Dalwaqt—Dinja Mingħajr Gwerer!
FL-24 TAʼ DIĊEMBRU, 1914, suldat żagħżugħ Britanniku li jismu Jim Prince qasam għan-naħa l-oħra billi għadda minn post newtrali sabiex ikellem lil suldat Ġermaniż taʼ l-infanterija. “Jiena Sassonu u int Anglo-Sassonu. Għala qegħdin niġġieldu?” staqsieh il-Ġermaniż. Snin wara, Prince ammetta: “Għadni ma nafx it-tweġiba għal dik il-mistoqsija.”
Għal ġimgħa waħda straordinarja fl-1914, is-suldati taʼ l-armati Britanniċi u Ġermaniżi kienu qishom aħwa, lagħbu l-futbol, u saħansitra taw rigali tal-Milied lil xulxin. Dak il-ftehim taʼ waqfien mill-ġlied kien, naturalment, wieħed mhux uffiċċjali. Il-ġenerali ma ridux li t-truppi tagħhom jiskopru li l-“għadu” ma kienx il-monstru feroċi impinġi mill-propaganda tal-gwerra. Is-suldat Britanniku Albert Moren iktar tard ftakar: “Li kieku l-waqfien mill-ġlied dam sejjer għal ġimgħa oħra, kieku kien ikun iebes ferm biex il-gwerra terġaʼ tibda.”
Dak il-waqfien mill-ġlied spontanju jissuġġerixxi li saħansitra ħafna mis-suldati imħarrġin għall-gwerra jixxennqu għall-paċi iktar milli għall-gwerra. Il-biċċa l-kbira tas-suldati li raw b’għajnejhom l-affarijiet orribbli tal-battalja jaqblu mal-qawl Spanjol: “Ħalli jmur għall-gwerra dak li ma jafx il-gwerra x’inhi.” Bla dubju stħarriġ mad-dinja kollha fost il-poplu inġenerali jirrivela li l-maġġoranza l-kbira tippreferi l-paċi milli l-gwerra. Imma kif tistaʼ din ix-xewqa universali għall-paċi tiġi tradotta għal ġo dinja bla gwerra?
Qabel ma l-gwerra tistaʼ titneħħa għalkollox, l-attitudnijiet iridu jinbiddlu. Il-kostituzzjoni taʼ l-Organizzazzjoni Edukazzjonali, Xjentifika, u Kulturali tal-ĠM tistqarr: “Ladarba l-gwerer jibdew fl-imħuħ tal-bnedmin, huwa fl-imħuħ tal-bnedmin li d-difiża tal-paċi trid tiġi kostruwita.” Madankollu s-soċjetà tal-lum, li fiha qegħdin jiżdiedu n-nuqqas taʼ fiduċja u l-mibgħeda, qiegħda ssir iktar vjolenti, mhux iktar paċifika.
Minkejja dan, Alla nnifsu wiegħed li xi darba l-paċi se tkun impressa fuq l-imħuħ taʼ nies li huma disposti b’mod taʼ tjieba. Permezz tal-profeta Isaija, hu qal: “Hu [Alla] ċertament li se jagħmel ħaqq fost il-ġnus u se jiddritta l-affarijiet rigward ħafna popli. U huma se jkollhom jaħdmu sjufhom f’sikek tal-moħriet u l-lanez tagħhom f’imqassijiet taż-żabra. Ġens mhux se jerfaʼ sejf kontra ġens, lanqas ma se jitgħallmu l-gwerra iktar.”—Isaija 2:4.
Il-Paċi Promossa Fil-Moħħ
Tistaʼ bidla taʼ l-għaġeb bħal din fil-mod taʼ ħsieb isseħħ? Qatt xi darba n-nies se jitgħallmu jissalvagwardjaw il-paċi minflok ma jigglorifikaw il-gwerra? Ikkunsidra l-eżempju taʼ Wolfgang Kusserow. Fl-1942 in-Nażi qatgħu ras dan iż-żagħżugħ Ġermaniż taʼ 20 sena għaliex ‘ma riedx jitgħallem il-gwerra.’ Għala għażel li jmut? Fi stqarrija miktuba, hu kkwota prinċipji Skritturali bħal, “Trid tħobb lil ġarek bħalek innifsek” u, “Dawk kollha li jieħdu s-sejf se jgħibu bis-sejf.” (Mattew 22:39; 26:52) Hu mbagħad b’mod speċifiku staqsa: “Jaqaw il-Ħallieq tagħna kiteb dan kollu għas-siġar?”
Il-kelma t’Alla, miktuba fil-Bibbja, “teżerċita qawwa” u qanqlet lil dan ix-Xhud żagħżugħ taʼ Jehovah biex jiġri wara l-paċi, kienu x’kienu l-konsegwenzi. (Ebrej 4:12; 1 Pietru 3:11) Imma Wolfgang Kusserow ma kienx l-uniku wieħed li ġera wara l-paċi b’dan il-mod. Fil-ktieb The Nazi Persecution of the Churches 1933-45, J. S. Conway jikkwota mill-arkivji tan-Nażi li jixhdu li x-Xhieda taʼ Jehovah bħala grupp irrifjutaw li jaqbdu l-armi. Kif jindika Conway, waqfa kuraġġuża bħal din kienet bħal li kieku qegħdin jiffirmaw il-kundanna tal-mewt tagħhom stess.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah illum ikomplu jiġru wara l-paċi, hi x’inhi r-razza jew in-nazzjonalità tagħhom. Għala? Għaliex huma tgħallmu mill-Bibbja li l-qaddejja veri t’Alla jridu jaħdmu sjufhom f’sikek tal-moħriet. Alejandro, żagħżugħ mill-Arġentina li kien emigra lejn l-Iżrael fl-1987, jistaʼ jixhed personalment għal dan il-fatt.
Għal tliet snin Alejandro għex f’kibbutz waqt li kien qiegħed jistudja f’università u jaħdem f’diversi lukandi u restoranti. Matul dan iż-żmien, hu beda jaqra l-Bibbja u beda jfittex għal skop fil-ħajja. Fuq kollox, hu xxennaq għal dinja fejn in-nies jistgħu jgħixu fil-paċi u l-ġustizzja. Alejandro—Lhudi—kien jaħdem maʼ Lhud u maʼ Għarab imma pprefera li ma jiffavorixxi lill-ebda naħa.
Fl-1990 ħabib li kien qiegħed jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah stieden lil Alejandro għal assemblea taʼ ġurnata waħda f’Ħajfa. Billi baqaʼ mistagħġeb li jara 600 Lhudi u Għarbi jassoċjaw henjin flimkien fl-assemblea, hu qal bejnu u bejn ruħu, ‘Dan hu l-mod xieraq kif għandhom igħixu n-nies.’ Fi żmien sitt xhur, hu nnifsu sar Xhud u issa jiddedika l-biċċa l-kbira tal-ħin tiegħu f’li jippriedka l-messaġġ taʼ paċi tal-Bibbja.
Kif Alla Se Jġib Il-Paċi
Huma kemm huma kommoventi dawn l-eżempji, huma biss l-eċċezzjoni fid-dinja tal-lum. Għalkemm is-sistema preżenti bil-kliem tgħid li trid il-paċi, hi tinkuraġġixxi l-gwerra. Kieku int tieħu gost li toqgħod fi triq fejn ir-residenti jonfqu bejn 7 u 16 fil-mija tal-paga tagħhom fuq armi tan-nar u protezzjoni għad-djar tagħhom? Fil-fatt, dak hu li ilhom jagħmlu l-ġnus permezz taʼ l-infiq militari fi snin riċenti. Mhux taʼ b’xejn li l-profezija taʼ Isaija tirrivela li l-bnedmin inġenerali qatt ma se jaħdmu sjufhom f’sikek tal-moħriet sakemm Alla “jiddritta l-affarijiet rigward ħafna popli.” Kif se jagħmlu hu dan?
Il-mezz prinċipali li bih jiġu ddrittati l-affarijiet huwa s-Saltna t’Alla Jehovah. Il-profeta Danjel bassar li ‘dak Alla tas-sema kellu jwaqqaf saltna li qatt ma kellha tinġieb f’rovina.’ Din is-Saltna, hu jżid, “se tfarrak u ġġib fi tmiem lil dawn is-saltniet kollha [gvernijiet tad-dinja], u hija nfisha se tieqaf għal żminijiet indefiniti.” (Danjel 2:44) Dawn il-kelmiet jirrivelaw li s-Saltna t’Alla se tistabbilixxi fis-sod il-kontroll tagħha fuq l-art kollha. Billi telimina l-fruntieri nazzjonali, is-Saltna se ġġib fix-xejn ir-rivalità. Barra minn hekk, ladarba s-sudditi tagħha se jkunu “persuni mgħallmin minn Jehovah,” il-paċi tagħhom “se tkun abbundanti.” (Isaija 54:13) Mhux taʼ b’xejn li Ġesù qalilna biex nitolbu lil Alla: “Ħa tiġi saltnatek”!—Mattew 6:10.
Jitneħħew Ostakli Reliġjużi
Alla se jneħħi wkoll l-ostakli reliġjużi għall-paċi. Ir-reliġjon kienet wara l-itwal konflitt bl-armi fl-istorja—il-Kruċjati, jew il-“Gwerer Qaddisin,” li nbdew minn Papa Urbanu II fl-1095 E.K.a Fis-seklu tagħna l-membri tal-kleru kienu prominenti f’li jtambru għall-appoġġ tal-poplu għall-gwerer, saħansitra dawk taʼ natura totalment sekulari.
Billi rrefera għall-irwol tal-knejjes Kristjani nominali matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-kittieb taʼ l-istorja Paul Johnson kiteb: “Il-membri tal-kleru ma kinux kapaċi, u ħafna drabi ma ridux, ipoġġu l-fidi Kristjana qabel in-nazzjonalità. Il-maġġoranza għażlu l-eħfef triq u ħalltu l-Kristjanità mal-patrijottiżmu. Is-suldati Kristjani tad-denominazzjonijiet kollha ġew imħeġġin biex joqtlu lil xulxin f’isem is-Salvatur tagħhom.”
Ir-reliġjon għamlet iktar biex tkebbes il-gwerra milli biex trawwem il-paċi. Fil-fatt, il-Bibbja tpinġi lir-reliġjon falza bħala “mara żienja” li titkessaħ mal-ħakkiema dinjin. (Rivelazzjoni 17:1, 2) Alla jikxifha bħala li hi l-perċimes prinċipali responsabbli għat-tixrid tad-demm taʼ dawk kollha mbiċċrin fuq l-art. (Rivelazzjoni 18:24) Għaldaqstant, Alla Jehovah se jelimina dan l-ostaklu għall-paċi darba għal dejjem.—Rivelazzjoni 18:4, 5, 8.
Saħansitra meta jisparixxu l-elementi li jifirdu bħalma huma l-politika u r-reliġjon falza, il-paċi qatt ma se tkun assigurata mingħajr it-tneħħija taʼ l-akbar difensur tal-gwerra li qatt eżista—Satana x-Xitan. Dik hi l-aħħar biċċa xogħol li s-Saltna t’Alla se twettaq fil-programm tagħha biex iġġib paċi totali fuq l-art. Il-ktieb Bibliku taʼ Rivelazzjoni jispjega li Satana se jiġi ‘maħtuf’ u ‘marbut’ u ‘mixħut . . . ġewwa l-abbiss’ sabiex “ma jkunx jistaʼ jiżżvija iktar lill-ġnus.” Wara dan hu se jiġi meqrud kompletament.—Rivelazzjoni 20:2, 3, 10.
Il-wegħda tal-Bibbja tat-tmiem tal-gwerra m’hijiex xi ħolma fiergħa. L-arranġament t’Alla Jehovah għall-paċi diġà ġie istitwit. Is-Saltna ġiet stabbilita fis-smewwiet u hija lesta biex twettaq iktar miżuri ħalli tiggarantixxi l-paċi globali. Sadattant, miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah, li jappoġġjaw lil dan il-gvern tas-sema, tgħallmu jgħixu fil-paċi.
B’mod ċar, allura, għandna raġunijiet sodi biex nemmnu li l-gwerer m’humiex inevitabbli. Anzi, nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-jum li huwa qrib meta Jehovah se jġiegħel lill-gwerer jieqfu għal dejjem. (Salm 46:9) Hu se jara li dalwaqt se jkun hemm dinja mingħajr gwerer.
[Nota taʼ taħt]
a Xi drabi l-istess mexxejja reliġjużi saru gwerriera. Fil-Battalja taʼ Hastings (1066), l-isqof Kattoliku Odo ġġustifika l-indħil attiv tiegħu billi kien juża mazza minflok xabla. Hu sostna li jekk ma jiġi mxerred ebda demm, raġel t’Alla setaʼ joqtol b’mod leġittimu. Ħames sekli wara, il-Kardinal Ximenes mexxa personalment l-invażjoni Spanjola fuq l-Afrika taʼ Fuq.
[Stampa f’paġna 7]
Int tistaʼ tgħix f’dinja mingħajr gwerer