Nissalvagwardjaw Saħħet It-tfal
RAPPORT riċenti mill-Fond Tal-Ġnus Magħquda Għat-Tfal (UNICEF), The Progress of Nations (Il-Progress tal-Ġnus), juri titjib sinjifikanti fil-kundizzjonijiet tas-saħħa għat-tfal f’ħafna artijiet. Permezz taʼ l-isforzi magħqudin taʼ gvernijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali, ir-rati taʼ mwiet għat-tfal taħt il-ħames snin tbaxxew f’għadd taʼ pajjiżi. Minkejja dan, The Progress of Nations juri wkoll li kull sena miljuni taʼ ħajjiet żgħar oħrajn jistgħu jiġu salvati b’metodi sempliċi u li ma jiswewx ħafna, speċjalment f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Ġenituri f’dawn l-artijiet u f’postijiet oħrajn għandhom mnejn isibu t’għajnuna dawn ir-rakkomandazzjonijiet li kien hemm fir-rapport.
Treddigħ. “It-treddigħ huwa l-aqwa bidu possibbli lejn saħħa u nutriment tajbin,” jirrikmanda r-rapport. Skond l-Organizzazzjoni Dinjija Tas-Saħħa (WHO), “’il fuq minn miljun ħajja tat-tfal jistgħu jiġu salvati kull sena jekk it-trabi kollha jiġu mreddgħin esklussivament għal madwar l-ewwel sitt xhur.” Peress li l-isptarijiet u s-swali tal-maternità jistabbilixxu eżempju qawwi, l-UNICEF u l-WHO qegħdin jippromwovu “inizjattiva fl-isptar dwar l-interess fit-trabi.” L-objettiv tagħhom huwa li jimmotivaw lill-isptarijiet biex jagħtu appoġġ u parir xieraq lill-ommijiet tat-trabi tat-twelid rigward it-treddigħ.
L-iġjene u l-ilma nadif. “In-numru taʼ ħajjiet imkaxkra mill-mard jistaʼ jitnaqqas drastikament billi jintuża ilma nadif, bl-użu taʼ latrini, billi jinħaslu l-idejn qabel jintmess l-ikel, u billi l-ikel jiġi ppreparat u merfugħ b’attenzjoni,” jistqarr ir-rapport. Għalkemm f’ħafna komunitajiet huwa meħtieġ sforz kbir biex jinkiseb biżżejjed minnu, l-ilma nadif huwa indispensabbli għas-saħħa tat-tfal u tal-familja.
Nutriment. Supplimenti tal-vitamina A jistgħu jiskansaw daqs tliet miljun tifel u tifla mill-mewt kull sena, skond ir-rapport. Is-soluzzjoni għall-problema hija disponibbli u ma tiswiex ħafna, jgħid ir-rapport, u tistaʼ tiġi rrealizzata b’titjib fid-dieti, b’ikel sustanzjuż, jew billi jitqassmu kapsuli tal-vitamina A. It-tqassim perjodikament taʼ kapsuli tal-vitamina A li jqumu biss żewġ ċenteżmi Amerikani, lil tfal żgħar diġà qed jintwera li huwa effettiv f’artijiet fejn in-nuqqas tal-vitamina A huwa komuni. Ikel bħall-papaja, mangoes, karrotti, ħxejjex bil-weraq aħdar, u bajd huwa rrikmandat ukoll.
Oral Rehydration Therapy (Terapija orali biex il-ġisem jerġaʼ jiġi fornut bl-ilma). L-UNICEF tgħid li nofs l-imwiet annwali tat-tfal ikkaġunati mid-dijaréa jistgħu jiġu skansati bil-għajnuna taʼ taħlitiet li ma jiswewx ħafna u li huma faċli biex tippreparahom, taʼ ilma nadif, melħ, u zokkor jew trab tar-ross.a Il-ġenituri għandhom ukoll jibqgħu jagħtuh l-ikel lit-tifel. Huwa stmat li, diġà, miljun ħajja kull sena qed tiġi salvata b’dawn il-mezzi.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iżjed informazzjoni dwar kif tissalvagwardja s-saħħa tat-tfal tiegħek, jekk jogħġbok ara l-Awake! tat-8 t’April, 1995, paġni 3-14.
[Sors tal-Istampa fʼpaġna 30]
WHO