Ragħajja u Ngħaġ f’Teokrazija
“Jehovah hu l-Imħallef tagħna, Jehovah huwa Dak li jagħtina l-Istatut, Jehovah huwa s-Sultan tagħna; hu nnifsu se jsalvana.”—ISAIJA 33:22.
1. Kif jistaʼ jingħad li Kristjani fl-ewwel seklu u Kristjani llum huma teokrazija?
TEOKRAZIJA tfisser ħakma minn Alla. Tinvolvi li naċċettaw l-awtorità taʼ Jehovah u li nsegwu l-linji taʼ gwida u l-istruzzjonijiet tiegħu fid-deċiżjonijiet kbar u żgħar li nagħmlu fil-ħajja. Il-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu kienet teokrazija ġenwina. Il-Kristjani dak iż-żmien setgħu jgħidu bl-onestà: “Jehovah hu l-Imħallef tagħna, Jehovah huwa Dak li jagħtina l-Istatut, Jehovah huwa s-Sultan tagħna.” (Isaija 33:22) Bil-fdal midluk bħala n-nukleu tagħha, l-organizzazzjoni t’Alla llum hi bl-istess mod teokrazija reali.
B’Liema Mod Aħna Teokratiċi Llum?
2. Liema hu mod wieħed kif ix-Xhieda taʼ Jehovah jissottomettu ruħhom lejn il-ħakma taʼ Jehovah?
2 Kif nistgħu ngħidu li l-organizzazzjoni taʼ Jehovah fuq l-art hi teokrazija? Għaliex dawk li jappartjenu lilha tabilħaqq li jissottomettu ruħhom lejn il-ħakma taʼ Jehovah. U huma jsegwu t-tmexxija taʼ Ġesù Kristu, dak li lilu Jehovah tah it-tron bħala Sultan. Per eżempju, fiż-żmien tat-tmiem, dan il-kmand dirett mit-Teokrat il-Kbir jiġi mgħoddi lil Ġesù: “Daħħal il-minġel tiegħek u aħsad, għaliex waslet is-siegħa biex taħsad, għax il-ħsad taʼ l-art misjur għalkollox.” (Rivelazzjoni 14:15) Ġesù jobdi u jidħol għax-xogħol taʼ ħsad taʼ l-art. Il-Kristjani jappoġġjaw lis-Sultan tagħhom f’dan ix-xogħol kbir billi b’mod żeluż jippridkaw l-aħbar tajba u jagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19; Mark 13:10; Atti 1:8) Billi jagħmlu dan, huma wkoll ħaddiema sħab maʼ Jehovah, it-Teokrat il-Kbir.—1 Korintin 3:9.
3. Il-Kristjani kif jissottomettu ruħhom lejn it-teokrazija f’affarijiet taʼ moralità?
3 Fil-kondotta wkoll, il-Kristjani jissottomettu lilhom infushom lejn il-ħakma t’Alla. Ġesù qal: “Dak li jagħmel dak li hu veru jiġi għad-dawl, sabiex ix-xogħlijiet tiegħu jistgħu jintgħamlu jidhru bħala li ġew maħdumin f’armonija m’Alla.” (Ġwann 3:21) Illum, hemm dibattiti kontinwi dwar livelli morali, imma dawn l-argumenti m’għandhomx posthom fost il-Kristjani. Huma jikkunsidraw bħala immorali dak li Jehovah igħid li huwa immorali, u jevitawh daqs il-pesta! Huma jieħdu ħsieb ukoll tal-familji tagħhom, jobdu l-ġenituri tagħhom, u jibqgħu sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri. (Efesin 5:3-5, 22-33; 6:1-4; 1 Timotew 5:8; Titus 3:1) B’hekk, huma jaġixxu b’mod teokratiku, f’armonija m’Alla.
4. Liema attitudnijiet ħżiena ntwerew minn Adam u Eva u Sawl, u l-Kristjani kif juru attitudni differenti?
4 Adam u Eva tilfu l-Ġenna għaliex riedu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess dwar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Ġesù ried eżattament l-oppost. Hu qal: “Jien infittex, mhux ir-rieda tiegħi stess, imma r-rieda tiegħu li bagħatni.” Il-Kristjani jfittxu l-istess ħaġa. (Ġwann 5:30; Luqa 22:42; Rumani 12:2; Ebrej 10:7) Sawl, l-ewwel sultan taʼ Iżrael, obdieh lil Jehovah—imma biss parzjalment. Għal dan hu ġie rrifjutat. Samwel qallu: “Li tobdi huwa aħjar minn sagrifiċċju, li toqgħod attent mix-xaħam tal-kbiex.” (1 Samwel 15:22) Huwa teokratiku li ssegwi r-rieda taʼ Jehovah sa ċertu punt, forsi billi tkun regulari fix-xogħol taʼ l-ippridkar jew f’li tattendi għal-laqgħat, u mbagħad li tagħmel kompromess fi kwistjonijiet taʼ moralità jew f’xi mod ieħor? Ċertament li le! Aħna nistinkaw biex ‘nagħmlu r-rieda t’Alla b’ruħna kollha.’ (Efesin 6:6; 1 Pietru 4:1, 2) Kuntrarju għal Sawl, aħna nissottomettu ruħna totalment lejn il-ħakma t’Alla.
Teokrazija Moderna
5, 6. Jehovah kif jittratta mal-bnedmin illum, u koperazzjoni maʼ dan l-arranġament x’riżultat iġġib?
5 Fil-passat, Jehovah kien jaħkem u jirrivela veritajiet permezz taʼ individwi, bħal slaten, appostli, u profeti. Illum, dak m’għadux il-każ; m’hemm l-ebda profeta jew appostlu mnebbaħ. Minflok, Ġesù qal li matul il-preżenza rjali tiegħu, hu kellu jidentifika lil ġemgħa leali taʼ segwaċi, “irsir fidil u diskret,” u kellu jaħtarha fuq dak kollu li jippossjedi. (Mattew 24:45-47; Isaija 43:10) Fl-1919 dak l-irsir kien identifikat bħala l-fdal taʼ Kristjani midlukin. Minn dak iż-żmien ’il hawn, kif irrappreżentat mill-Ġemgħa li Tiggverna, hu kien iċ-ċentru tat-teokrazija fuq l-art. Madwar id-dinja, il-Ġemgħa li Tiggverna hi rrappreżentata minn Kumitati tal-Fergħa, indokraturi li jivvjaġġaw, u anzjani tal-kongregazzjoni.
6 Li tikkopera maʼ l-organizzazzjoni teokratika hu parti vitali mis-sottomissjoni lejn it-teokrazija. Koperazzjoni bħal din iġġib ’il quddiem l-unità u l-ordni mad-dinja kollha fis-“sħubija kollha taʼ l-aħwa.” (1 Pietru 2:17) Mill-banda l-oħra, dan jogħġob lil Jehovah, li hu “Alla, mhux tad-diżordni, imma tal-paċi.”—1 Korintin 14:33.
Anzjani F’Teokrazija
7. X’inhi r-responsabbiltà taʼ anzjani f’teokrazija?
7 L-irġiel ixjeħ maħturin kollha, hi x’inhi l-pożizzjoni tagħhom taʼ awtorità, iwettqu l-kwalifiki msemmijin fil-Bibbja għall-kariga taʼ indokratur jew raġel ixjeħ. (1 Timotew 3:1-7; Titus 1:5-9) Jerġaʼ, il-kliem taʼ Pawlu lill-anzjani taʼ Efesu japplika għall-anzjani kollha: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-merħla kollha, li fostha l-ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi, biex tirgħu l-kongregazzjoni t’Alla.” (Atti 20:28) Iva, l-anzjani huma maħturin bl-ispirtu qaddis, li jiġi mingħand Alla Jehovah. (Ġwann 14:26) Il-ħatra tagħhom hi teokratika. Jerġaʼ, huma jirgħu l-merħla t’Alla. Il-merħla tappartjeni lil Jehovah, mhux lill-anzjani. Hi organizzazzjoni teokratika.
8. X’inhuma r-responsabbiltajiet ġenerali taʼ l-anzjani llum?
8 Fl-ittra tiegħu lill-Efesin, l-appostlu Pawlu semma r-responsabbiltajiet ġenerali taʼ l-anzjani, billi qal: “Ta xi wħud bħala appostli, xi wħud bħala profeti, xi wħud bħala evanġelizzaturi, xi wħud bħala ragħajja u għalliema, bil-ħsieb li l-qaddisin jiġu aġġustati mill-ġdid, għal xogħol ministerjali, għall-bini tal-ġisem tal-Kristu.” (Efesin 4:11, 12) Ma kienx hemm iktar appostli u profeti wara l-infanzja “tal-ġisem tal-Kristu.” (Qabbel 1 Korintin 13:8.) Imma l-anzjani għadhom attivi ħafna f’li jevanġelizzaw, jirgħu, u jgħallmu.—2 Timotew 4:2; Titus 1:9.
9. L-anzjani kif għandhom jippreparaw lilhom infushom biex jirrappreżentaw ir-rieda t’Alla fil-kongregazzjoni?
9 Ladarba t-teokrazija hija ħakma minn Alla, anzjani effettivi huma familjari għalkollox mar-rieda t’Alla. Ġożwè ġie kkmandat biex jaqra l-Liġi kuljum. L-anzjani wkoll għandhom bżonn jistudjaw u jikkonsultaw l-Iskrittura regularment u jkunu familjari għalkollox mal-letteratura Biblika ppubblikata mill-irsir fidil u diskret. (2 Timotew 3:14, 15) Din tinkludi r-rivisti It-Torri Taʼ L-Għassa u l-Awake! u pubblikazzjonijiet oħrajn li juru kif prinċipji Bibliċi japplikaw għal sitwazzjonijiet speċifiċi.a Madankollu, fil-waqt li hu importanti għal anzjan li jkun jaf u li jsegwi l-linji taʼ gwida ppubblikati fil-letteratura tal-Watch Tower Society, hu għandu jkun ukoll familjari għalkollox mal-prinċipji Skritturali li huma l-bażi tagħhom. Hu mbagħad ikun f’pożizzjoni li japplika linji taʼ gwida Skritturali b’fehma u b’mogħdrija.—Qabbel Mikea 6:8.
Naqdu Bi Spirtu Kristjan
10. L-anzjani liema attitudni ħażina għandhom igħassu kontra tagħha, u kif?
10 Madwar is-sena 55 E.K., l-appostlu Pawlu kiteb l-ewwel ittra tiegħu lill-kongregazzjoni f’Korintu. Waħda mill-problemi li hu ttratta magħha kellha x’taqsam maʼ ċerti rġiel li riedu jkunu prominenti fil-kongregazzjoni. Pawlu kiteb: “Intom diġà għandkom ix-xabaʼ tagħkom, hux tassew? Intom għonja diġà, hux tassew? Intom bdejtu taħkmu bħala slaten mingħajrna, hux tassew? U jien nixtieq tabilħaqq li intom kontu bdejtu taħkmu bħala slaten, biex aħna wkoll inkunu nistgħu naħkmu magħkom bħala slaten.” (1 Korintin 4:8) Fl-ewwel seklu E.K., il-Kristjani kollha kellhom it-tama li jaħkmu bħala slaten u qassisin tas-sema maʼ Ġesù. (Rivelazzjoni 20:4, 6) Milli jidher, iżda, xi wħud f’Korintu nsew li fuq l-art m’hemmx slaten fit-teokrazija Kristjana. Minflok ma jaġixxu bħala slaten taʼ did-dinja, ragħajja Kristjani jikkultivaw l-umiltà, kwalità li togħġob lil Jehovah.—Salm 138:6; Luqa 22:25-27.
11. (a) Liema huma xi eżempji li jispikkaw taʼ l-umiltà? (b) L-anzjani u l-Kristjani l-oħrajn kollha liema ħarsa tagħhom infushom għandhom ikollhom?
11 Hija l-umiltà xi djufija? Ċertament li le! Jehovah innifsu hu deskritt bħala li hu umli. (Salm 18:35) Is-slaten taʼ Iżrael mexxew armati fil-battalja u ħakmu l-ġens taħt Jehovah. Madankollu, kull wieħed ried joqgħod attent ‘li qalbu ma teżaltax lilha nfisha ’l fuq minn ħutu.’ (Dewteronomju 17:20) Ġesù rxoxtat hu Sultan tas-sema. Meta kien fuq l-art, madankollu, hu ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu. X’umiltà! U billi wera li ried lill-appostli tiegħu li jkunu umlin bl-istess mod, qal: “Jekk jien, għalkemm Mulej u Għalliem, ħsilt saqajkom, intom ukoll għandkom taħslu saqajn xulxin.” (Ġwann 13:14; Filippin 2:5-8) Il-glorja kolha u t-tifħir kollu għandhom imorru għal Jehovah, mhux għal xi bniedem. (Rivelazzjoni 4:11) Kemm jekk huma anzjani jew le, il-Kristjani kollha għandhom jaħsbu dwarhom infushom fid-dawl tal-kliem taʼ Ġesù: “Aħna rsiera li m’aħna tajbin għalxejn. Dak li għamilna huwa dak li kellna nagħmlu.” (Luqa 17:10) Kwalunkwe ħarsa oħra mhix teokratika.
12. L-imħabba għala hija kwalità vitali għall-anzjani Kristjani biex jikkultivawha?
12 Flimkien maʼ l-umiltà, anzjani Kristjani jikkultivaw l-imħabba. L-appostlu Ġwanni wera l-importanza taʼ l-imħabba meta qal: “Min ma jħobbx ma sarx jafu lil Alla, għaliex Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Individwi li ma jħobbux m’humiex teokratiċi. Huma ma jafuhx lil Jehovah. Rigward l-Iben t’Alla, il-Bibbja tgħid: “Ġesù, billi kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sa l-aħħar.” (Ġwann 13:1) Meta kellem lill-11-il raġel li kellhom ikunu parti mill-ġemgħa li tiggverna fil-kongregazzjoni Kristjana, Ġesù qal: “Dan hu l-kmandament tiegħi, li intom tħobbu lil xulxin sewwa sew bħalma ħabbejtkom jien.” (Ġwann 15:12) L-imħabba hi l-marka li tidentifika tal-Kristjanità vera. Tattira lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, lil dawk li jibku għall-mejtin tagħhom, u lil dawk imjassrin spiritwalment li jixxennqu għal-libertà. (Isaija 61:1, 2; Ġwann 13:35) L-anzjani għandhom ikunu eżemplari f’li juruha.
13. Għalkemm il-problemi llum jistgħu jkunu diffiċli, anzjan kif jistaʼ jkun influwenza taʼ benefiċċju f’kull sitwazzjoni?
13 Illum, l-anzjani jiġu taʼ spiss mitlubin biex igħinu f’li jiġu ttrattati problemi komplessi. Diffikultajiet fiż-żwieġ jistgħu jkunu b’għeruq fondi u persistenti. Iż-żgħażagħ għandhom problemi li l-adulti jistgħu jsibuha iebsa biex jifhmuhom. Mard emozzjonali hu taʼ spiss diffiċli biex tifhmu. Anzjan iffaċċjat minn affarijiet bħal dawn jistaʼ ma jkunx ċert dwar x’għandu jagħmel. Imma hu jistaʼ jkun fiduċjuż li jekk bit-talb jistrieħ fuq l-għerf taʼ Jehovah, jekk jagħmel riċerka fil-Bibbja u f’informazzjoni ppubblikata mill-irsir fidil u diskret, u jekk hu jittratta bl-umiltà u bl-imħabba man-ngħaġ, hu se jkun influwenza taʼ benefiċċju saħansitra fl-iktar sitwazzjoni diffiċli.
14, 15. Liema huma xi espressjonijiet li juru li Jehovah bierek lill-poplu tiegħu b’ħafna anzjani mill-aħjar?
14 Jehovah bierek b’mod għani lill-organizzazzjoni tiegħu b’“għotjiet fi rġiel.” (Efesin 4:8) Minn żmien għal żmien, il-Watch Tower Society tirċievi ittri inkuraġġanti li jixhdu dwar l-imħabba murija minn anzjani umlin li b’mogħdrija jirgħu n-ngħaġ t’Alla. Per eżempju, anzjan taʼ kongregazzjoni jikteb: “Ma niftakarx żjara taʼ circuit overseer li effettwatni iżjed jew li għadhom jikkummentaw fuqha fil-kongregazzjoni. Is-circuit overseer għenni nara l-importanza taʼ attitudni pożittiva meta nittratta maʼ l-aħwa, b’enfasi fuq li nagħti tifħir mistħoqq.”
15 Waħda oħt li kellha tivvjaġġa lejn sptar ’il bogħod biex tirċievi kura tikteb: “Kemm kien rassiguranti li tkun tistaʼ tiltaqaʼ maʼ anzjan dak l-ewwel lejl taʼ anzjetà fl-isptar tant ’il bogħod mid-dar! Hu u aħwa oħrajn qattgħu ħafna ħin miegħi. Saħansitra nies fid-dinja li kienu familjari maʼ dak li kont għaddejja minnu ħassew li ma kontx nibqaʼ ħajja mingħajr il-faraġ, l-attenzjoni, u t-talb taʼ dawk l-aħwa devoti li jħobbu.” Oħt oħra tikteb: “Jien ħajja llum għaliex il-ġemgħa taʼ l-anzjani bil-paċenzja ggwidatni matul il-battalja tiegħi taʼ dipressjoni qawwija. . . . Wieħed ħu u martu ma kinux jafu x’għandhom igħiduli, u għalhekk huma t-tnejn għannquni b’mod teneru. Dak li impressjonani l-iktar kien li għalkemm ma fehmux kompletament minn xiex kont għaddejja, huma kienu b’imħabba jimpurtahom minni.”
16. Pietru liema eżortazzjoni jagħti lill-anzjani?
16 Iva, ħafna anzjani qegħdin japplikaw l-eżortazzjoni taʼ l-appostlu Pietru: “Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom, mhux bil-fors, imma għax tridu; lanqas għal imħabba taʼ qligħ diżonest, imma b’mod ħerqan; lanqas billi tagħmluha taʼ sidien fuq dawk li huma l-wirt t’Alla, imma billi ssiru eżempji għall-merħla.” (1 Pietru 5:1-3) X’barka huma anzjani teokratiċi bħal dawn!
Ngħaġ Fit-Teokrazija
17. Semmi xi kwalitajiet li dawk li m’humiex anzjani fil-kongregazzjoni għandhom jikkultivaw.
17 Madankollu, teokrazija m’hijiex magħmula biss minn anzjani. Jekk ir-ragħajja jridu jkunu teokratiċi, hekk ukoll iridu jkunu n-ngħaġ. B’liema modi? Sewwa, l-istess prinċipji li jiggwidaw lir-ragħajja jridu jiggwidaw lin-ngħaġ. Il-Kristjani kollha, mhux l-anzjani biss, iridu jkunu umlin jekk iridu jirċievu l-barka taʼ Jehovah. (Ġakbu 4:6) Ilkoll iridu jikkultivaw l-imħabba għaliex mingħajrha s-sagrifiċċji tagħna lil Jehovah ma jintgħoġbux minnu. (1 Korintin 13:1-3) U lkoll kemm aħna, mhux l-anzjani biss, għandna ‘niġu mimlijin bil-għarfien eżatt tar-rieda taʼ Jehovah bil-għerf kollu u l-komprensjoni spiritwali.’—Kolossin 1:9.
18. (a) Sempliċi għarfien superfiċjali tal-verità għala m’huwiex biżżejjed? (b) Kif nistgħu lkoll kemm aħna nimtlew b’għarfien eżatt?
18 Żgħażagħ u xjuħ bl-istess mod qegħdin jiġu ffaċċjati kontinwament b’deċiżjonijiet diffiċli hekk kif huma jipprovaw jibqgħu leali minkejja li qegħdin igħixu fid-dinja taʼ Satana. Ix-xejriet tad-dinja fi ħwejjeġ, mużika, films, u letteratura jippreżentaw sfida għall-ispiritwalità taʼ xi wħud. Għarfien superfiċjali tal-verità m’huwiex biżżejjed biex igħinna nżommu l-bilanċ tagħna. Biex inkunu żguri li nibqgħu leali, jeħtieġ li nkunu mimlijin b’għarfien eżatt. Għandna bżonn il-fehma u l-għerf li l-Kelma t’Alla biss tistaʼ tagħtina. (Proverbji 2:1-5) Dan ifisser li nikkultivaw drawwiet taʼ studju tajbin, billi nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu, u billi nipprattikawh. (Salm 1:1-3; Rivelazzjoni 1:3) Pawlu kien qed jikteb lill-Kristjani kollha, mhux biss lill-anzjani, meta qal: “Ikel solidu jappartjeni lil nies maturi, lil dawk li permezz taʼ l-użu għandhom il-qawwiet taʼ osservar tagħhom imħarrġin biex jiddistingwu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.”—Ebrej 5:14.
Ragħajja U Ngħaġ Jaħdmu Flimkien
19, 20. Liema eżortazzjonijiet jingħataw lil kulħadd biex jikkoperaw maʼ l-anzjani, u għala?
19 Finalment, irid jintqal li spirtu verament teokratiku huwa muri minn dawk li jikkoperaw maʼ l-anzjani. Pawlu kiteb lil Timotew: “Ħalli l-irġiel ixjeħ li jippresiedu b’mod mill-aħjar jitqiesu li jixirqilhom unur doppju, speċjalment dawk li jaħdmu iebes f’li jitkellmu u jgħallmu.” (1 Timotew 5:17; 1 Pietru 5:5, 6) Li wieħed ikun anzjan hu privileġġ taʼ l-għaġeb, imma l-biċċa l-kbira taʼ l-anzjani huma rġiel tal-familja li jmorru għax-xogħol sekulari tagħhom kuljum u għandhom mara u tfal x’jieħdu ħsieb. Fil-waqt li huma henjin li jaqdu, is-servizz tagħhom ikun eħfef u iżjed premjanti meta l-kongregazzjoni tappoġġjahom, mhux tikkritikahom iżżejjed u titlob iżżejjed minnhom.—Ebrej 13:17.
20 L-appostlu Pawlu qal: “Ftakru f’dawk li qegħdin jieħdu t-tmexxija fostkom, li tkellmu l-kelma t’Alla magħkom, u hekk kif tikkontemplaw dwar x’jiġri bil-kondotta tagħhom imitaw il-fidi tagħhom.” (Ebrej 13:7) Le, Pawlu ma inkuraġġiex lill-aħwa biex isegwu lill-anzjani. (1 Korintin 1:12) Li ssegwi bniedem m’hijiex ħaġa teokratika. Imma hu ċertament għaqli li timita l-fidi pprovata taʼ anzjan teokratiku li hu attiv fix-xogħol taʼ evanġelizzar, li hu regulari fil-laqgħat, u li jittratta bl-umiltà u bl-imħabba mal-kongregazzjoni.
Testment Għall-Fidi
21. Il-Kristjani kif juru fidi qawwija bħal dik taʼ Mosè?
21 Verament, l-eżistenza taʼ organizzazzjoni teokratika f’dan l-iktar żmien iddiġenerat taʼ l-istorja umana hi xiehda għall-qawwa tat-Teokrat il-Kbir. (Isaija 2:2-5) Hija xiehda wkoll għall-fidi taʼ kważi ħames miljun Kristjan, irġiel, nisa, u tfal, li jissieltu mal-problemi tal-ħajja taʼ kuljum imma qatt ma jinsew li Jehovah hu l-Ħakkiem tagħhom. L-istess bħalma l-leali Mosè “baqaʼ sod bħal li kieku qiegħed jara lil Dak li hu inviżibbli,” hekk ukoll Kristjani llum għandhom fidi qawwija simili. (Ebrej 11:27) Huma pprivileġġjati li jgħixu f’teokrazija, u jiżżu ħajr lil Jehovah kuljum taʼ dan. (Salm 100:4, 5) Hekk kif iġarrbu l-qawwa li ssalva taʼ Jehovah, huma ferħanin li jipproklamaw: “Jehovah hu l-Imħallef tagħna, Jehovah huwa Dak li jagħtina l-Istatut, Jehovah huwa s-Sultan tagħna; hu nnifsu se jsalvana.”—Isaija 33:22. [w94 01/15]
[Nota taʼ taħt]
a Fost dawn il-pubblikazzjonijiet hemm il-ktieb “Pay Attention to Yourselves and to All the Flock,” li fih linji taʼ gwida Skritturali u hu pprovdut għal indokraturi, jew anzjani, maħturin tal-kongregazzjoni.
Il-Bibbja X’Turi?
◻ Il-Kristjani b’liema mod jissottomettu rwieħhom lejn it-teokrazija?
◻ It-teokrazija kif inhi organizzata llum?
◻ L-anzjani b’liema modi għandhom jippreparaw lilhom infushom biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom?
◻ Liema kwalitajiet Kristjani huwa vitali għall-anzjani li jikkultivaw u juru?
◻ Fit-teokrazija, liema relazzjoni għandha teżisti bejn in-ngħaġ u r-ragħajja?
[Stampa f’paġna 14]
Adam u Eva tilfu l-Ġenna għaliex riedu jieħdu huma stess id-deċiżjonijiet tagħhom dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin
[Stampa f’paġna 15]
Jekk anzjan jittratta bl-umiltà u bl-imħabba man-ngħaġ, hu se jkun dejjem influwenza taʼ benefiċċju