Il-Problema tas-Sofferenza tal-Bniedem
“GĦALA O ALLA GĦALA?” Dan it-titlu miktub b’ittri kbar deher fil-faċċata taʼ quddiem taʼ gazzetta ewlenija wara li terremot qawwi laqat lill-Asja Minuri. Il-gazzetta wriet ukoll ritratt taʼ missier imnikket qed joħroġ lil bintu feruta mit-tifrik tad-dar tagħhom.
Il-gwerer, il-ġuħ, l-epidemiji, u d-diżastri naturali kkaġunaw wied taʼ dmugħ u niket kbir, u ħadu l-ħajja taʼ ħafna nies. Żid maʼ dan is-sofferenza taʼ wħud li jiġu stuprati, jew li jiġu abbużati meta jkunu tfal, inkella li jisfaw vittmi t’għemejjel faħxin oħrajn. Ikkunsidra r-rata għolja taʼ wħud li jweġġgħu jew imutu f’xi aċċident. U l-uġigħ li jħossu miljuni u miljuni taʼ nies minħabba l-mard, ix-xjuħija, u l-mewt tal-maħbubin tagħhom.
Is-seklu 20 ra l-agħar sofferenza li qatt kien hawn. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, bejn l-1914 u l-1918, tilfu ħajjithom madwar għaxar miljun suldat. Barra minn hekk, skond ma jgħidu xi studjużi taʼ l-istorja, din swiet il-ħajja taʼ daqstant nies pajżana. Fit-Tieni Gwerra Dinjija nqatlu mal-50 miljun kumbattent u nies pajżana, inkluż miljuni taʼ nisa, tfal, u rġiel imdaħħlin fiż-żmien li ma setgħux jiddefendu ruħhom. F’dan l-aħħar seklu, miljuni oħrajn sfaw vittmi taʼ ġenoċidji, rivoluzzjonijiet, vjolenza etnika, ġuħ, u faqar. Skond il-Historical Atlas of the Twentieth Century, iktar minn 180 miljun ruħ mietu minħabba din is-“sofferenza tal-massa.”
L-influwenza Spanjola taʼ l-1918/19 ħadet il-ħajja taʼ 20 miljun ruħ. F’dawn l-aħħar għoxrin sena, mietu kważi 19-il miljun bl-AIDS, u xi 35 miljun oħra huma infettati bil-virus. Miljuni taʼ tfal spiċċaw orfni għax il-ġenituri tagħhom mietu bl-AIDS. U numru bla għadd taʼ trabi qegħdin imutu bl-AIDS li ħaduha meta kienu għadhom fil-ġuf.
It-tfal huma mġagħlin isofru b’modi oħrajn. Fi tmiem l-1995, waqt li kkwotat tagħrif maħruġ mill-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal (UNICEF), il-gazzetta Ingliża Manchester Guardian Weekly qalet: “Fil-gwerer li saru f’dawn l-aħħar għaxar snin mietu 2 miljun tifel u tifla, 4-5 miljuni spiċċaw diżabilitati, 12-il miljun sfaw bla dar, iktar minn miljun tħallew orfni jew ġew mifrudin mill-ġenituri tagħhom u 10 miljuni sofrew feriti kbar psikoloġiċi.” Flimkien maʼ dan żid minn 40 sa 50 miljun abort li jsiru mad-dinja kollha kull sena!
Xi Ngħidu għall-Futur?
Ħafna jħarsu lejn il-futur b’ċertu biżaʼ. Grupp taʼ xjenzati qalu: “L-attivitajiet tal-bniedem . . . jistgħu jbiddlu d-dinja b’tali mod u manjiera li l-ħajja kif nafuha aħna ma tibqax iktar possibbli.” Huma komplew: “F’dan il-mument stess, wieħed minn kull ħamsa tant huwa fqir li m’għandux biżżejjed x’jiekol, u wieħed minn kull għaxra jsofri minħabba nuqqas taʼ ikel sustanzjuż.” Ix-xjenzati ħadu vantaġġ mill-okkażjoni biex “iwissu lill-bnedmin kollha dwar dak li hemm jistenniehom fil-futur” u qalu: “Jekk irridu nevitaw li l-miżerja umana tinfirex maʼ kullimkien u d-dar globali tagħna fuq din il-pjaneta ma ġġarrabx ħsara li ma tkunx tistaʼ tissewwa, hemm bżonn taʼ bidla kbira fil-mod kif nieħdu ħsieb l-art u l-ħajja taʼ fuqha.”
Alla għala ppermetta daqstant sofferenza u ħażen? Kif se jirranġaha s-sitwazzjoni? Meta?
[Sors tal-istampi f’paġna 3]
Fuq, siġġu bir-roti: UN/DPI Photo 186410C minn P.S. Sudhakaran; nofs, tfal bil-ġuħ: WHO/OXFAM; isfel, raġel niexef għuda: FAO photo/B. Imevbore