LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 2/1 pp. 8-13
  • Jehovah Jaħkem—Permezz tat-Teokrazija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jaħkem—Permezz tat-Teokrazija
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Teokrazija Tiġi Mwielda
  • Awtorità Taħt It-​Teokrazija
  • Azzjonijiet U Attitudnijiet Mhux Teokratiċi
  • It-​Tmiem Taʼ Teokrazija
  • Teokrazija Ġdida
  • Żomm Qrib it-Teokrazija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ragħajja u Ngħaġ f’Teokrazija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Nirgħu mal-Ħallieq Grandjuż Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Iż-Żjieda tat-Teokrazija
    Għannu Tifħir lil Jehovah
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 2/1 pp. 8-13

Jehovah Jaħkem—Permezz tat-​Teokrazija

“Jehovah se jkun sultan għal żmien indefinit.”—SALM 146:10.

1, 2. (a) L-​isforzi tal-​bniedem f’li jaħkem għala fallew? (b) Liema kienet l-​unika forma taʼ gvern verament taʼ suċċess?

MINN żmien Nimrod, il-​bnedmin ippruvaw modi differenti biex jiggvernaw lis-​soċjetà umana. Kien hemm dittatorjati, monarkiji, oligarkiji, u diversi forom taʼ demokrazija. Jehovah ippermettiehom ilkoll. Tabilħaqq, ladarba Alla hu s-​Sors aħħari taʼ kull awtorità, f’ċertu sens hu poġġa l-​ħakkiema differenti fil-​pożizzjonijiet relattivi tagħhom. (Rumani 13:1) Madankollu, l-​isforzi kollha tal-​bniedem f’li jiggverna fallew. L-​ebda ħakkiem uman ma pproduċa soċjetà dejjiema, stabbli, u ġusta. Taʼ spiss, “bniedem iddomina lil bniedem bi ħsara għalih.”—Ekkleżjasti 8:9.

2 Għandu dan jissorprendina? Daż-żgur li le! Il-​bniedem imperfett ma kienx magħmul biex jaħkem lilu nnifsu. “Għall-​bniedem taʼ l-​art il-​mogħdija tiegħu ma tappartjenix lilu. Ma jappartjenix lill-​bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-​pass tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Kien għalhekk li matul l-​istorja umana kollha, forma waħda biss taʼ gvern kienet verament taʼ suċċess. Liema waħda? It-​teokrazija taħt Alla Jehovah. Bil-​Grieg Bibliku, “teokrazija” tfisser ħakma [kraʹtos] minn Alla [the·osʹ]. Liema gvern aħjar setaʼ jkun hemm minn dak taʼ Alla Jehovah innifsu?—Salm 146:10.

3. Liema kienu xi eżempji bikrin taʼ teokrazija li eżistew fuq l-​art?

3 It-​teokrazija ħakmet għal żmien qasir f’Għeden, sakemm Adam u Eva rribellaw kontra Jehovah. (Ġenesi 3:1-6, 23) Fi żmien Abraham, teokrazija milli jidher kienet teżisti fil-​belt taʼ Salem, b’Melkisedek bħala sultan u qassis. (Ġenesi 14:18-20; Ebrej 7:1-3) Madankollu, l-​ewwel teokrazija nazzjonali taħt Alla Jehovah ġiet stabbilita fix-​xagħri taʼ Sinaj fis-​seklu 16 Q.E.K. Dak kif seħħ? U kif kien jaħdem dak il-​gvern teokratiku?

Teokrazija Tiġi Mwielda

4. Jehovah kif waqqaf il-​ġens teokratiku taʼ Iżrael?

4 Fis-​sena 1513 Q.E.K., Jehovah salva lill-​Iżraeliti mill-​jasar fl-​Eġittu u qered fil-​Baħar l-​Aħmar lill-​armati taʼ Farawni li kienu qegħdin jiġru warajhom. Imbagħad Hu mexxa lill-​Iżraeliti lejn il-​Muntanja Sinaj. Meta kienu kkampjati ħdejn il-​muntanja, Alla qalilhom permezz taʼ Mosè: “Intom infuskom rajtu x’għamiltilhom jien lill-​Eġizzjani, biex inkun nistaʼ nġorrkom fuq ġwinħajn taʼ ajkli u nġibkom lejja nnifsi. U issa jekk strettament se tobdu leħni u tabilħaqq se żżommu l-​patt tiegħi, imbagħad ċertament li se ssiru l-​propjetà speċjali tiegħi minn fost il-​popli l-​oħra kollha.” L-​Iżraeliti wieġbu: “Dak kollu li Jehovah qal aħna lesti li nagħmluh.” (Eżodu 19:4, 5, 8) Patt kien sar, u l-​ġens teokratiku taʼ Iżrael twieled.​—Dewteronomju 26:18, 19.

5. Kif setaʼ jintqal li Jehovah kien jaħkem f’Iżrael?

5 B’liema mod, iżda, kien Iżrael maħkum minn Jehovah, li hu inviżibbli għall-​għajnejn umani? (Eżodu 33:20) Għall-​fatt li l-​liġijiet u s-​saċerdozju tal-​ġens ingħataw minn Jehovah. Dawk li obdew il-​liġijiet u qiemu skond l-​arranġamenti ordnati b’mod divin qdew lit-​Teokrat il-​Kbir, Jehovah. Jerġaʼ, il-​qassis il-​kbir kellu l-​Urim u t-​Tummim, li bihom Alla Jehovah ta gwida fi żminijiet taʼ emerġenza. (Eżodu 28:29, 30) Iktar minn hekk, irġiel ixjeħ ikkwalifikati kienu r-​rappreżentanti taʼ Jehovah fit-​teokrazija u ħadu ħsieb li tiġi applikata l-​Liġi t’Alla. Jekk nikkunsidraw ir-​rekord taʼ xi ftit minn dawn l-​irġiel, se nifhmu aħjar kif il-​bnedmin għandhom jissottomettu ruħhom għall-​ħakma t’Alla.

Awtorità Taħt It-​Teokrazija

6. Għala kien jirrikjedi sforz u determinazzjoni għall-​bnedmin biex iżommu awtorità f’teokrazija, u liema xorta taʼ rġiel kienu meħtiġin għal din ir-​responsabbiltà?

6 Dawk f’pożizzjonijiet taʼ awtorità f’Iżrael kellhom privileġġ kbir, imma kien jirrikjedi sforz u determinazzjoni biex huma jżommu l-​bilanċ. Riedu joqogħdu attenti li l-​kburija tagħhom infushom qatt ma ssir iżjed importanti mit-​taqdis taʼ l-​isem taʼ Jehovah. L-​istqarrija mnebbħa li “ma jappartjenix lill-​bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-​pass tiegħu” kienet tapplika għall-​Iżraeliti bl-​istess mod bħalma tapplika għall-​bqija taʼ l-​umanità. Iżrael iffjorixxiet biss dment li l-​irġiel ixjeħ ftakru li Iżrael kienet teokrazija u li huma għandhom jagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah, mhux dik tagħhom stess. Ftit wara t-​tisjis taʼ Iżrael, ħaten Mosè, Ġetro, iddeskriva tajjeb liema xorta taʼ rġiel kellhom ikunu, jiġifieri, “[i]rġiel kapaċi, li jibżgħu minn Alla, irġiel li tistaʼ tafdahom, li jobogħdu l-​qligħ inġust.”—Eżodu 18:21.

7. Mosè b’liema modi kien eżempju mill-​aħjar taʼ wieħed li żamm awtorità taħt Alla Jehovah?

7 L-​ewwel wieħed li eżerċita awtorità għolja f’Iżrael kien Mosè. Hu kien eżempju mill-​aħjar taʼ persuna bl-​awtorità fl-​arranġament teokratiku. Veru, f’okkażjoni waħda d-​djufija umana ġiet irrivelata. Madankollu, Mosè dejjem straħ fuq Jehovah. Meta qamu xi mistoqsijiet li ma kinux ġew diġà spjegati, hu fittex il-​gwida taʼ Jehovah. (Qabbel Numri 15:32-36.) Mosè kif irreżista t-​tentazzjoni li juża l-​pożizzjoni għolja tiegħu għall-​glorja tiegħu nnifsu? Sewwa, għalkemm hu mexxa ġens taʼ miljuni taʼ nies, hu kien “bil-​wisq l-​iktar wieħed ġwejjed mill-​irġiel kollha li kienu fuq wiċċ l-​art.” (Numri 12:3) Hu ma kellu ebda ambizzjoni persunali imma kien ikkonċernat dwar il-​glorja t’Alla. (Eżodu 32:7-14) U Mosè kellu fidi qawwija. Meta tkellem dwaru qabel ma sar mexxej nazzjonali, l-​appostlu Pawlu qal: “Hu baqaʼ sod bħal li kieku qiegħed jara lil Dak li hu inviżibbli.” (Ebrej 11:27) B’mod ċar, Mosè qatt ma nesa li Jehovah kien il-​veru Ħakkiem tal-​ġens. (Salm 90:1, 2) X’eżempju mill-​aħjar għalina llum!

8. Jehovah liema kmand ta lil Ġożwè, u għala dan kien notevoli?

8 Meta l-​indokrar taʼ Iżrael kien sar taʼ piż għal Mosè waħdu, Jehovah poġġa l-​ispirtu tiegħu fuq 70 raġel ixjeħ li kellhom jagħtuh appoġġ fl-​iġġudikar tal-​ġens. (Numri 11:16-25) Fis-​snin taʼ wara kull belt kien se jkollha l-​irġiel ixjeħ tagħha. (Qabbel Dewteronomju 19:12; 22:15-18; 25:7-9.) Wara li miet Mosè, Jehovah għamel lil Ġożwè mexxej tal-​ġens. Nistgħu nimmaġinaw li b’dan il-​privileġġ, Ġożwè kellu ħafna x’jagħmel. Xorta waħda, Jehovah qallu li kien hemm ħaġa waħda li qatt ma kellu jħalli barra: “Dan il-​ktieb tal-​liġi m’għandux jitbiegħed minn fommok, u int trid minn taħt l-​ilsien taqra fih lejl u nhar, sabiex tkun tistaʼ tieħu ħsieb li tagħmel skond dak kollu li hemm miktub fih.” (Ġożwè 1:8) Innota li għalkemm Ġożwè kien qeda għal iktar minn 40 sena, hu kellu bżonn jibqaʼ jaqra l-​Liġi. Aħna wkoll għandna bżonn nistudjaw il-​Bibbja u niffriskaw l-​imħuħ tagħna rigward il-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Jehovah​—minkejja kemm ilna naqdu jew kemm privileġġi għandna.—Salm 119:111, 112.

9. X’ġara f’Iżrael matul iż-​żmien taʼ l-​imħallfin?

9 Ġożwè kien segwit minn serje taʼ mħallfin. B’sogħba, matul żmienhom l-​Iżraeliti taʼ spiss “intefgħu jagħmlu dak li kien ħażin f’għajnejn Jehovah.” (Mħallfin 2:11) Rigward il-​perijodu taʼ l-​imħallfin, il-​kitba tgħid: “Dak iż-​żmien ma kien hemm ebda sultan f’Iżrael. Dak li kien sewwa f’għajnejh stess kien dak li kull wieħed kien imdorri jagħmel.” (Mħallfin 21:25) Kulħadd kien jieħu d-​deċiżjonijiet għalih innifsu dwar kondotta u qima, u l-​istorja turi li ħafna Iżraeliti ħadu deċiżjonijiet ħżiena. Huma żvijaw għall-​qima taʼ l-​idoli u xi drabi kkommettew atti kriminali orribbli. (Mħallfin 19:25-30) Xi wħud, iżda, urew fidi eżemplari.—Ebrej 11:32-38.

10. Il-​gvern f’Iżrael kif tbiddel radikalment matul iż-​żmien taʼ Samwel, u x’wassal għal dan?

10 Matul il-​ħajja taʼ l-​aħħar imħallef, Samwel, Iżrael għaddiet minn kriżi f’dak li hu gvern. Influwenzati mill-​ġnus għedewwa taʼ madwarhom, li kollha kienu maħkumin minn slaten, l-​Iżraeliti rraġunaw li huma wkoll kellhom bżonn sultan. Huma nsew li diġà kellhom Sultan, li l-​gvern tagħhom kien teokrazija. Jehovah qal lil Samwel: “Mhux lilek ċaħdu, imma huwa lili li ċaħdu milli nkun sultan fuqhom.” (1 Samwel 8:7) L-​eżempju tagħhom ifakkarna kemm hu faċli li nitilfu l-​ħarsa spiritwali tagħna u niġu influwenzati mid-​dinja taʼ madwarna.—Qabbel 1 Korintin 2:14-16.

11. (a) Minkejja l-​bidla fil-​gvern, kif jistaʼ jingħad li Iżrael issoktat tkun teokrazija taħt is-​slaten? (b) Jehovah liema kmand ta lis-​slaten taʼ Iżrael, u b’liema skop?

11 Minkejja dan, Jehovah ċeda għax-​xewqa taʼ l-​Iżraeliti u għażel lill-​ewwel żewġ slaten tagħhom, Sawl u David. Iżrael issoktat tkun teokrazija, maħkuma minn Jehovah. Sabiex is-​slaten tagħha jiftakru dan, kull wieħed minnhom kien obbligat li jagħmel il-​kopja tiegħu stess tal-​Liġi u jaqraha kuljum, “sabiex jistaʼ jitgħallem jibżaʼ minn Jehovah Alla tiegħu biex iżomm il-​kliem kollu taʼ din il-​liġi u dawn ir-​regolamenti billi jagħmilhom; biex qalbu tistaʼ ma teżaltax lilha nfisha ’l fuq minn ħutu.” (Dewteronomju 17:19, 20) Iva, Jehovah xtaq li dawk bl-​awtorità fit-​teokrazija tiegħu ma jeżaltawx lilhom infushom u li l-​azzjonijiet tagħhom jirriflettu l-​Liġi tiegħu.

12. Is-​Sultan David liema korsa taʼ fedeltà għamel?

12 Is-​Sultan David kellu fidi li tispikka f’Jehovah, u Alla għamel patt li hu kellu jkun missier taʼ linja taʼ slaten li kellha tibqaʼ għal dejjem. (2 Samwel 7:16; 1 Slaten 9:5; Salm 89:29) Is-​sottomissjoni umli taʼ David lejn Jehovah kien jixirqilha li tiġi imitata. Hu qal: “O Jehovah, bis-​saħħa tiegħek is-​sultan jifraħ; u bis-​salvazzjoni tiegħek kemm irid li jkun mimli ferħ ferm!” (Salm 21:1) Għalkemm David xi drabi naqas minħabba djufija tal-​laħam, bħala regola hu straħ fuq is-​saħħa taʼ Jehovah, mhux fuq dik tiegħu stess.

Azzjonijiet U Attitudnijiet Mhux Teokratiċi

13, 14. Liema kienu xi ftit mill-​azzjonijiet mhux teokratiċi meħudin mis-​suċċessuri taʼ David?

13 Mhux il-​mexxejja Iżraeliti kollha kienu bħal Mosè u David. Ħafna minnhom urew nuqqas taʼ rispett kbir lejn l-​arranġament teokratiku, billi ħallew qima falza f’Iżrael. Saħansitra xi wħud mill-​mexxejja leali aġixxew b’mod mhux teokratiku xi drabi. Traġiku ħafna kien il-​każ taʼ Salamun, li ngħatawlu għerf kbir u prosperità. (1 Slaten 4:25, 29) Madankollu, billi injora l-​liġi taʼ Jehovah, hu żżewweġ ħafna nisa u ppermetta l-​qima taʼ l-​idoli f’Iżrael. B’mod evidenti, il-​ħakma taʼ Salamun kienet oppressiva fl-​aħħar snin taʼ ħajtu.—Dewteronomju 17:14-17; 1 Slaten 11:1-8; 12:4.

14 Bin Salamun Reħoboam iffaċċja rikjesta li hu jħaffef it-​tagħbija tas-​sudditi tiegħu. Minflok ma ttratta bil-​kalma s-​sitwazzjoni, hu bi ġlied inforza l-​awtorità tiegħu​—u tilef 10 mit-​12-il tribù. (2 Kronaki 10:4-17) L-​ewwel sultan tas-​saltna taʼ 10 tribujiet li nqatgħet għaliha kien Ġeroboam. Fi sforz biex jiżżgura li s-​saltna tiegħu ma terġax tingħaqad mal-​ġens l-​ieħor li nfirdet minnu, hu stabbilixxa l-​qima taʼ l-​għoġol. Dan forsi deher li kien pass għaqli politikament, imma b’hekk ġiet injorata b’mod sfaċċat it-​teokrazija. (1 Slaten 12:26-30) Iktar tard, fit-​tmiem taʼ ħajja twila taʼ servizz leali, is-​Sultan Asa ħalla l-​kburija ttebbaʼ l-​korsa tiegħu. Hu ttratta ħażin lill-​profeta li ġie għandu b’pariri mingħand Jehovah. (2 Kronaki 16:7-11) Iva, saħansitra dawk li ilhom fis-​servizz t’Alla xi drabi jinħtieġu pariri.

It-​Tmiem Taʼ Teokrazija

15. Meta Ġesù kien fuq l-​art, il-​mexxejja Lhud kif naqsu bħala persuni fl-​awtorità f’teokrazija?

15 Meta Ġesù Kristu kien fuq l-​art, Iżrael kienet għadha teokrazija. B’sogħba, iżda, ħafna mill-​irġiel ixjeħ u responsabbli tagħha ma kinux inklinati spiritwalment. Huma ċertament naqsu li jikkultivaw il-​kwalità li kien wera Mosè taʼ li jkunu ġwejdin. Ġesù pponta lejn il-​korruzzjoni spiritwali tagħhom meta qal: “L-​iskribi u l-​Fariżej poġġew lilhom infushom bil-​qiegħda fis-​siġġu taʼ Mosè. Għalhekk l-​affarijiet kollha li jgħidulkom, agħmluhom u osservawhom, imma tagħmlux skond l-​għemejjel tagħhom, għax huma jgħidu imma ma jagħmlux.”—Mattew 23:2, 3.

16. Mexxejja Lhud fl-​ewwel seklu kif urew li ma kellhom ebda rispett lejn it-​teokrazija?

16 Wara li lil Ġesù kkonsennjawh lil Ponzju Pilatu, il-​mexxejja Lhud urew kemm kienu żvijaw mis-​sottomissjoni teokratika. Pilatu eżamina lil Ġesù u kkonkluda li kien raġel innoċenti. Billi ġab lil Ġesù ’l barra quddiem il-​Lhud, Pilatu qal: “Ara! Is-​sultan tagħkom!” Meta l-​Lhud iddomandaw b’saħħa għall-​mewt taʼ Ġesù, Pilatu staqsa: “Insammar maʼ zokk lis-​sultan tagħkom?” Il-​qassisin ewlenin wieġbu: “M’għandna l-​ebda sultan ħlief lil Ċesri.” (Ġwann 19:14, 15) Huma rrikonoxxew bħala sultan lil Ċesri, mhux lil Ġesù, ‘li ġie f’isem Jehovah’!—Mattew 21:9.

17. Iżrael tal-​laħam għala ma baqax ġens teokratiku?

17 F’li ċaħdu lil Ġesù, il-​Lhud ċaħdu t-​teokrazija, għaliex hu kellu jkun il-​figura ewlenija fl-​arranġamenti teokratiċi futuri. Ġesù kien l-​iben irjali taʼ David li kellu jirrenja għal dejjem. (Isaija 9:6, 7; Luqa 1:33; 3:23, 31) B’hekk, Iżrael tal-​laħam ma baqax il-​ġens magħżul t’Alla.—Rumani 9:31-33.

Teokrazija Ġdida

18. Liema teokrazija ġdida twieldet fl-​ewwel seklu? Spjega.

18 Madankollu, meta Alla ċaħad lil Iżrael tal-​laħam dan ma kienx ifisser it-​tmiem tat-​teokrazija fuq l-​art. Permezz taʼ Ġesù Kristu, Jehovah stabbilixxa teokrazija ġdida. Din kienet il-​kongregazzjoni midluka Kristjana, li kienet fil-​fatt ġens ġdid. (1 Pietru 2:9) L-​appostlu Pawlu sejjaħlu “l-​Iżrael t’Alla,” u eventwalment il-​membri tiegħu ġew “minn kull tribù u lsien u poplu u ġens.” (Galatin 6:16; Rivelazzjoni 5:9, 10) Waqt li huma suġġetti lejn il-​gvernijiet umani li jgħixu taħthom, membri taʼ din it-​teokrazija ġdida kienu tabilħaqq maħkumin minn Alla. (1 Pietru 2:13, 14, 17) Ftit wara t-​twelid tat-​teokrazija l-​ġdida, il-​ħakkiema taʼ Iżrael tal-​laħam ipprovaw iġagħlu lil xi dixxipli jieqfu milli jobdu kmand li Ġesù kien tahom. It-​tweġiba? “Aħna rridu nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.” (Atti 5:29) Verament, opinjoni teokratika!

19. Il-​kongregazzjoni Kristjana fl-​ewwel seklu f’liema sens setgħet tissejjaħ teokrazija?

19 Kif, iżda, kienet tiffunzjona t-​teokrazija l-​ġdida? Sewwa, kien hemm Sultan, Ġesù Kristu, li jirrappreżenta lit-​Teokrat il-​Kbir, Alla Jehovah. (Kolossin 1:13) Għalkemm is-​Sultan kien inviżibbli fis-​smewwiet, il-​ħakma tiegħu kienet reali għas-​sudditi tiegħu, u kliemu kien jiddomina l-​ħajjiet tagħhom. Rigward indokrar viżibbli, irġiel ixjeħ ikkwalifikati spiritwalment ġew maħturin. F’Ġerusalemm grupp taʼ rġiel bħal dawn kien jiffunzjona bħala ġemgħa li tiggverna. Jirrappreżentaw lil dik il-​ġemgħa kien hemm anzjani li jivvjaġġaw, bħal Pawlu, Timotew, u Titus. U kull kongregazzjoni kienu jieħdu ħsiebha ġemgħa taʼ rġiel ixjeħ, jew anzjani. (Titus 1:5) Meta kienet tqum xi problema diffiċli, l-​anzjani kienu jikkonsultaw lill-​ġemgħa li tiggverna jew lil xi wieħed mir-​rappreżentanti tagħha, bħal Pawlu. (Qabbel Atti 15:2; 1 Korintin 7:1; 8:1; 12:1.) Jerġaʼ, kull membru tal-​kongregazzjoni ħa sehem f’li jappoġġja t-​teokrazija. Kull wieħed kien responsabbli quddiem Jehovah li japplika prinċipji Skritturali fil-​ħajja tiegħu.—Rumani 14:4, 12.

20. X’jistaʼ jingħad dwar teokrazija fi żminijiet taʼ wara l-​appostli?

20 Pawlu wissa li wara l-​mewt taʼ l-​appostli, apostasija kellha tiżżviluppa, li hu eżatt dak li ġara. (2 Tessalonkin 2:3) Hekk kif għadda ż-​żmien, l-​għadd taʼ dawk li jistqarru li huma Kristjani telaʼ għall-​miljuni u mbagħad għal mijiet taʼ miljuni. Huma żviluppaw għamliet differenti taʼ gvern ekkleżjastiku, bħal dak ġerarkiku, presbiterjan, u kongregazzjonali. Madankollu, la l-​kondotta u lanqas it-​twemmin taʼ dawn il-​knejjes ma rriflettew il-​ħakma taʼ Jehovah. Huma ma kinux teokraziji!

21, 22. (a) Jehovah kif irrestawra t-​teokrazija matul iż-​żmien tat-​tmiem? (b) Liema mistoqsijiet dwar teokrazija se jitwieġbu?

21 Matul iż-​żmien tat-​tmiem taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet, kellu jkun hemm separar taʼ Kristjani veri minn dawk foloz. (Mattew 13:37-43) Dan seħħ fl-​1919, sena kruċjali fl-​istorja tat-​teokrazija. F’dak iż-​żmien il-​profezija glorjuża taʼ Isaija 66:8 twettqet: “Min rahom affarijiet bħal dawn? Sejra art tinġieb ’il quddiem b’uġigħ tal-​ħlas f’jum wieħed? Jew sejjer ġens jitwieled f’ħin wieħed?” It-​tweġiba għal dawk il-​mistoqsijiet kienet iva li tidwi! Fl-​1919 il-​kongregazzjoni Kristjana għal darb’oħra eżistiet bħala “ġens” separat. “Art” teokratika verament twieldet bħal f’jum wieħed! Hekk kif ipprogressa ż-​żmien tat-​tmiem, l-​organizzazzjoni taʼ dan il-​ġens ġdid ġiet aġġustata biex tinġieb kemm jistaʼ jkun qrib għal dak li eżista fl-​ewwel seklu. (Isaija 60:17) Imma kienet dejjem teokrazija. Fil-​kondotta u fit-​twemmin, dejjem irriflettiet il-​liġijiet u l-​prinċipji mnebbħin b’mod divin fl-​Iskrittura. U kienet dejjem suġġetta lejn is-​Sultan fuq it-​tron, Ġesù Kristu.—Salm 45:17; 72:1, 2.

22 Assoċjat int maʼ din it-​teokrazija? Għandek int pożizzjoni taʼ awtorità fiha? Jekk iva, taf int xi jfisser li taġixxi b’mod teokratiku? Taf int liema nasbiet trid tevita? L-​aħħar żewġ mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss. [w94 01/15]

Tistaʼ Tispjega?

◻ X’inhi teokrazija?

◻ Iżrael b’liema mod kienet teokrazija?

◻ Jehovah liema arranġament għamel biex ifakkar lis-​slaten li Iżrael kienet teokrazija?

◻ Il-​kongregazzjoni Kristjana b’liema mod kienet teokrazija, u kif kienet organizzata?

◻ Liema organizzazzjoni teokratika ġiet stabbilita fi żmienna?

[Stampa f’paġna 9]

Il-​ħakkiema Lhud irrikonoxxew lil Ċesri minflok lis-​Sultan maħtur b’mod teokratiku taʼ Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja