Tmiem għall-Gwerra
‘Aħna għandna 12-il sena biss. Ma nistgħux ninfluwenzaw il-politika u l-gwerra, imma rridu ngħixu! Aħna qed nistennew il-paċi. Se jirnexxilna narawha kemm indumu ħajjin?’—Klassi taʼ tfal taʼ l-iskola
‘Aħna rridu mmorru l-iskola u nżuru lill-ħbieb u lill-familja tagħna mingħajr ma nibżgħu li xi ħadd se jaħtafna u jisraqna. Nittama li l-gvern jagħti kas. Irridu ħajja aħjar. Irridu l-paċi.’—Alhaji, 14-il sena
DAN IL-KLIEM li jmisslek qalbek juri ttama sinċiera li għandhom iż-żgħażagħ li ilhom isofru għal snin sħaħ minħabba ġlied ċivili. L-unika xewqa tagħhom hi li jgħixu ħajja normali. Imma li tbiddel it-tama f’realtà m’huwiex faċli. Qatt se naraw dinja mingħajr gwerer?
Fi snin reċenti, kien hemm sforzi internazzjonali biex jintemmu xi gwerer ċivili billi saret pressjoni liż-żewġ naħat taʼ kontra xulxin ħalli jiffirmaw trattat taʼ paċi. Xi pajjiżi pprovdew forzi għaż-żamma tal-paċi sabiex iżommu maʼ dan il-ftehim. Imma ftit huma dawk in-nazzjonijiet li għandhom il-flus jew ix-xewqa li jżommu taħt għajnejhom lil pajjiżi fil-bogħod fejn il-mibegħda u d-dubji li huma miżgħudin bihom faċilment iġibu fix-xejn kwalunkwe ftehim bejn gruppi li jkunu qed jiġġieldu. Spiss, il-ġlied jerġaʼ jiżbroffa ftit ġimgħat jew xhur wara li jkunu ffirmaw trattat biex jieqfu mill-ġlied. Bħalma jinnota l-Istitut taʼ Stokkolma għar-Riċerka tal-Paċi Internazzjonali, “huwa diffiċli li tilħaq il-paċi meta min ikun qed jiġġieled ikun irid u huwa kapaċi jkompli jiġġieled.”
Fl-istess ħin, dawn il-konflitti li ma jistgħux jitranġaw u li jitturmentaw ħafna partijiet tad-dinja jfakkru lill-Kristjani fi profezija tal-Bibbja. Il-ktieb taʼ l-Apokalissi jitkellem dwar perijodu kritiku fl-istorja fejn rikkieb taʼ żiemel simboliku “jeqred il-paċi minn fuq wiċċ l-art.” (Apokalissi 6:4) Din l-istampa taʼ gwerra kontinwa mbassra hija parti minn sinjal magħmul minn ħafna affarijiet li jindika li issa qed ngħixu fi żmien deskritt fil-Bibbja bħala “l-aħħar tad-dinja.”a (2 Timotju 3:1) Madankollu, il-Kelma t’Alla tassigurana li l-aħħar tad-dinja, jew l-aħħar jiem, iwassal għall-paċi.
F’Salm 46:9 l-Bibbja tispjega li sabiex ikun hawn paċi vera hemm bżonn taʼ tmiem għall-gwerra, mhux biss f’post wieħed fid-dinja, imma fid-dinja kollha. Barra minn hekk, l-istess salm isemmi speċifikament il-qerda taʼ l-armi fi żmien Bibliku—il-qaws u l-lanza. L-armi taʼ llum ukoll għandhom jinqerdu sabiex l-umanità tkun tistaʼ tgħix fil-paċi.
Però, fl-aħħar mill-aħħar, huma l-mibegħda u r-regħba u mhux il-balal u l-ixkubetti li jkebbsu l-gwerra. Ix-xenqa, jew ir-regħba hija kaġun fundamentali għall-gwerra, u l-mibegħda spiss twassal għall-vjolenza. Sabiex ineħħu dawn is-sentimenti distruttivi, in-nies għandhom bżonn ibiddlu l-mod taʼ kif jaħsbuha. Iridu jiġu edukati kif jgħixu fil-paċi. B’hekk, il-profeta Isaija tal-qedem jistqarr b’mod realistiku li l-gwerra tieqaf biss meta n-nies ‘ma jitgħallmux il-gwerra iżjed.’—Isaija 2:4.
Madankollu, fil-preżent qed ngħixu f’dinja li tgħallem lill-adulti u lit-tfal il-glorja tal-gwerra u mhux il-valur tal-paċi. B’dispjaċir, anki t-tfal qed jiġu mħarrġin biex joqtlu.
Tgħallmu Joqtlu
Fl-età taʼ 14-il sena, Alhaji rtira mis-servizz militari. Kellu biss għaxar snin meta truppi ribelli qabduh u ħarrġuh biex jiġġieled bi xkubetta AK-47. Wara li ġagħluh isir suldat, hu kien jagħmel attakki għal għarrieda biex jisraq l-ikel u kien jaħraq id-djar. Kien ukoll joqtol u jimmanka lin-nies. Illum, Alhaji jsibha diffiċli biex jinsa l-gwerra u biex jidra jgħix ħajja bħala pajżan. Abraham, tifel ieħor li kien suldat, ukoll tgħallem joqtol u sabha bi tqila biex jagħti lura l-arma tiegħu. Hu qal: “Jekk jgħiduli biex nitlaq mingħajr l-ixkubetta tiegħi, ma nafx x’se nagħmel, kif se nsib x’niekol.”
Iktar minn 300,000 tifel u tifla li huma suldati għadhom qed jiġġieldu u jmutu fil-konflitti ċivili li ma jispiċċawx u li qed jimpestaw il-pjaneta tagħna. Wieħed mexxej tar-ribelli spjega: “Huma jobdu l-ordni; m’humiex interessati biex jirritornaw lejn in-nisa jew il-familja tagħhom; u ma jafux jibżgħu.” Madankollu, dawn it-tfal iridu u jixirqilhom ħajja aħjar.
F’pajjiżi żviluppati, is-sitwazzjoni terribbli taʼ tfal li huma suldati tistaʼ tkun diffiċli biex timmaġinaha. Madankollu, ħafna tfal mill-punent qed jitgħallmu l-gwerra fil-kumdità taʼ djarhom. B’liema mod?
Ejja nieħdu l-eżempju taʼ José min-naħa t’isfel taʼ Spanja. Hu kien żagħżugħ li kien jieħu pjaċir jipprattika l-arti marzjali. L-iktar ħaġa li kellu għal qalbu kienet xabla twila tas-samuraj li missieru kien xtralu għall-Milied. Hu kien iħobb ukoll il-logħob elettroniku, speċjalment dawk vjolenti. Fl-1 t’April, 2000, hu imita r-rabja taʼ l-eroj tiegħu tal-logħob elettroniku. F’saħna vjolenti, hu qatel lil missieru, lil ommu, u lil oħtu bix-xabla li missieru stess kien tah. “Ridt inkun waħdi fid-dinja; ma ridtx il-ġenituri tiegħi jfittxuni,” spjega hu lill-pulizija.
Meta kien qed jikkummenta dwar l-effetti taʼ divertiment vjolenti, Dave Grossman, awtur u uffiċjal militari, innota: “Qed nilħqu dak il-livell fejn m’hemm sentimenti taʼ xejn, fejn li tweġġaʼ u li ġġiegħel lil xi ħadd isofri sar sors taʼ divertiment: esperjenza taʼ ferħ minflok taʼ stmerrija. Qed nitgħallmu noqtlu, u qed nitgħallmu nieħdu gost b’dan.”
Kemm Alhaji u kemm José tgħallmu joqtlu. Ħadd minnhom ma kien bi ħsiebu jsir qattiel, imma t-taħriġ b’mod jew ieħor għawweġ il-ħsieb tagħhom. Dan it-taħriġ—kemm jekk għat-tfal jew għall-adulti—jiżraʼ ż-żerriegħa tal-vjolenza u l-gwerra.
Nitgħallmu l-Paċi Minflok il-Gwerra
Paċi dejjiema qatt ma tistaʼ tiġi stabbilita waqt li n-nies qed jitgħallmu joqtlu. Ħafna sekli ilu l-profeta Isaija kiteb: “Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi [t’Alla], kien ikun bħal xmara sliemek.” (Isaija 48:17, 18) Meta n-nies jiksbu għarfien eżatt dwar il-Kelma t’Alla u jitgħallmu jħobbu l-liġi t’Alla, jibdew jistmerru l-vjolenza u l-gwerra. Anki issa, il-ġenituri jistgħu joqogħdu attenti li l-logħob li jilagħbu wliedhom ma jinkuraġġixxix il-vjolenza. L-adulti wkoll jistgħu jegħlbu l-mibegħda u r-regħba. Ix-Xhieda taʼ Jehovah darba wara l-oħra raw li l-Kelma t’Alla għandha l-qawwa li tbiddel il-personalitajiet.—Lhud 4:12.
Ikkunsidra l-eżempju taʼ Hortêncio. Hu kien raġel żagħżugħ meta ddaħħal bħala suldat kontra r-rieda tiegħu. It-taħriġ militari ġie disinjat biex “inaqqax ġo fina x-xewqa li noqtlu lil ħaddieħor u biex ma nibżgħux milli noqtlu,” jispjega hu. Hu ġġieled fi gwerra ċivili fl-Afrika li damet tkarkar ħafna. “Il-gwerra effettwat il-personalità tiegħi,” jammetti hu. “Anki llum għadni niftakar kulma għamilt. Inħossni ħażin ħafna dwar dak li ġejt imġiegħel biex nagħmel.”
Meta suldat ieħor tkellem maʼ Hortêncio dwar il-Bibbja, din messitlu qalbu. Il-wegħda t’Alla f’Salm 46:9 li jġib tmiem għal kull tip taʼ gwerra impressjonatu. Iktar ma studja l-Bibbja, inqas ried jiġġieled. Wara ftit taż-żmien, hu u tnejn minn sħabu ġew imkeċċijin mill-armata u ddedikaw ħajjithom lil Alla Jehovah. “Il-verità tal-Bibbja għenitni nħobb lill-għedewwa tiegħi,” jispjega Hortêncio. “Jien rajt li billi niġġieled fil-gwerra, kont qed nidneb kontra Jehovah, għax Alla jgħid li m’għandniex noqtlu lill-ġirien tagħna. Biex nuri din l-imħabba, kelli nbiddel il-mod taʼ kif naħseb u ma nqisx lin-nies bħala l-għedewwa tiegħi.”
Esperjenzi veri bħal dawn juru li l-edukazzjoni mill-Bibbja tassew tippromwovi l-paċi. Dan m’huwiex xi ħaġa taʼ stagħġib. Il-profeta Isaija stqarr li hemm relazzjoni diretta bejn l-edukazzjoni divina u l-paċi. Hu bassar: ‘Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej, kbira għad tkun [“il-paċi taʼ,” NW] uliedek.’ (Isaija 54:13, korsiv tagħna.) L-istess profeta ra bil-quddiem perijodu meta nies minn kull ġens se jersqu lejn il-qima vera t’Alla Jehovah biex jitgħallmu l-mogħdijiet tiegħu. B’liema riżultat? “Huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.”—Korsiv tagħna; Isaija 2:2-4.
Fi qbil maʼ din il-profezija, ix-Xhieda taʼ Jehovah jieħdu sehem f’xogħol edukattiv madwar id-dinja li diġà għen lil miljuni biex jegħlbu l-mibegħda li hi l-għerq tal-gwerer tal-bnedmin.
Garanzija għal Paċi Dinjija
Minbarra li jipprovdi edukazzjoni, Alla stabbilixxa gvern, jew “saltna,” li hu kapaċi jżomm il-paċi dinjija. B’mod sinifikanti, il-Bibbja tiddeskrivi l-Mexxej magħżul t’Alla, Ġesù Kristu, bħala l-“Prinċep tas-sliem.” Din tkompli tassigurana li “kbira tkun setgħetu, u s-sliem bla qjies.”—Isaija 9:5, 6 (9:6, 7, NW).
X’garanzija għandna li l-ħakma taʼ Ġesù se telimina b’suċċess kull tip taʼ gwerra? Il-profeta Isaija jkompli: “Il-ħeġġa tal-Mulej taʼ l-eżerċti tagħmel dan.” (Isaija 9:6 [9:7, NW]) Alla għandu r-rieda u l-mezzi biex iżomm paċi dejjiema. Ġesù għandu kull fiduċja f’din il-wegħda. Minħabba f’hekk hu għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu sabiex tiġi s-Saltna t’Alla u biex titwettaq ir-rieda t’Alla hawn fuq l-art. (Mattew 6:9, 10) Meta din it-talba sinċiera titwettaq, il-gwerra qatt iktar ma se tidher fuq wiċċ l-art.
[Nota taʼ taħt]
a Għal spjegazzjoni taʼ l-evidenza li aħna qed ngħixu fl-aħħar jiem, ara kapitlu 11 tal-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Stampa f’paġna 7]
L-edukazzjoni mill-Bibbja tippromwovi l-paċi vera