Kapitlu 5
It-Twelid taʼ Ġesù—Fejn u Meta?
L-IMPERATUR tal-Imperu Ruman, Ċesri Awgustu, ħareġ digriet li kulħadd irid jerġaʼ lura lejn il-belt fejn twieled biex jiġi rreġistrat. Mela Ġużeppi jivvjaġġa lejn il-post fejn kien twieled hu, il-belt taʼ Betlehem.
Hemm ħafna nies f’Betlehem biex jirreġistraw, u l-uniku post li Ġużeppi u Marija jistgħu jsibu fejn joqogħdu huwa fi stalla. Hawnhekk, fejn jinżammu l-ħmir u annimali oħra, jitwieled Ġesù. Marija tgeżwru f’biċċiet taʼ drapp u tmiddu f’maxtura, il-post fejn jitqiegħed l-ikel għall-annimali.
Żgur li kien fuq id-direzzjoni t’Alla li Ċesri Awgustu għadda l-liġi tiegħu tar-reġistrazzjoni. Din għamlitha possibbli għal Ġesù li jitwieled f’Betlehem, il-belt li l-Iskrittura kienet bassret żmien ilu li kellu jkun il-post fejn jitwieled il-ħakkiem imwiegħed.
Kemm hi lejla importanti din! Barra fl-egħlieqi dawl qawwi jinsab jiddi madwar grupp taʼ ragħajja. Hija l-glorja taʼ Jehovah! U l-anġlu taʼ Jehovah igħidilhom: “Tibżgħux, għax, ħares! qed niddikjara lilkom aħbar tajba taʼ ferħ kbir li n-nies kollha se jkollhom, għaliex kien hemm imwieled għalihom illum Salvatur, li hu Kristu l-Mulej, fil-belt taʼ David. U dan huwa sinjal għalikom: intom se ssibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.” F’daqqa waħda jidhru iktar anġli u jkantaw: “Glorja lil Alla fil-għoli fuq, u fuq l-art paċi fost il-bnedmin taʼ rieda tajba.”
Meta l-anġli jitilqu, ir-ragħajja jgħidu wieħed lill-ieħor: “Ejjew ċertament immorru dritt lejn Betlehem u naraw din il-ħaġa li seħħet, li Jehovah għarrfilna.” Imorru bil-għaġla u jsibu lil Ġesù preċiż fejn l-anġlu kien qalilhom li jsibuh. Meta r-ragħajja jirrakkontaw dak li qalilhom l-anġlu, dawk kollha li jisimgħu jistagħġbu. Marija żżomm u tgħożż dan kollu f’qalbha.
Ħafna nies illum jemmnu li Ġesù twieled fil-25 taʼ Diċembru. Imma Diċembru huwa staġun kiesaħ u bix-xita f’Betlehem. Ir-ragħajja ma kinux ikunu barra fl-egħlieqi matul il-lejl bil-merħliet tagħhom f’dak iż-żmien tas-sena. Ukoll, Ċesri taʼ Ruma ma tantx kien se jesiġi min-nies li diġà kienu lesti li jirvellaw kontra tiegħu biex jagħmlu dak il-vjaġġ fl-eqqel tax-xitwa biex jirreġistraw. Milli jidher Ġesù twieled f’xi żmien fil-bidu tal-ħarifa taʼ dik is-sena. Luqa 2:1-20; Mikea 5:2.
▪ Ġużeppi u Marija għala jivvjaġġaw lejn Betlehem?
▪ Liema ħaġa meraviljuża tiġri fil-lejla taʼ meta jitwieled Ġesù?
▪ Kif nafu li Ġesù ma twelidx fil-25 taʼ Diċembru?