LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 11/1 pp. 7-8
  • Kif Alla jqis il-gwerer tal-lum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Alla jqis il-gwerer tal-lum
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Materjal Simili
  • Kif Se Jispiċċaw il-Gwerer
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2025
  • Kif Alla jqis il-gwerer tal-ewwel seklu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Il-gwerer
    Stenbaħ!—2017
  • Kif Alla jqis il-gwerer tal-qedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 11/1 pp. 7-8

SUĠĠETT PRINĊIPALI | ALLA KIF IQISHOM IL-​GWERER?

Kif Alla jqis il-​gwerer tal-​lum

Illum in-​nies qed jiġu maħqurin. Ħafna jitolbu lil Alla ripetutament għall-​ħelsien u jitħassbu jekk dan il-​ħelsien qattx jiġi. Jismaʼ Alla t-​talb tagħhom għall-​għajnuna? U xi ngħidu għal dawk li jirrikorru għall-​gwerra biex iġibu fix-​xejn il-​moħqrija li jkunu għaddejjin minnha? Jappoġġa Alla l-​isforzi tagħhom, billi jqis il-​ġlied tagħhom iġġustifikat?

Ġesù u l-anġli tiegħu rekbin żwiemel bojod f’Armageddon

Armageddon se tkun il-gwerra li ttemm il-gwerer kollha

L-​ewwel, ħalli din il-​verità tfarrġek: Alla jara t-​tbatija fid-​dinja llum, u bi ħsiebu jagħmel xi ħaġa dwarha. (Salm 72:13, 14) Fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, Alla jwiegħed serħan lil dawk li ‘jsofru t-​tribulazzjoni.’ Meta? “Fir-​rivelazzjoni tal-​Mulej Ġesù mis-​sema maʼ l-​anġli setgħanin tiegħu . . . hekk kif iġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tessalonikin 1:7, 8) Din ir-​rivelazzjoni taʼ Ġesù se sseħħ fil-​futur f’dik li l-​Bibbja ssejħilha “l-​gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox,” magħrufa wkoll bħala Armageddon.—Rivelazzjoni 16:14, 16.

F’dik il-​gwerra fil-​futur, Alla se juża lil Ibnu, Ġesù Kristu, flimkien maʼ ħlejjaq spirti setgħanin oħra, u mhux lill-​bnedmin, biex jiggwerraw kontra dawk mill-​agħar. Il-​qawwiet tas-​sema se jġibu fi tmiem il-​moħqrija kollha.—Isaija 11:4; Rivelazzjoni 19:11-​16.

Sal-​lum il-​ġurnata, il-​ħarsa t’Alla lejn il-​gwerer ma nbidlitx. Hu xorta jqis il-​gwerer bħala mezz leġittimu biex iġib fix-​xejn il-​moħqrija u l-​ħażen. Imma bħalma kien minnu tul l-​istorja, hu Alla biss li jiddetermina bi dritt meta gwerer bħal dawn għandhom jiġu miġġielda u min għandu jkun involut. Bħalma rajna, Alla diġà ddetermina li l-​gwerra biex iġġib fix-​xejn il-​ħażen u biex jivvindika lill-​maħqurin hi gwerra fil-​futur u li se tkun miġġielda minn Ibnu, Ġesù Kristu. Dan ifisser li l-​gwerer li qed jiġu miġġielda fuq l-​art illum m’għandhomx l-​approvazzjoni t’Alla, jidhru kemm jidhru nobbli l-​kaġuni.

Biex nagħtu eżempju: Immaġina żewġ aħwa li jibdew jillitikaw meta missierhom ma jkunx hemm. Jieqfu għal ftit u jċemplu lil missierhom. Wieħed mill-​aħwa jgħid li l-​ieħor beda l-​ġlieda, filwaqt li l-​ieħor jgħid li ħuh kien qed jittrattah ħażin. It-​tnejn li huma jduru lejn missierhom, kull wieħed jipprova jirbaħ l-​appoġġ tiegħu fl-​argument. Però, wara li jkun semagħhom it-​tnejn, il-​missier jgħidilhom biex jieqfu jitlewmu u jistennew lilu biex jirranġa l-​affarijiet meta jasal id-​dar. Għal xi żmien l-​aħwa jistennew. Madankollu, wara ftit jerġgħu jibdew jiġġieldu. Meta missierhom jasal id-​dar, ma jieħu pjaċir bl-​ebda tifel u jikkastigahom it-​tnejn talli m’obdewhx.

Illum, pajjiżi li jkunu qed jiggwerraw spiss iduru lejn Alla għall-​appoġġ. Imma Alla ma jappoġġa lil ħadd fil-​gwerer illum. Pjuttost, fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, jgħid ċar: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara,” u, “Tivvendikawx ruħkom.” (Rumani 12:17, 19) Iżjed minn hekk, hu għarraf li l-​umanità għandha tistennieh bil-​paċenzja biex jieħu azzjoni, kif se jagħmel f’Armageddon. (Salm 37:7) Meta l-​ġnus jonqsu li jistennew lil Alla jaġixxi u minflok jirrikorru għall-​gwerra, hu jqis gwerer bħal dawn bħala atti prużuntużi taʼ aggressjoni li jwasslu għad-​diżapprovazzjoni tiegħu. B’hekk, f’Armageddon, Alla se jesprimi r-​rabja tiegħu u jirranġa t-​tilwim tal-​ġnus darba għal dejjem billi “jwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art.” (Salm 46:9; Isaija 34:2) Tabilħaqq, Armageddon se tkun il-​gwerra li ttemm il-​gwerer kollha.

It-​tmiem tal-​gwerer hu biss waħda mill-​ħafna barkiet tas-​Saltna t’Alla. Ġesù tkellem dwar dan il-​gvern f’din it-​talba magħrufa sew tiegħu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:10) Is-​Saltna t’Alla mhux biss se telimina l-​gwerer kollha, imma se telimina l-​kaġun ewlieni tal-​gwerer, il-​ħażen.a (Salm 37:9, 10, 14, 15) Mhux taʼ b’xejn li s-​segwaċi taʼ Ġesù jħarsu ’l quddiem bil-​ħeġġa għall-​barkiet tas-​Saltna t’Alla.—2 Pietru 3:13.

Nies igawdu l-ħajja flimkien fil-ġenna tal-art

Imma, kemm irridu ndumu nistennew biex is-​Saltna t’Alla ttemm it-​tbatija, il-​moħqrija, u l-​ħażen? It-​twettiq tal-​profeziji Bibliċi jindika li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema. (2 Timotju 3:1-​5)b Dalwaqt, is-​Saltna t’Alla se ġġib dawn l-​aħħar jiem fi tmiemhom bil-​gwerra t’Armageddon.

Bħalma ġie nnotat iżjed kmieni, dawk li jinqerdu f’din l-​aħħar gwerra se jkunu dawk “li ma jobdux l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tessalonikin 1:8) Imma ftakar, Alla ma jieħu pjaċir bil-​mewt taʼ ħadd, inkluż dawk mill-​agħar. (Eżekjel 33:11) Peress li “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered” f’din il-​gwerra tal-​aħħar, hu qiegħed issa jara li l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù qed tiġi “pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha” qabel ma jiġi t-​tmiem. (2 Pietru 3:8, 9; Mattew 24:14; 1 Timotju 2:3, 4) Iva, permezz tax-​xogħol globali tal-​ippritkar tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, in-​nies illum għandhom opportunità biex isiru jafu lil Alla, biex jobdu l-​aħbar tajba dwar Ġesù, u biex jgħixu ħalli jaraw il-​jum meta l-​gwerer ma jkunux iżjed.

a Is-​Saltna t’Alla se telimina wkoll l-​għadu tal-​umanità, il-​mewt. Bħalma hu nnotat fl-​artiklu “Mistoqsijiet dwar il-​Bibbja mweġbin” f’din il-ħarġa, Alla se jirxoxta lil numru bla għadd taʼ nies, inkluż lil ħafna li fil-​passat sfaw vittmi tal-​gwerra.

b Għal iktar informazzjoni dwar l-​aħħar jiem, ara kapitlu 9 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja