda ħielsa tagħhom għażlu li jaqbżu l-limiti tal-liġijiet tiegħu. (Ġenesi, kapitlu 3) Minħabba li ċaħdu l-ħakma tiegħu, hu ma baqax iktar obbligat li jsostnihom fil-perfezzjoni. ‘Huma mxew ħażin miegħu, ma baqgħux uliedu, id-difett huwa tagħhom.’—Dewteronomju 32:5, Karm Żammit.
Minn meta m’obdewx lil Alla, Adam u Eva bdew jitħassru f’ġisimhom u f’moħħhom. Jehovah hu s-sors tal-ħajja. (Salm 36:10 [36:9, NW]) Għalhekk, billi nqatgħu minn Jehovah, l-ewwel tnejn min-nies saru imperfetti u maż-żmien mietu. (Ġenesi 3:19) Fi qbil mal-liġijiet tal-wirt ġenetiku, it-tfal tagħhom setgħu jirċievu biss dak li kellhom il-ġenituri tagħhom. U x’kien dan? L-imperfezzjoni u l-mewt. Għalhekk l-appostlu Pawlu kiteb: “Kien permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.”—Rumani 5:12.
Il-Kwistjoni Prinċipali—Is-Sovranità
Meta Adam u Eva rribellaw kontra Alla, huma sfidaw is-sovranità tiegħu, jiġifieri, id-dritt li għandu biex jaħkem. Jehovah setaʼ qeridhom u reġaʼ beda b’koppja oħra. B’dan, iżda, ma kienx se jsolvi l-kwistjoni taʼ min kellu d-dritt li jaħkem u liema ħakma kienet sewwa u l-aħjar għan-nies. Billi ngħataw iż-żmien biex jiżviluppaw is-soċjetajiet tagħhom skond l-ideat tagħhom, il-bnedmin setgħu juru mingħajr ebda dubju jekk ħakma indipendenti minn Alla setgħetx qatt tirnexxi.
X’juruna l-eluf taʼ snin li għaddew fl-istorja tal-bniedem? Għal dawn is-sekli kollha, in-nies ipprovaw ħafna tipi taʼ sistemi soċjali, ekonomiċi, politiċi, u reliġjużi. Madankollu, il-ħażen u s-sofferenza baqgħu. Fil-fatt, ‘in-nies il-ħżiena marru mill-ħażin għall-agħar,’ speċjalment fi żmienna.—2 Timotju 3:13.
Is-seklu 20 ra quċċata f’dawk li huma kisbiet xjentifiċi u industrijali. Imma ra wkoll l-agħar sofferenzi li qatt kien hawn fl-istorja tar-razza umana. Barra minn hekk, minkejja l-avvanzi li saru fil-mediċina, il-liġi t’Alla għadha tgħodd: Il-bnedmin separati minn Alla—is-sors tal-ħajja—jimirdu, jixjieħu, u jmutu. Kemm intwera ċar li l-bnedmin ma jistgħux ‘jidderieġu l-passi tagħhom’!
Is-Sovranità t’Alla Stabbilita
Dan l-esperiment traġiku taʼ indipendenza minn Alla wera darba għal dejjem li l-bniedem qatt ma jistaʼ jaħkem b’suċċess jekk ikun indipendenti minn Alla. Il-ħakma t’Alla biss tistaʼ ġġib il-ferħ, l-unità, is-saħħa, u l-ħajja. Iktar minn hekk, il-Kelma infallibbli t’Alla Jehovah, il-Bibbja Mqaddsa, turi li qed ngħixu fl-aħħar jiem li l-bniedem qed jaħkem indipendenti minn Alla. (2 Timotju 3:1-5) Iż-żmien li Jehovah għamel jittollera dan flimkien mal-ħażen u s-sofferenza riesaq lejn tmiemu.
Alla dalwaqt se jintervieni fil-ħakma umana. L-Iskrittura tgħidilna: “Mbagħad, fi żmien dawn is-slaten [il-ħakmiet mill-bniedem li jeżistu bħalissa], Alla tas-sema jqajjem saltna [fis-sema] li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor [il-bnedmin qatt m’huma se jerġgħu jaħkmu d-dinja]. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha [il-ħakmiet preżenti], waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44.
Il-vindikazzjoni tas-sovranità t’Alla Jehovah permezz tas-Saltna tas-sema hija t-tema tal-Bibbja. Ġesù dan għamlu t-tagħlim prinċipali tiegħu. Hu qal: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
Meta l-ħakma minn Alla tieħu post il-ħakma mill-bniedem, min se jsalva u min m’huwiex? Fi Proverbji 2:21, 22 ningħataw din l-assiguranza: “It-tajbin [dawk li jappoġġaw il-ħakma t’Alla] jgħammru fl-art, u n-nies sewwa joqogħdu fiha; imma l-ħżiena [dawk li ma jappoġġawx il-ħakma t’Alla] mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.” Is-salmista, ispirat b’mod divin, kanta: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar . . . Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu. Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:10, 11, 29.
Dinja Ġdida Meraviljuża
Taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla, dawk li jgħaddu mit-tmiem tas-sistema preżenti t’affarijiet se jidħlu f’art imnaddfa mill-ħażen u s-sofferenza. Il-bnedmin se jingħataw istruzzjonijiet minn Alla, u maż-żmien ‘l-art se timtela bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.’ (Isaija 11:9) Dan it-tagħlim li jibni u jsaħħaħ moralment se jagħmel lis-soċjetà umana waħda verament paċifika fejn kulħadd jaqbel maʼ xulxin. Għaldaqstant, mhux se jkun hemm iktar gwerer, qtil, vjolenza, stupru, serq, jew għemejjel faħxin oħrajn.
Il-benefiċċji fiżiċi u meraviljużi se jgelglu bħal xmara għall-bnedmin ubbidjenti li se jkunu jgħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla. Il-konsegwenzi koroh li ġabet magħha r-ribelljoni kontra l-ħakma t’Alla se jitneħħew għalkollox. L-imperfezzjoni, il-mard, ix-xjuħija, u l-mewt se jkunu affarijiet tal-passat. Il-Bibbja taċċertana: “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” Barra minn hekk, l-Iskrittura twiegħed: “Mbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Mbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.” (Isaija 33:24; 35:5, 6) X’gost li tkun mimli saħħa u enerġija kuljum—għal dejjem!
Taħt il-gwida kollha mħabba t’Alla, l-abitanti taʼ din id-dinja l-ġdida se jużaw l-enerġiji u l-abbiltajiet tagħhom biex l-art jagħmluha ġenna globali. Il-faqar u l-ġuħ se jkunu spiċċaw u kulħadd se jkollu fejn joqgħod, għax il-profezija taʼ Isaija tgħid: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor.” (Isaija 65:21, 22) Tabilħaqq, “kull wieħed jinsab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom.”—Mikea 4:4.
L-art se tagħti l-frott għall-ħidma kollha mħabba t’Alla u tal-bnedmin ubbidjenti. L-Iskrittura twegħedna: “Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis. . . . Iva, igelgel l-ilma fid-deżert, u l-widien fix-xagħri.” (Isaija 35:1, 6) “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet taʼ l-għoljiet.”—Salm 72:16.
Xi ngħidu għall-miljuni taʼ nies li mietu? Dawk li huma fil-memorja t’Alla se jerġgħu jieħdu l-ħajja, għax “kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena [“dawk li m’humiex twajbin,” NW] għad iqumu minn bejn l-imwiet.” (Atti 24:15) Iva, il-mejtin se jerġgħu jieħdu l-ħajja. Huma se jiġu mgħallmin il-veritajiet meraviljużi dwar il-ħakma t’Alla u se jingħataw l-opportunità li jgħixu għal dejjem f’Ġenna taʼ l-art.—Ġwann 5:28, 29.
B’dan il-mod, Alla Jehovah se jdawwar lura għalkollox il-kundizzjoni tal-biżaʼ li jassret lill-umanità bis-sofferenza, bil-mard, u bil-mewt għal eluf taʼ snin. Daqshekk mard! Daqshekk diżabilitajiet! Daqshekk mewt! Alla se “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:3, 4.
Alla hekk se jtemmha s-sofferenza. Hu se jeqred din id-dinja korrotta u jagħti bidu għal sistema kompletament ġdida t’affarijiet li fiha “tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) X’aħbar tajba hi din! Din id-dinja l-ġdida għandna bżonnha mill-iktar fis possibbli. U ma rridux nistennew fit-tul biex narawha. Mit-twettiq tal-profeziji tal-Bibbja nafu li d-dinja l-ġdida qegħda fuq l-għatba, u ż-żmien meta Alla mhux se jippermetti iktar is-sofferenza qed joqrob.—Mattew 24:3-14.
[Kaxxa f’paġna 8]
Il-Falliment tal-Ħakma mill-Bniedem
Helmut Schmidt, li għamel żmien jaqdi bħala l-Kanċillier Ġermaniż, qal hekk dwar il-ħakma mill-bniedem: “Aħna l-bnedmin . . . dejjem iggvernajna biss parti mid-dinja, u fil-biċċa l-kbira dan għamilnieh ħażin ħafna. . . . Qatt ma ggvernajnieha b’paċi totali.” Il-Human Development Report 1999 innota: “Il-pajjiżi kollha jirrapportaw li l-istruttura soċjali tagħhom qed titmermer minħabba inkwiet soċjali, żjieda fil-kriminalità, iktar vjolenza fid-djar. . . . It-theddid globali qiegħed dejjem jiżdied b’mod li n-nazzjonijiet m’għadhomx iktar kapaċi jlaħħqu miegħu, u r-reazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux iżommu iktar il-pass tiegħu.”
[Stampi f’paġna 8]
“Bi sliem kotran jitgħaxxqu.” —Salm 37:11
[Stampa f’paġna 5]
It-tielet minn fuq, omm u binha: FAO photo/B. Imevbore; isfel, splużjoni: U.S. National Archives photo