Tfittxija Kontinwa għal Soluzzjonijiet
MILL-BIDUNETT tagħha, l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda kienet tinteressa ruħha fit-tfal u l-problemi tagħhom. Lejn l-aħħar tas-sena 1946, din stabbiliet il-Fond Internazzjonali taʼ Emerġenza tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal (UNICEF) bħala mezz temporanju kif tieħu ħsieb it-tfal f’partijiet imħarbtin bil-gwerer.
Fl-1953 dan il-fond taʼ emerġenza sar organizzazzjoni permanenti. Għalkemm issa huwa magħruf uffiċjalment bħala l-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal, baqaʼ jissejjaħ l-istess fil-qasir, UNICEF. B’hekk, l-organizzazzjoni UNICEF ilha iktar minn nofs seklu tipprovdi ikel, ilbies, u kura medika lit-tfal madwar id-dinja kollha, kif ukoll tipprova tieħu ħsieb il-bżonnijiet ġenerali tat-tfal.
Fl-1959 il-bżonnijiet tat-tfal ngħataw iktar importanza meta l-Ġnus Magħquda aċċettat u bdiet tuża d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal. (Ara l-kaxxa, paġna 5.) Dan id-dokument kien ittamat li jqajjem interess fil-problemi tat-tfal u li kien se jgħin biex dawn jissolvew billi jinkuraġġixxi l-appoġġ mill-pubbliku, sew b’mod finanzjarju u sew b’modi oħrajn.
Imma skond in-1980 Year Book taʼ Collier, għoxrin sena wara, ħafna mill-1.5 elf miljun tifel u tifla madwar id-dinja kienu għadhom ma bdewx igawdu wisq minn dawn id-drittijiet. Dan kien qed jirreferi b’mod speċjali għal drittijiet li għandhom x’jaqsmu maʼ l-ikel, is-saħħa, u bżonnijiet materjali. Mela billi l-Ġnus Magħquda għarfet li kien għad hemm il-bżonn li jissolvew il-problemi tat-tfal u fi qbil maʼ l-għanijiet li tgħid li għandha, din għażlet is-sena 1979 bħala s-Sena Internazzjonali tat-Tfal. Mad-dinja kollha, gruppi governattivi, pubbliċi, reliġjużi, u tal-karità, irreaġixxew tajjeb u malajr biex jibdew ifittxu s-soluzzjonijiet.
Kienet Biss “Ċajta Goffa”?
B’dispjaċir ngħidu li skond rapport taʼ l-UNICEF, matul is-Sena Internazzjonali tat-Tfal, it-tfal fi ġnus li qed jiżviluppaw ma marrux tajjeb. Fl-aħħar tas-sena, xi 200 miljun tifel u tifla kienu għadhom mhux qed jiġu mitmugħin sew, u mill-15-il miljun tifel u tifla taʼ taħt il-ħames snin li mietu, nofshom mietu minħabba dan il-malnutriment. Mill-100 tifel u tifla li twieldu kull minuta matul dik is-sena f’dawk il-pajjiżi, 15 minnhom kienu mietu qabel ma laħqu għalqu sena. Kien hemm inqas minn 40 fil-mija li spiċċaw l-iskola primarja. Editorjal fil-gazzetta Indian Express, waqt li kkummenta dwar ir-rapport taʼ l-UNICEF, ilmenta li s-Sena tat-Tfal spiċċat biex kienet “ċajta goffa.”
Xi wħud indunaw li ma kinitx se tirnexxi. Per eżempju, fil-bidunett taʼ dik is-sena, Fabrizio Dentice kiteb fir-rivista L’Espresso: “Hemm bżonn iktar mis-Sena tat-Tfal biex titranġa s-sitwazzjoni.” Ir-rivista kkummentat: “L-istil taʼ ħajja tal-lum jagħmilna kif aħna, u dan hu dak li jinħtieġ jinbidel.”
Hekk kif kienet għaddejja t-tfittxija għal soluzzjonijiet għall-problemi tat-tfal, f’Settembru 1990 saret konferenza dinjija fil-kwartieri tal-Ġnus Magħquda. Kienet waħda mill-akbar laqgħat bejn il-mexxejja tad-dinja li qatt saret. Għaliha attendew iktar minn 70 mexxej governattiv. Din il-laqgħa kienet tkompli mal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal li ġiet aċċettata fl-20 taʼ Novembru, 1989, u bdiet tintuża mit-2 taʼ Settembru, 1990. Sa tmiem dak ix-xahar, il-ftehim kien diġà ġie approvat minn 39 nazzjon.
L-UNICEF dan l-aħħar innotat li l-Konvenzjoni malajr saret it-trattat dwar id-drittijiet umani li l-iktar aċċettawh ġnus. Permezz tiegħu ġew inkuraġġiti li jittieħdu iktar azzjonijiet favur it-tfal. Fil-fatt, sa Novembru 1999, kien hemm 191 nazzjon li kien aċċetta l-Konvenzjoni. L-UNICEF ftaħret: “Sar iktar progress fit-twettiq u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal fl-għaxar snin taʼ wara li ġiet adottata l-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal milli fi kwalunkwe perijodu ieħor fl-istorja tal-bniedem li jistaʼ jitqabbel magħhom.”
Minkejja dan il-progress, il-President Ġermaniż Johannes Rau ġie mqanqal jgħid: “Ħasra li fi żmienna għadna rridu niġu mfakkrin li t-tfal għandhom drittijiet.” Jew li niġu mfakkrin li għad għandhom problemi serji! F’Novembru 1999 l-UNICEF ammettiet li “għad fadal ħafna x’isir,” u spjegat: “Mal-globu huwa stmat li 12-il miljun tifel u tifla taħt l-età taʼ ħames snin imutu kull sena, fil-biċċa l-kbira minn kawżi li jistgħu jiġu evitati faċilment. Xi 130 miljun tifel u tifla f’pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jattendux l-iskola primarja . . . Madwar 160 miljun tifel u tifla huma malnutriti ħafna jew malnutriti mhux ħażin. . . . Ħafna tfal li ħadd ma jridhom jinsabu mitluqin fl-orfanatrofji u f’istituzzjonijiet oħrajn, u mċaħħdin mill-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa xierqa. Dawn it-tfal taʼ spiss jiġu abbużati fiżikament. Huwa stmat li 250 miljun tifel u tifla jieħdu sehem f’xi tip taʼ xogħol.” Issemmew ukoll is-600 miljun tifel u tifla li jgħixu f’faqar estrem u t-13-il miljun li se jkunu tilfu minn taʼ l-inqas ġenitur wieħed minħabba l-AIDS sa tmiem l-2000.
Il-mexxejja politiċi donnhom ma jistgħux isibu soluzzjonijiet sodisfaċenti għal dawn il-problemi. Madankollu, il-problemi tat-tfal ma jinstabux biss f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fi ġnus tal-Punent ħafna tfal ibatu minn nuqqas taʼ affarijiet oħra.
[Kumment f’paġna 4]
“Ħasra li fi żmienna għadna rridu niġu mfakkrin li t-tfal għandhom drittijiet”
[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]
Id-Dikjarazzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tat-Tfal:
● Id-dritt għal isem u nazzjonalità.
● Id-dritt għall-affezzjoni, l-imħabba, u l-mogħdrija u għal sigurtà materjali.
● Id-dritt għal nutriment xieraq, post xieraq fejn joqogħdu, u servizzi mediċi xierqa.
● Id-dritt għal kura speċjali jekk ikunu diżabilitati, sew jekk fiżikament, mentalment, jew soċjalment.
● Id-dritt li jkunu minn taʼ l-ewwel li jirċievu ħarsien u għajnuna f’kull ċirkustanza.
● Id-dritt li jiġu mħarsin kontra kull forma taʼ traskuraġni, krudeltà, u abbuż.
● Id-dritt għal opportunità sħiħa għal-logħob u r-rikreazzjoni, u opportunità ugwali għal edukazzjoni bla ħlas u obbligatorja, biex it-tfal ikunu jistgħu jiżviluppaw l-abbiltajiet individwali tagħhom u jsiru membri utli fis-soċjetà.
● Id-dritt li jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom f’kundizzjonijiet taʼ ħelsien u dinjità.
● Id-dritt li jitrabbew fi spirtu taʼ mogħdrija, tolleranza, ħbiberija fost il-popli, paċi, u fratellanza universali.
● Id-dritt li jgawdu dawn id-drittijiet minkejja r-razza, il-kulur, is-sess, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew taʼ tip ieħor, l-oriġini nazzjonali jew soċjali, u l-kundizzjoni ekonomika, tat-twelid, jew kundizzjonijiet oħra.
[Sors]
Sommarju bbażat fuq Everyman’s United Nations
[Sors tal-istampa f’paġna 3]
UN PHOTO 148038/Jean Pierre Laffont▼
UN photo
[Sors tal-istampi f’paġna 4]
Ritratti f’paġni 4 u 5 Giacomo Pirozzi/Panos Pictures