LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 12/8 pp. 6-9
  • It-Tfal Jistħoqqilhom li Jħossuhom Mixtiqin u Maħbubin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Tfal Jistħoqqilhom li Jħossuhom Mixtiqin u Maħbubin
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tfal Jiġu Trattati Ħażin b’Diversi Modi
  • Dawk li Jixirqilhom Attenzjoni Speċjali
  • Ir-​Raħal SOS tat-​Tfal
  • It-​Tfittxija għal Soluzzjoni Ideali Tkompli Għaddejja
  • Ħarreġ lit-​Tfal Tiegħek mill-​Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Għallem lil Uliedek Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Is-Soluzzjoni sa fl-Aħħar!
    Stenbaħ!—2000
  • Tistaʼ l-Bibbja Tgħinek Tħarreġ lil Uliedek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 12/8 pp. 6-9

It-​Tfal Jistħoqqilhom li Jħossuhom Mixtiqin u Maħbubin

“AGĦTI ftit imħabba lil tifel, u se tieħu ħafna lura.” Hekk kiteb John Ruskin, kittieb u kritiku Ingliż tas-​seklu 19. X’aktarx li l-​biċċa l-​kbira tal-​ġenituri hekk iħossuhom. Huma jafu li jekk iħobbu lil uliedhom se jkun jaqblilhom, mhux biss għax se jirċievu l-​imħabba lura imma, iktar importanti, minħabba l-​effett pożittiv li din l-​imħabba se tħalli fuq it-​tfal.

Per eżempju, il-​ktieb Love and Its Place in Nature osserva li mingħajr imħabba “it-​tfal għandhom it-​tendenza li jmutu.” U Ashley Montagu, antropologu famuż imwieled fil-​Britannja, saħansitra qal: “It-​tifel li ma ntweriex imħabba huwa differenti ħafna bijokimikament, fiżjoloġikament, u psikoloġikament minn dak li ntwera mħabba. Taʼ l-​ewwel saħansitra jikber differenti minn taʼ l-​aħħar.”

Il-gazzetta Toronto Star irrapportat fuq studju li wasal għal konklużjonijiet simili. Qalet li t-​tfal li jitrabbew mingħajr ma jiġu mgħannqin u mmellsin regolarment ikollhom livelli t’ormoni taʼ l-​istress għoljin iktar min-​normal. Fil-​fatt, jekk matul l-​infanzja tagħhom it-​tfal jiġu traskurati fiżikament, dan jistaʼ jeffettwalhom serjament u fit-​tul il-​kapaċità tagħhom li jitgħallmu u jiftakru.

Dawn l-​iskoperti jenfasizzaw il-​bżonn li l-​ġenituri jkunu preżenti fiżikament. Inkella, kif jistgħu jiżviluppaw rabtiet sodi bejn il-​ġenituri u t-​tfal? Imma x’ħasra li anki f’partijiet sinjuri tad-​dinja, issa sar hemm it-​tendenza li l-​bżonnijiet tat-​tfal jintlaħqu mingħajr ma jiġu involuti l-​ġenituri. It-​tfal jintbagħtu l-​iskola, jintbagħtu d-​duttrina, jintbagħtu jaħdmu, jintbagħtu xi safra maʼ taʼ l-​iskola fis-​sajf, u jingħataw il-​flus biex imorru f’postijiet taʼ rikreazzjoni. Meta jiġu mbegħdin mill-​qalba tal-​familja, miljuni taʼ tfal b’mod naturali jibdew iħossuhom—anki jekk sempliċement fis-​subkonxju tagħhom—traskurati, mhux mixtiqin, u mhux maħbubin. Dawn iħossuhom li qed jgħixu f’dinja kiefra tal-​kbar. Il-​fatt li ħafna tfal iħossuhom hekk jistaʼ jkun raġuni waħda għala hemm xi 3,000 tifel u tifla, li huma stmati li jiġġerrew fit-​toroq taʼ Berlin. Micha, li huwa eżempju tipiku, qal: “Ħadd ma riedni iktar.” Tifel Ġermaniż taʼ disaʼ snin bl-​istess mod ilmenta: “Nippreferi nkun il-​kelb tagħna.”

It-​Tfal Jiġu Trattati Ħażin b’Diversi Modi

Mod wieħed kif it-​tfal jiġu trattati ħażin huwa meta jiġu traskurati. Meta xi ħadd jittraskura lit-​tfal ikun qed juri, bħalma tgħid il-​Bibbja, li hu “bla mħabba,” jew affezzjoni naturali. (Rumani 1:31; 2 Timotju 3:3) Din il-​ħaġa tistaʼ twassal għal modi iktar kiefra taʼ kif it-​tfal jiġu trattati ħażin. Per eżempju, minn mindu kien hemm is-​Sena Internazzjonali tat-​Tfal fl-​1979, ngħatat iktar attenzjoni lejn il-​problemi taʼ trattament ħażin fiżiku u l-​abbuż sesswali tat-​tfal. M’għandniex xi ngħidu, diffiċli li jkun hemm statistiċi preċiżi, u dawn ivarjaw minn post għall-​ieħor. Imma m’hemmx dubju li meta t-​tfal jiġu abbużati sesswalment, il-​feriti li jibqgħu jġorru magħhom meta jikbru huma diffiċli biex ifiqu.

Ikun x’ikun il-​mod kif it-​tfal jiġu trattati ħażin, dan jagħtihom x’jifhmu li ħadd ma jħobbhom u ħadd ma jridhom. U din il-​problema milli jidher qegħda tikber. Skond il-​gazzetta Ġermaniża Die Welt, iktar u iktar tfal qed jikbru u jsiru wħud dgħajfin fis-​soċjetà. Din iżżid tgħid li dawn it-​tfal huma neqsin mill-​atmosfera taʼ mħabba fid-​dar. Tkompli tgħid li skond Gerd Romeike, id-​direttur taʼ ċentru taʼ gwida għat-​tfal f’Ħamburg, ir-​rabta emozzjonali taʼ bejn il-​ġenituri u t-​tfal qed tiddgħajjef, jew ma teżistix. Tfal bħal dawn iħossuhom traskurati, u ma jsibux is-​sigurtà li tant ikunu jixtiequ.

It-tfal li jiċċaħħdu mid-​dritt li jkunu mixtiqin u maħbubin jistgħu jibqgħu jżommu f’qalbhom. Imbagħad jisfogaw fuq dawk li jkunu traskurawhom jew jistaʼ jkun fuq is-​soċjetà kollha kemm hi. Minn taʼ l-​inqas għaxar snin ilu, rapport maħruġ minn grupp Kanadiż wera kemm kien hemm bżonn li ssir xi ħaġa mill-​iktar fis possibbli biex ma tintilifx ġenerazzjoni sħiħa taʼ tfal “li jaħsbu li s-​soċjetà ma jimpurtahiex minnhom.”

Żgħażagħ u tfal li jħossu li ħadd ma jħobbhom u jridhom, jistaʼ jkollhom it-​tentazzjoni li jaħarbu mid-​dar biex jevitaw il-​problemi tagħhom. Imma meta jagħmlu dan isibu biss problemi akbar fil-​bliet impestati bil-​kriminalità, drogi, u immoralità. Fil-​fatt, iktar minn 20 sena ilu, il-​pulizija stmat li f’belt kbira waħda biss fl-​Istati Uniti, kien hemm 20,000 tifel u tifla taħt is-​16-il sena li kienu qed jgħixu fit-​toroq. Dawn ġew deskritti bħala l-​prodott li rriżulta minn familji mkissrin u minn kattiveriji li taʼ spiss isiru minn ġenituri li jiddependu mill-​alkoħol jew id-​drogi. Dawn it-​tfal jibdew jiġġerrew fit-​toroq, jużaw ġisimhom biex jaqilgħu l-​għajxien tagħhom bħala prostituti, u mbagħad jiġu msawtin minn dawk li jqabbduhom fil-​prostituzzjoni. B’hekk jispiċċaw mingħajr ebda rispett lejhom infushom, u jgħixu bil-​biżaʼ li jekk jipprovaw jinqatgħu minn dan it-​tip taʼ ħajja xi ħadd se jpattihielhom bl-​ikrah. B’dispjaċir ngħidu li għalkemm saru sforzi sinċieri biex din is-​sitwazzjoni kerha tinbidel, xorta waħda għadha teżisti.

It-tfal li jikbru fiċ-​ċirkustanzi li ddeskrivejna hawn fuq, meta jikbru jsiru adulti żbilanċjati, u taʼ spiss jiġri li meta jkollhom it-​tfal ma jkunux jafu jrabbuhom kif jixraq. Billi huma nfushom iħossu li ħadd ma jħobbhom u jridhom, iktar ’il quddiem ikollhom tfal l-​istess bħalhom, tfal li wkoll iħossu li ħadd ma jħobbhom u jridhom. Politikant Ġermaniż qal bla ma qagħad idur mal-​lewża: “It-​tfal bla mħabba jsiru adulti kollhom mibegħda.”

M’għandniex xi ngħidu, miljuni taʼ ġenituri qed jagħmlu l-​aħjar li jistgħu biex ikunu ċerti li wliedhom ikunu jafu li jriduhom u jħobbuhom. Dan mhux biss jgħiduh bil-​kliem imma wkoll juruh billi jieħdu ħsieb uliedhom b’imħabba u jagħtuhom attenzjoni persunali. It-​tfal kollha jistħoqqilhom dan. Imma xorta jibqaʼ jkun hemm problemi. Dawn huma problemi li ovvjament il-​ġenituri waħedhom ma jkunux jistgħu jsolvu. Per eżempju, f’xi nħawi fid-​dinja, is-​sistemi imperfetti tal-​bniedem li għandhom x’jaqsmu maʼ l-​ekonomija u l-​politika jonqsu li lit-​tfal jipprovdulhom kura tas-​saħħa xierqa, edukazzjoni addattata, u ikel biżżejjed. Jonqsu wkoll li jipproteġuhom mis-​saħta tax-​xogħol mit-​tfal, u minn kundizzjonijiet t’għajxien mistkerrha. U jkollna ngħidu li taʼ spiss dawn il-​kundizzjonijiet jeħżienu minħabba nies adulti li huma rgħiba, korrotti, egoisti, u li ma jimpurtahom minn ħadd.

Kofi Annan, is-​segretarju-ġenerali tal-​Ġnus Magħquda, semma xi ftit mill-​problemi kbar li jiffaċċjaw it-​tfal illum. Dan qal li miljuni taʼ tfal ikomplu jissaportu l-​miżerja kbira tal-​faqar, mijiet t’eluf ibatu mill-​effetti li jħalli l-​ġlied u t-​taħwid ekonomiku, għaxriet t’eluf jiġu mmankati fil-​gwerer, u ħafna iktar imutu jew jispiċċaw orfni minħabba l-​HIV/AIDS.

Imma mhux l-​aħbarijiet kollha huma koroh! L-​aġenziji tal-​Ġnus Magħquda, bħall-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għat-​Tfal (UNICEF) u l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa, ħadmu iebes biex itejbu l-​qagħda tat-​tfal. Annan innota: “Hemm iktar tfal li qegħdin jitwieldu f’saħħithom u jiġu mlaqqmin; hemm iktar li jafu jaqraw u jiktbu; hemm iktar li għandhom il-​libertà li jitgħallmu, jilagħbu u sempliċement jgħixu bħala tfal milli kien maħsub li setaʼ jkun possibbli anki s’għaxar snin ilu biss.” Xorta waħda hu wissa: “Dan m’huwiex il-​waqt li nħarsu lejn dak li wettaqna fil-​passat.”

Dawk li Jixirqilhom Attenzjoni Speċjali

Ċerti tfal jixirqilhom attenzjoni speċjali. Fil-​bidu tas-​snin 60, fid-​dinja nstemgħu rapporti tal-​biżaʼ minn iktar minn 12-il pajjiż, li kienu twieldu eluf taʼ trabi msejħin tfal tat-​thalidomide. Meta n-​nisa tqal kienu jieħdu t-​thalidomide, li kienet kalmant u pillola taʼ l-​irqad, wieħed mill-​effetti koroh tagħha u li ħadd ma kien qed jistenna kien li dawn in-​nisa bdew ikollhom tfal b’riġlejn u dirgħajn mixrubin jew saħansitra kienu jitwieldu mingħajrhom. Riġlejhom u dirgħajhom taʼ spiss kienu jkunu qishom saqajn tal-​papri.

Erbgħin sena wara l-​iktar affarijiet li x’aktarx jimmankaw lit-​tfal huma l-​mini splussivi.a Xi wħud jikkalkulaw li hemm mas-​60 sal-​110 miljun mina attiva mxerrdin mad-​dinja. Kull sena xi 26,000 ruħ jinqatlu jew jiġu mmankati, u dan jinkludi lil ħafna tfal. Mill-​1997 ’l hawn, minn mindu Jody Williams rebħet il-​Premju Nobel għall-​Paċi minħabba l-​kampanja li għamlet kontra l-​mini splussivi, ngħatat attenzjoni kbira lil din il-​problema. Imma l-​mini għadhom jitqegħdu fl-​art. Politikant Ġermaniż qal hekk meta kien qed jitkellem dwar l-​isforzi biex il-​mini splussivi jitneħħew għalkollox mid-​dinja: “Qisu bħal meta tipprova tiżvojta banju b’kuċċarina waqt li l-​vit taʼ l-​ilma jkun miftuħ.”

Grupp ieħor li għandu bżonn attenzjoni speċjali huwa dak tat-​tfal li ġew imċaħħdin mill-​ġenituri tagħhom. L-​iskop t’Alla Jehovah, il-​Ħallieq tal-​bniedem, kien li t-​tfal jikbru hekk kif kemm ommhom u kemm missierhom jagħtuhom attenzjoni kollha mħabba. It-​tfal għandhom bżonn u jistħoqqilhom li jkollhom dan il-​bilanċ fejn jidħol l-​irwol tal-​ġenituri.

L-orfanatrofji u l-​aġenziji taʼ l-​adozzjoni jipprovaw jilħqu l-​bżonnijiet taʼ tfal li ma jkollhom l-​ebda wieħed mill-​ġenituri. Madankollu, jiddispjaċina ngħidu li xi wħud mit-​tfal inqas privileġġati u li l-​iktar għandhom bżonn li jiġu adottati huma dawk l-​uħud li taʼ spiss jiġu injorati—dawk morda, dawk li għandhom problemi biex jitgħallmu, u dawk li huma diżabilitati fiżikament, jew li l-​ġenituri tagħhom kienu barranin.

Ġew stabbiliti diversi organizzazzjonijiet li jinkuraġġixxu lin-​nies jikkontribwixxu l-​flus fuq bażi regulari, u b’hekk ikunu qed “jadottaw” lil xi tifel jew tifla li jgħixu f’pajjiż inqas sinjur. Il-​flus li jingħataw jintużaw għall-​edukazzjoni taʼ dawn it-​tfal u biex jipprovdulhom il-​bżonnijiet tal-​ħajja. Jekk min jagħti d-​donazzjonijiet ikun jixtieq, jistaʼ jibgħat u jirċievi ritratti u ittri sabiex isaħħaħ ir-​relazzjoni. Għalkemm l-​arranġament huwa t’għajnuna, dan ma jsolvix il-​problema.

Eżempju interessanti ieħor taʼ dak li qed isir biex jgħin lil tfal bla ġenituri huwa moviment li fl-​1999 iċċelebra l-​ħamsin sena li ilu attiv.

Ir-​Raħal SOS tat-​Tfal

Fl-​1949, Hermann Gmeiner waqqaf f’Imst ġewwa l-​Awstrija dak li hu sejjaħlu r-​Raħal SOS tat-​Tfal. Minn dan il-​bidu żgħir, l-​organizzazzjoni tiegħu issa kibret ġmielha u saret tinkludi kważi 1,500 raħal u istituzzjoni simili li jinsabu f’131 pajjiż fl-​Afrika, l-​Amerika, l-​Asja, u l-​Ewropa.

Gmeiner ibbaża din l-​organizzazzjoni fuq erbaʼ prinċipji li jservu taʼ gwida—l-​omm, l-​aħwa, id-​dar, u r-​raħal. F’kull grupp, ikun hemm “omm” li tifforma l-​bażi taʼ “familja” taʼ xi ħames jew sitt itfal u forsi iktar. Hi tgħix magħhom u tipprova turihom l-​imħabba u tagħtihom l-​attenzjoni kif suppost tagħmel omm taʼ veru. It-​tfal jibqgħu flimkien fl-​istess “familja” u maʼ l-​istess “omm” sakemm jasal iż-​żmien li jkollhom jitilqu mid-​“dar.” Fil-​“familja” jkun hemm tfal t’etajiet differenti. Billi jkollhom kemm “aħwa” akbar u kemm iżgħar minnhom, it-​tfal jitgħallmu jieħdu ħsieb xulxin, u dan jgħallimhom ma jaħsbux biss fihom infushom. Isir kull sforz biex it-​tfal jidħlu fil-​“familja” meta jkunu għadhom żgħar ħafna. Aħwa veri dejjem jinżammu flimkien fl-​istess “familja.”

L-irħula huma magħmulin minn madwar 15-il “familja,” u kull waħda minnhom tgħix fid-​dar tagħha. It-​tfal kollha huma mħarrġin biex jgħinu lil “ommhom” billi jagħmlu xi xogħol bżonnjuż fid-​dar. Għalkemm jistaʼ jkun li ma jkollhomx missier, ikun hemm raġel li jagħti l-​appoġġ tiegħu billi jagħti pariri bħalma jagħmel missier u d-​dixxiplina li jkun hemm bżonn. It-​tfal jattendu l-​iskola lokali. Kull “familja” tirċievi paga fissa kull xahar biex tkopri l-​ispejjeż. L-​ikel u l-​ilbies jinxtraw lokalment. L-​għan hu li t-​tfal isiru jafu kif tkun is-​soltu ħajja tal-​familja, bil-​problemi u l-​ferħ li ġġib magħha, u b’hekk ikun jistaʼ jkollhom ħajja normali kemm jistaʼ jkun. Dan jippreparahom biex ikun jistaʼ jkollhom familji tagħhom stess meta jikbru.

It-​Tfittxija għal Soluzzjoni Ideali Tkompli Għaddejja

L-​aġenziji taʼ l-​adozzjoni, l-​orfanatrofji, l-​Irħula SOS tat-​Tfal, l-​UNICEF, u organizzazzjonijiet u gruppi bħal dawn iwettqu opri tajbin meta jipprovaw jagħtu l-​għajnuna lil tfal inqas privileġġati. Imma l-​ebda waħda minn dawn l-​organizzazzjonijiet ma tistaʼ tiċħad il-​fatt li xi nies huma tassew inqas privileġġati. Għalkemm jixtiequ, dawn ma jistgħux jagħtu lil tifel zopp saqajn ġodda, iħaddmu l-​moħħ taʼ tifel diżabilitat mentalment, jgħaqqdu mill-​ġdid lil tifel mal-​ġenituri separati jew divorzjati, jew jerġgħu jħaddnuh maʼ xi ġenitur li jkun miet.

Jipprovaw kemm jipprovaw, il-​bnedmin sempliċement ma jistgħux jipprovdu s-​soluzzjoni perfetta għall-​problemi tat-​tfal. Imma dawn żgur se jissolvew! Iva, u forsi ħafna qabel milli qed tistenna. Imma kif?

[Nota taʼ taħt]

a Ara s-​serje “Land Mines​—What Can Be Done?” (Il-Mini Splussivi—X’Jistaʼ Jsir?) li dehret fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​8 taʼ Mejju, 2000.

[Stampi f’paġna 8, 9]

It-​tfal għandhom bżonn u jistħoqqilhom l-​imħabba taż-​żewġ ġenituri

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja