Il-Gwerra Biddlet il-Qoxra
IL-GWERRA minn dejjem kienet brutali. Minn dejjem ħassret il-ħajjiet tas-suldati u minn dejjem ġabet sofferenza lill-pajżani. Imma fi snin reċenti, il-gwerra biddlet il-qoxra. B’liema mod?
Il-gwerer taʼ llum fil-maġġorparti huma gwerer ċivili—gwerer bejn żewġ gruppi taʼ ċittadini kontra xulxin fl-istess pajjiż. U l-gwerer ċivili spiss idumu iktar, iħallu lin-nies fi trawma akbar, u jeqirdu l-pajjiżi iktar minn gwerer miġġildin bejn in-nazzjonijiet. “Il-gwerer ċivili huma krudili, attivitajiet militari mimlijin tixrid taʼ demm li jirriżultaw f’eluf taʼ mwiet, attakki sesswali, tluq taʼ nies minn djarhom u pajjiżhom u, f’każijiet estremi, ġenoċidji,” jgħid Julián Casanova, storjografu Spanjol. Tabilħaqq, meta l-atroċitajiet isiru minn ġirien kontra ġirien, il-feriti jistgħu jdumu sekli sħaħ biex ifiqu.
Mill-aħħar tal-Gwerra Bierda, ftit li xejn ġew miġġildin gwerer bejn armati nazzjonali. “Mill-konflitti kbar bl-armi li ġew reġistrati mill-1990-2000, kollha kienu interni ħlief tlieta,” jirrapporta l-Istitut tar-Riċerka għall-Paċi Internazzjonali fi Stokkolma (SIPRI).
Huwa veru li konflitti interni, jew taʼ ġol-pajjiż, jistgħu jidhru li huma taʼ inqas ħsara u forsi jiġu injorati mill-medja internazzjonali, imma l-uġigħ u l-qerda kaġunati minn dawn il-konflitti xorta waħda huma devastanti. Miljuni taʼ nies mietu f’konflitti interni. Fil-fatt, matul dawn l-aħħar għoxrin sena, kważi ħames miljun ruħ tilfu ħajjithom fi tliet pajjiżi biss li huma mifnijin bil-gwerra—l-Afganistan, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u s-Sudan. Fil-Balkani, il-ġlied etniku qalil sewa l-ħajjiet taʼ kważi 250,000 ruħ, u l-ġlied tal-gwerilli li dam għaddej fil-Kolumbja ħalla 100,000 ruħ mejta.
Il-brutalità tal-gwerer ċivili hija evidenti l-iktar fl-effett li jkollhom fuq it-tfal. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, iktar minn żewġ miljun tifel u tifla tilfu ħajjithom f’konflitti ċivili, skond il-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati. Sitt miljuni oħra ġew feruti. Numru li dejjem jiżdied taʼ tfal ġew imħarrġin bħala suldati. Wieħed tifel suldat jgħid: “Tawni t-taħriġ. Tawni xkubetta. Jien ħadt id-drogi. Jien qtilt lill-pajżani. Qtilt ħafna. Kienet sempliċement gwerra . . . kulma għamilt obdejt l-ordnijiet. Kont naf li kont qed nagħmel ħażin. M’għamiltux għax ridt.”
Ħafna tfal f’pajjiżi fejn il-gwerra ċivili saret komuni qed jikbru mingħajr qatt ma raw il-paċi. Qed jgħixu f’ħajja li fiha l-iskejjel ġew meqrudin u li fiha jitkellmu permezz taʼ l-ixkubetti. Dunja li għandha 14-il sena tgħid: “Ħafna nies ġew maqtulin . . . Issa m’għadikx tismaʼ l-kant taʼ l-għasafar, imma tismaʼ biss il-biki taʼ tfal li jkunu tilfu lil ommhom jew lil missierhom, lil ħuhom jew lil oħthom.”
X’Qed Jikkaġunahom?
Xi jqanqal dawn il-gwerer ċivili tant krudili? Mibegħda etnika u tribwali, differenzi reliġjużi, inġustizzji, u inkwiet politiku huma kollha fatturi sinifikanti. Kaġun bażiku ieħor hu r-regħba—ir-regħba għall-poter u r-regħba għall-flus. Il-mexxejja politiċi, spiss motivati mir-regħba, iqanqlu l-mibegħda li tkebbes il-ġlied. Rapport pubblikat mill-istitut SIPRI jgħid li ħafna minn dawk li jieħdu sehem f’konflitti bl-armi “huma motivati minn gwadann persunali.” Ir-rapport iżid: “Ir-regħba tidher b’ħafna modi, mill-bejgħ tad-djamanti fuq skala kbira mill-militar u mill-mexxejja politiċi għas-serq fl-irħula minn żgħażagħ bl-ixkubetti.”
Minħabba li l-armi qattiela huma rħas u disponibbli dan ikompli jżid mal-qtil tan-nies. Madwar 500,000 ruħ imutu kull sena—l-iktar nisa u tfal—minħabba dawn l-armi li jissejħu l-armi żgħar. F’pajjiż wieħed fl-Afrika, xkubetta AK-47 tistaʼ tinxtara għall-prezz taʼ tiġieġa. B’dispjaċir ngħidu li f’xi postijiet qed ikun hemm xkubetti daqs kemm hemm tiġieġ. Madwar id-dinja, issa hawn madwar 500 miljun arma żgħira—1 għal kull 12-il persuna li hawn.
Se jsiru l-konflitti ċivili kollhom mibegħda xi ħaġa li tispikka fis-seklu 21? Jistgħu l-gwerer ċivili jiġu kontrollati? Eventwalment, in-nies se jieqfu joqtlu? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
[Kaxxa f’paġna 4]
Il-Prezz Traġiku tal-Gwerer Ċivili
Fi gwerer fejn ma tintużax teknoloġija għolja però li xorta huma brutali, 90 fil-mija minn dawk li jkorru huma pajżani minflok dawk li jkunu qed jiġġieldu. “Huwa ċar li dejjem iktar, it-tfal qed ikunu l-mira u mhux dawk li normalment ikorru fil-ġlied bl-armi,” tinnota Graça Machel, l-Esperta tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fuq l-Effett tal-Konflitti bl-Armi fuq it-Tfal.
L-istupru sar tattika militari. F’xi postijiet imħarbtin bil-gwerra, uħud li jqajmu l-irvell tistaʼ tgħid li jistupraw kull tfajla li jsibu fl-irħula li jħarbtu. Il-mira taʼ dawk li jikkommettu l-istupru hi li joħolqu paniku jew li jeqirdu r-rabtiet familjari.
Il-ġuħ u l-mard jinħolqu wkoll b’konsegwenza tal-gwerra. Gwerra ċivili tfisser li ftit ħxejjex se jinżergħu u jinġabru għall-ħsad, ftit jew xejn m’hu se jkun hemm servizzi mediċi, u ftit se tkun dik l-għajnuna internazzjonali li se tasal għand dawk fil-bżonn. Studju wieħed taʼ gwerra ċivili fl-Afrika wera li 20 fil-mija minn dawk li mietu kien minħabba l-mard u 78 fil-mija minħabba l-ġuħ. Tnejn fil-mija biss mietu direttament minħabba l-ġlied.
Bħala medja, kull 22 minuta xi ħadd jitlef saqajh jew dirgħajh jew ħajtu minħabba li jirfes mini li jisplodu. Huwa stmat li hawn minn 60 miljun sa 70 miljun mina mxerrdin f’iktar minn 60 pajjiż.
In-nies huma sforzati jitilqu mid-djar tagħhom. Madwar id-dinja, hawn 50 miljun refuġjat u nies ’il bogħod minn pajjiżhom—nofshom tfal.
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
Ritratt minn Chris Hondros/Getty Images
[Sors tal-Istampa f’paġna 2]
COVER: Boy: Photo by Chris Hondros/Getty Images