Huma l-Gwerer Inevitabbli?
IL-GWERRA hija fattur taʼ niket li jissemma kważi kuljum fl-aħbarijiet. Dawk l-aħbarijiet taʼ brutalità bla dubju jdardruk. Imma forsi wkoll iġagħluk taħseb dwar għala l-argumenti jridu bil-fors jiġu solvuti bl-armi. Il-bniedem qatt ma se jitgħallem igħix fil-paċi?
Rimedju għall-kastig tal-gwerra jidher li hu iktar diffiċli li jinstab mill-kura taʼ l-AIDS. Matul is-seklu 20, ġnus sħaħ ġew mobilizzati għall-gwerra, miljuni taʼ rġiel intbagħtu għall-battalja, u mijiet taʼ bliet ġew meqrudin. L-ebda tmiem għal dan it-tbiċċir kollu ma jidher fil-qrib. Negozju internazzjonali taʼ armi bi qliegħ kbir jaċċerta li l-armati tad-dinja—u l-gwerilli—se jkomplu jkunu effettivi b’mod aħrax.
Hekk kif l-armi tal-gwerra saru iktar qattilin, in-numru tal-feruti telaʼ m’għola s-sema. Iktar min-nofs il-65 miljun suldat li ġġieldu fl-Ewwel Gwerra Dinjija ġew maqtulin jew midrubin. Kważi 30 sena wara, żewġ bombi atomiċi biss ħadu l-ħajjiet taʼ iktar minn 150,000 nies pajżani Ġappuniżi. Mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, il-konflitti saru iktar tal-post. Madankollu, huma qattilin, speċjalment għal nies pajżani li issa jikkostitwixxu 80 fil-mija tal-feruti.
Ironikament, dan it-tbiċċir fuq skala kbira seħħ matul era li rat sforzi li qatt ma kien hawn bħalhom biex tiġi abolita l-gwerra bħala mod li bih jiġu solvuti l-argumenti bejn il-ġnus. Bit-tmiem riċenti tal-Gwerra Bierda, kien hemm tamiet kbar li ordni dinjija ġdida mimlija paċi kienet se tfeġġ. Madankollu, il-paċi globali tibqaʼ ħolma bħal qabel. Għala?
Neċessità Bijoloġika?
Studjużi taʼ l-istorja u antropoloġisti jsostnu li l-gwerer huma inevitabbli—saħansitra neċessarji—sempliċement għaliex huma parti mit-taqbida evoluzzjonarja biex wieħed jibqaʼ ħaj. Influwenzat minn mod taʼ ħsieb bħal dan, l-analista militari Friedrich von Bernhardi argumenta fl-1914 li l-gwerra tiġi miġġielda “fl-interess tal-progress bijoloġiku, soċjali u morali.” It-teorija kienet li l-gwerra hija mod li bih jitneqqew individwi jew ġnus dgħajfin, waqt li l-iktar b’saħħithom jitħallew ħajjin.
Argument bħal dan żgur li ma jikkonslax lill-miljuni taʼ romol u orfni tal-gwerra. Barra milli hu moralment moqżież, dan il-mod taʼ ħsieb jinjora r-realtajiet ħorox taʼ l-armamenti moderni. Il-machine gun ma tirrispettax lil dak li hu l-iktar b’saħħtu, u l-bomba teqred għalkollox lil dawk b’saħħithom flimkien mad-dgħajfin.
Billi injora l-lezzjonijiet tal-biżaʼ taʼ l-ewwel gwerra dinjija, Adolf Hitler ħolom li setaʼ joħloq razza superjuri permezz taʼ konkwista militari. Fil-ktieb tiegħu Mein Kampf, hu kiteb: “L-umanità saret kbira b’taqbida eterna, u huwa biss permezz taʼ paċi eterna li se tgħib. . . . L-iktar b’saħħtu jrid jiddomina u mhux jitħallat maʼ l-iktar dgħajjef.” Minflok ma tejjeb l-umanità, iżda, Hitler issagrifika miljuni taʼ ħajjiet u għamel ħerba minn kontinent sħiħ.
Madankollu, jekk il-gwerra m’hijiex neċessità bijoloġika, x’inhu li jimbotta lill-umanità lejn il-qerda tagħhom infushom? Liema forzi potenti qegħdin jimbottaw lill-ġnus f’dan in-“negozju tal-barbari”?a Issa ġejja lista taʼ xi wħud mill-fatturi li jikkaġunaw tfixkil għall-aqwa sforzi taʼ dawk li jaħdmu għall-paċi.
Affarijiet Li Jikkaġunaw Gwerra
In-nazzjonaliżmu. Taʼ spiss imqanqal mill-politikanti u mill-ġenerali, in-nazzjonaliżmu huwa wieħed mill-iktar forzi potenti biex tinbeda gwerra. Bosta gwerer ingħataw bidu biex jipproteġu lil “interessi nazzjonali” jew jiddefendu lil “unur nazzjonali.” Meta jkun hemm il-mentalità nazzjonalistika, saħansitra aggressjoni sfaċċata tistaʼ tiġi spjegata bħala azzjoni li ġiet meħuda biex iġġib fix-xejn l-armamenti taʼ l-għadu qabel ma jużahom kontra tiegħek.
Animosità etnika. Ħafna gwerer reġjonali jibdew u mbagħad jiġu mkebbsin minn mibgħeda li tkun ilha ġejja taʼ bejn ir-razez u t-tribujiet. Il-gwerer traġiċi f’dik li qabel kienet il-Yugoslavia, fil-Liberia, u fis-Somalia huma eżempji riċenti.
Rivalità ekonomika u militari. F’dawk il-jiem li minn barra kienu jidhru li huma jiem taʼ paċi taʼ qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-potenzi Ewropej attwalment bnew armati enormi. Il-Ġermanja u l-Gran Britannja kienu għaddejjin b’kompetizzjoni dwar min jibni vapuri tal-gwerra l-iktar. Ladarba kull nazzjon mill-kbar li fl-aħħar mill-aħħar sar involut fit-tbiċċir kien jemmen li gwerra kienet tkabbar il-qawwa tiegħu u ġġib ruxxmata taʼ benefiċċji ekonomiċi, il-kundizzjonijiet kienu lesti għal konflitt.
Ġlied reliġjuż. Speċjalment meta jkunu rinforzati minn firdiet razzjali, id-differenzi reliġjużi jistgħu jipproduċu taħlita esplussiva. Il-konflitti fil-Lebanon u fl-Irlanda taʼ Fuq, kif ukoll il-gwerer miġġildin bejn l-Indja u l-Pakistan, kellhom l-għeruq tagħhom f’animosità reliġjuża.
Difensur tal-gwerra li ma jidhirx. Il-Bibbja tirrivela li “l-alla taʼ din is-sistema taʼ affarijiet,” Satana x-Xitan, huwa iktar attiv issa minn qatt qabel. (2 Korintin 4:4) Mimli b’rabja kbira u billi għandu biss “perijodu qasir taʼ żmien,” hu qiegħed iqanqal kundizzjonijiet, inklużi gwerer, li jħażżnu lill-istat tal-biki li fih tinsab l-art.—Rivelazzjoni 12:12.
Dawn l-affarijiet li jikkaġunaw il-gwerra m’humiex faċli biex wieħed jeqridhom. 2,000 sena ilu, Plato qal li “l-mejtin biss raw it-tmiem tal-gwerra.” Hija l-konklużjoni bla tama tiegħu verità qarsa li rridu nitgħallmu biex naċċettawha? Jew tassew għandna xi raġuni biex nittamaw li xi darba se jkun hemm dinja mingħajr gwerer?
[Nota taʼ taħt]
a Kien Napuljun li ddeskriva l-gwerra bħala “negozju tal-barbari.” Billi qattaʼ l-biċċa l-kbira mill-ħajja adulta tiegħu fil-militar u kważi 20 sena bħala kmandant suprem taʼ l-armata, hu kien esperjenza direttament il-barbariżmi tal-battalja.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Instituto Municipal de Historia, Barcelona