LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 1/1 pp. 30-32
  • Twieled Ġesù fil-Borra?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Twieled Ġesù fil-Borra?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Liema Sinjifikat Għal Studenti Tal-​Bibbja?
  • Kalkoli Bbażati Fuq Il-​Bibbja
  • Minn Liema Sors?
  • Jimporta Dan?
  • Ġesù Meta Twieled?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Il-Milied—Huwa Verament Kristjan?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • It-twelid taʼ Ġesù—Fejn u meta?
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • It-Twelid taʼ Ġesù—Fejn u Meta?
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 1/1 pp. 30-32

Twieled Ġesù fil-Borra?

“BORRA Qalila Tipparalizza Lil Ġerusalemm” u “Assedju Taʼ Borra Jixxokkja Lit-​Tramuntana.” Titli bħal dawn f’The Jerusalem Post saru xi ħaġa komuni għal qarrejja f’Iżrael fl-​1992, f’dik li tat prova li kienet waħda mill-​iktar xtiewi qliel taʼ dan is-​seklu.

Sa Jannar il-​quċċata tal-​Muntanja Hermon kienet miksija b’minn 7 sa 12-il metru borra, u x-​xitwa kien għad baqgħalha ġmielha. Mill-​Għoljiet taʼ Golan u mill-​Galilija taʼ Fuq ’l isfel lejn Ġerusalemm u Betlehem fil-​qrib (li jidhru fuq il-​qoxra), saħansitra lejn in-​Nofs in-​Nhar għal ġewwa n-​Negeb, darba wara l-​oħra l-​ħajja u r-​rutina taʼ kuljum taʼ l-​Iżraelin kienu pparalizzati minn viżitatur mimli grazzja u delikat, madankollu potenti. Artiklu wieħed fil-​Jerusalem Post stqarr: “Maltempati qliel bil-​borra rnexxielhom il-​bieraħ jagħmlu dak li xita taʼ Katyusha rockets il-​ġimgħa l-​oħra naqsu li jagħmlu, billi għalqu postijiet fejn kienu joqogħdu n-​nies u billi żammew lir-​residenti imblokkati fi djarhom bla ma setgħu joħorġu.”

Ix-xitwa ħarxa ġabet rovina mhux biss lil dawk li kienu jgħammru fil-​belt. Waslu rapporti dwar mijiet taʼ baqar u għoġġiela, kif ukoll eluf taʼ tiġieġ, li mietu ffriżati hekk kif it-​temperaturi taʼ matul il-​lejl nieżlu taħt iż-​żero. U biex tgħaxxaqha, xita kiesħa bil-​qliel għamlet tagħha. Ġurnata waħda, żewġ ragħajja żgħażagħ, li milli jidher kienu qegħdin jipprovaw b’ħilithom kollha jsalvaw lil xi wħud min-​ngħaġ tagħhom li kienu maqbudin f’kurrent taʼ ilma, sfaw huma nfushom miknusin u mgħarrqin fil-​wied taʼ l-​ilma.

Għalkemm din ma kinetx xi ħaġa tipika tax-​xitwa fil-​Lvant Nofsani, ir-​rivista Iżraeljana Eretz irrapportat: “L-​informazzjoni meterjoloġika li ġiet miġbura u mniżżla bil-​miktub fl-art taʼ Iżrael għal dawn l-​aħħar 130 sena tirrivela li l-​borra f’Ġerusalemm hija fenomenu bil-​wisq iktar komuni milli qatt xi ħadd jistaʼ jistenna . . . Bejn l-​1949 u l-​1980, il-​belt taʼ Ġerusalemm kellha erbgħa u għoxrin xitwa bil-​borra.” Imma huwa dan sempliċement taʼ valur meterjoloġiku u taʼ interess għall-​bniedem, jew għandu xi tifsir partikulari għall-​istudenti tal-​Bibbja?

Liema Sinjifikat Għal Studenti Tal-​Bibbja?

Meta jaħsbu dwar it-​twelid taʼ Ġesù, ħafna nies iġibu quddiem għajnejhom ix-​xena li tant tappella b’mod emozzjonali tal-​maxtura li tant hi komuni fi żmien il-​Milied. Hemm qiegħed Ġesù tarbija, imgeżwer tajjeb u mgħasses minn ommu, bil-​borra li qiegħda tiksi l-​art taʼ madwarhom. Taqbel din l-​opinjoni popolari mad-​deskrizzjoni li l-​Bibbja tagħti dwar din il-​ġrajja storika?

Il-kittieb tal-​Bibbja Luqa jirrakkonta rakkont li huwa ddokumentat bir-​reqqa tat-​twelid taʼ Ġesù: “Kien hemm ukoll f’dak l-​istess pajjiż xi ragħajja li kienu jgħixu barra minn darhom u kienu għassa bil-​lejl mal-​merħliet tagħhom. U f’daqqa waħda kien hemm ħdejhom l-​anġlu taʼ Jehovah, u l-​glorja taʼ Jehovah iddiet madwarhom, u huma bdew jibżgħu ħafna. Imma l-​anġlu qalilhom: ‘Tibżgħux, għax, ħares! qiegħed niddikjara lilkom aħbar tajba taʼ ferħ kbir li n-​nies kollha se jkollhom, għaliex kien hemm imwieled għalihom illum Salvatur, li hu Kristu l-​Mulej, fil-​belt taʼ David [Betlehem]. U dan huwa sinjal għalikom: intom se ssibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.’ U f’daqqa waħda kien hemm maʼ l-​anġlu kotra taʼ l-​armata tas-​sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu: ‘Glorja lil Alla fil-​għoli fuq, u fuq l-​art paċi fost il-​bnedmin taʼ rieda tajba.’”—Luqa 2:8-14.

Li kieku kellek taqra dan ir-​rakkont lil wieħed mill-​Iżraelin illum u tistaqsih liema żmien tas-​sena jistaʼ dan ikun, hu x’aktarx iwieġeb, “Xi żmien bejn April u Ottubru.” Għala? It-​tweġiba hija sempliċi. Minn Novembru sa Marzu hemm l-​istaġun kiesaħ, u bix-​xita f’Iżrael, u l-​25 taʼ Diċembru huwa ċertament fi żmien ix-​xitwa. Ir-​ragħajja ma jkunux qegħdin barra fil-​beraħ, jieħdu ħsieb tal-​merħliet tagħhom fl-​għelieqi bil-​lejl. Billi tikkunsidra r-​rapporti fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, int tistaʼ tifhem għala. Betlehem, fejn twieled Ġesù, tinsab fuq il-​postijiet iktar għoljin u xi ftit mili biss minn Ġerusalemm. Saħansitra fi snin meta t-​temp ma jkunx daqshekk qalil, il-​lejl ikun kiesaħ mhux ħażin hemmhekk matul ix-​xitwa.—Mikea 5:2; Luqa 2:15.

Ħarsa lejn l-​istorja fiż-​żmien meta twieled Ġesù titfaʼ dawl fuq il-​fatt li hu ma twelidx matul il-​borra taʼ Diċembru. Omm Ġesù, Marija, għalkemm kienet fi stat avanzat tat-​tqala, kellha tivvjaġġa minn darha f’Nazzaret sa Betlehem. Hi u Ġużeppi għamlu dan biex jobdu l-​ħtiġijiet taċ-​ċensiment b’digriet tal-​ħakkiem Ruman Ċesri Awgustu. (Luqa 2:1-7) Il-​popolin Lhudi, li kien imgħaddab għall-​ħakma Rumana u għat-​taxxi kbar tagħha, kien diġà f’xifer taʼ rvell. Ruma għala kellha tirritahom bla bżonn billi tesiġi li ħafna jivvjaġġaw biex jiġu rreġistrati f’temp l-​iktar diffiċli u saħansitra l-​iktar skabruż tax-​xitwa? M’huwiex ferm iktar raġonevoli li dan kellu jiġi ordnat għal staġun li hu tajjeb għall-ivvjaġġar, bħalma huma r-​rebbiegħa u l-​ħarifa?

Kalkoli Bbażati Fuq Il-​Bibbja

L-​evidenza storika u fiżika tiskwalifika lil Diċembru, jew lil kwalunkwe xahar xitwi ieħor, milli jaqbel mar-​rakkonti tat-​twelid taʼ Ġesù. Barra minn hekk, il-​Bibbja tirrivela permezz tal-​profezija ż-​żmien tas-​sena li fih twieled Ġesù. Fejn tagħmlu dan?

Fil-ktieb taʼ Danjel, kapitlu 9, insibu waħda mill-​iktar profeziji impressjonanti rigward il-​Messija. Tiddeskrivi kemm il-​miġja tiegħu kif ukoll il-​mod kif kellu jiġi maqtugħ fil-​mewt, li pprovdiet sagrifiċċju bħala rahan biex ipatti għad-​dnub u stabbilixxiet bażi għall-​umanità ubbidjenti sabiex tikseb it-​“tjieba għal żminijiet indefiniti.” (Danjel 9:24-27; qabbel Mattew 20:28.) Skond din il-​profezija, dan kollu kellu jiġi mwettaq f’perijodu taʼ 70 ġimgħa taʼ snin, li bdew fis-​sena 455 Q.E.K., meta ingħata l-​kmand biex Ġerusalemm tinbena mill-​ġdid.a (Neħemija 2:1-11) Mid-​diviżjoni taż-​żmien f’din il-​profezija, jistaʼ jiġi magħruf li l-​Messija kellu jidher fil-​bidu tas-​70 waħda mill-​ġimgħat taʼ snin. Dan ġara meta Ġesù ppreżenta lilu nnifsu għall-​magħmudija fis-​sena 29 E.K., billi uffiċċjalment ta bidu għall-​irwol Messjaniku tiegħu. “F’nofs il-​ġimgħa,” jew wara tliet snin u nofs, il-​Messija kellu jiġi maqtugħ fil-​mewt, biex b’hekk iġib fi tmiem il-​valur tas-​sagrifiċċji kollha taħt il-​patt tal-​Liġi Mosajka.—Ebrej 9:11-15; 10:1-10.

Din il-​profezija tirrivela li t-​tul tal-​ministeru taʼ Ġesù kien tliet snin u nofs. Ġesù miet fil-​Qbiż, taʼ l-​14 taʼ Nisan (skond il-​kalendarju Lhudi), fir-​rebbiegħa tas-​sena 33 E.K. Id-​data ekwivalenti għal dik is-​sena hija l-​1 t’April. (Mattew 26:2) Billi ngħoddu tliet snin u nofs b’lura naslu għall-​magħmudija tiegħu fis-​sena 29 E.K. fil-​bidu t’Ottubru. Luqa jinformana li Ġesù kellu madwar 30 sena fil-​magħmudija tiegħu. (Luqa 3:21-23) Dan ifisser li t-​twelid taʼ Ġesù wkoll kien qrib il-​bidu t’Ottubru. F’armonija mar-​rakkont taʼ Luqa, ir-​ragħajja kienu f’dak iż-​żmien tas-​sena għadhom “barra minn darhom u kienu għassa bil-​lejl mal-​merħliet tagħhom.”—Luqa 2:8.

Minn Liema Sors?

Ladarba l-​evidenza tipponta lejn il-​bidu t’Ottubru bħala ż-​żmien tat-​twelid taʼ Ġesù, dan għala jiġi ċċelebrat fil-​25 taʼ Diċembru? The New Encyclopœdia Britannica turi li din iċ-​ċelebrazzjoni ġiet adottata sekli wara t-​twelid taʼ Ġesù: “Matul ir-​rabaʼ seklu ċ-​ċelebrazzjoni tat-​twelid taʼ Ġesù fil-​25 taʼ Diċembru ġiet adottata gradwalment minn ħafna knejjes tal-​Lvant. F’Ġerusalemm, l-​oppożizzjoni lejn il-​Milied damet iktar, imma maż-​żmien ġiet aċċettata.”

Din id-​drawwa għala ġiet aċċettata tant faċilment minn dawk li jsejħu lilhom infushom Kristjani ħafna sekli wara Kristu? The New Encyclopœdia Britannica tkompli titfaʼ dawl fuq is-​suġġett: “Id-​drawwiet tradizzjonali konnessi mal-​Milied żviluppaw minn bosta sorsi bħala riżultat tal-​koinċidenza taċ-​ċelebrazzjoni tat-​twelid taʼ Kristu maʼ l-​osservanzi agrikoli u solari taʼ nofs ix-​xitwa. Fid-​dinja Rumana s-​Saturnalja (is-17 taʼ Diċembru) kien żmien taʼ xalar u taʼ għoti taʼ rigali lil xulxin. Il-​25 taʼ Diċembru kien ukoll meqjus bħala d-​data tat-​twelid taʼ Mithra, l-​alla tal-​misteri Iranjan, ix-​Xemx tat-​Tjieba.”

Kien dan kollu tabilħaqq “koinċidenza”? Żgur li le! Huwa fatt storiku li fir-​rabaʼ seklu taʼ l-​E.K., taħt l-​Imperatur Kostantinu, l-​Imperu Ruman inbidel b’mod sinjifikanti minn persekutur tal-​Kristjanità għal wieħed li jirriklama lill-​“Kristjanità” bħala reliġjon aċċettata. Hekk kif iktar mill-​popolin inġenerali, li ma kellhom ebda idea tal-​veru sinjifikat tal-​Kristjanità, adottaw din il-​fidi l-​ġdida, huma bdew jiċċelebraw il-​festi pagani tagħhom li kienu familjari magħhom b’titli “Kristjani” ġodda. Liema data setgħet tkun iktar xierqa biex jiġi ċċelebrat it-​twelid taʼ Kristu mill-​25 taʼ Diċembru, li diġà kienet immarkata bħala d-​data tat-​twelid tax-​“Xemx tat-​Tjieba”?

Jimporta Dan?

M’hemmx dubju li l-​ewwel segwaċi taʼ Ġesù, li kienu taʼ oriġini Lhudija, ma ċċelebrawx jum it-​twelid tiegħu. Skond l-​Encyclopaedia Judaica, “iċ-​ċelebrazzjoni taʼ għeluq snin in-​nies m’hijiex magħrufa fir-​ritwal tradizzjonali Lhudi.” Il-​Kristjani bikrin ċertament li ma kinux se jadottaw ċelebrazzjoni bħal din. Minflok ma jiċċelebraw it-​twelid tiegħu, huma kellhom jirrispettaw il-​kmand taʼ Ġesù biex ifakkru l-​mewt tiegħu, li tagħha kellhom id-​data eżatta, jiġifieri, l-​14 taʼ Nisan.—Luqa 22:7, 15, 19, 20; 1 Korintin 11:23-26.

Sekli qabel Kristu, il-​Lhud, li dak iż-​żmien kienu l-​ġens magħżul t’Alla, kienu mwissijin b’mod profetiku dwar it-​tmiem taʼ l-​eżilju tagħhom li kien għad irid jiġi f’Babilonja: “Duru ’l hemm, duru ’l hemm, oħorġu minn hemm, tmissu xejn li mhux nadif; oħorġu minn ġo nofsha, żommu rwieħkom indaf, intom li qegħdin iġġorru l-​għodod taʼ Jehovah.” (Isaija 52:11) Huma kellhom jerġgħu lura lejn art twelidhom biex jistabbilixxu mill-​ġdid il-​qima pura taʼ Jehovah. Lanqas biss kienu joħolmuha li jadottaw drawwiet pagani li ma kinux nodfa u forom taʼ qima li kienu osservaw f’Babilonja.

Mhix sorpriża li dan l-​istess kmand huwa rripetut għall-​Kristjani fit-​2 Korintin 6:14-18. Minflok il-​ġens Lhudi li ċaħad lil Kristu, is-​segwaċi tiegħu saru r-​rappreżentanti tal-​qima pura. Huma kellhom ir-​responsabbiltà li jgħinu lil oħrajn biex joħorġu mid-​dlam spiritwali għal ġod-​dawl tal-​verità. (1 Pietru 2:9, 10) Kif setgħu qatt jagħmlu dan jekk huma ħalltu t-​tagħlim taʼ Kristu maʼ drawwiet u festi taʼ oriġini pagana?

Jappella kemm jappella għall-​gosti popolari, li jiġi ċċelebrat “Milied bil-​Borra” (“White Christmas”) jammonta għal li wieħed ‘imiss il-​ħaġa mhix nadifa.’ (2 Korintin 6:17) Wieħed li verament iħobb lil Alla u lil Kristu jrid jevitah.

Barra mill-​fatt li l-​oriġini tiegħu jinsabu f’ċelebrazzjonijiet pagani, rajna wkoll li l-​Milied ma jirrappreżentax il-​verità, ladarba Ġesù twieled f’Ottubru. Iva, minkejja kwalunkwe xena li wieħed jistaʼ jimmaġina, Ġesù sempliċement ma twelidx fil-​borra. [w93 12/15]

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni iktar sħiħa taʼ din il-​profezija, ara l-​ktejjeb Will There Ever Be a World Without War? paġna 26, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja