LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 8/15 pp. 27-31
  • Nistgħu Nibbenefikaw Billi Nissaportu t-Tbatija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nistgħu Nibbenefikaw Billi Nissaportu t-Tbatija
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tibda t-​Tbatija
  • Ġeħova Biss Għandu d-​Dritt li Jaħkem
  • Ibbenefika mit-​Tbatija
  • L-​Hena taʼ Dawk bit-​Tama għall-​Art
  • Ġeħova Se Jippremja
  • Faraġ għal Dawk li Jsofru
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • It-Tbatija Kollha Dalwaqt Se Tispiċċa!
    It-Tbatija Kollha Dalwaqt se Tispiċċa!
  • Iż-Żmien Meta Alla Mhux Se Jippermetti Iktar is-Sofferenza Qed Joqrob
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 8/15 pp. 27-31

Nistgħu Nibbenefikaw Billi Nissaportu t-​Tbatija

“Niddikjaraw henjin lil dawk li ssaportew.”—ĠAKBU 5:11.

1, 2. X’juri li Ġeħova ma riedx li l-​bniedem ibati?

EBDA individwu normali ma jrid ibati; lanqas il-​Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, ma jrid li l-​bnedmin ibatu. Dan nistgħu narawh meta neżaminaw il-​Kelma ispirata tiegħu u ninnotaw x’seħħ wara li ħalaq ir-​raġel u l-​mara. L-​ewwel, Alla għamel lir-​raġel. “Il-​Mulej Alla sawwar il-​bniedem mit-​trab taʼ l-​art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-​ħajja, u l-​bniedem sar ħlejqa ħajja.” (Ġenesi 2:7) Adam kellu ġisem u moħħ perfett, u ma kellux għalfejn jimrad jew imut.

2 Xi ngħidu għall-​kundizzjonijiet li kien jgħix fihom Adam? “Il-​Mulej Alla ħawwel ġnien fl-​Għeden, in-​naħa tal-​lvant, u qiegħed hemm il-​bniedem li kien sawwar. U l-​Mulej Alla nibbet mill-​art is-​siġar kollha li jpaxxu l-​għajn u bnina għall-​ikel.” (Ġenesi 2:​8, 9) Iva, Adam kellu dar meraviljuża. Ma kienx hemm tbatija fl-​Għeden.

3. Liema prospetti kellha l-​ewwel koppja umana?

3 Ġenesi 2:18 jgħidilna: “Il-​Mulej Alla qal: ‘M’hux sewwa li l-​bniedem jibqaʼ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.’” Ġeħova ħalaq mara perfetta għal Adam, u għamillu possibbli l-​prospett taʼ ħajja tal-​familja ferħana. (Ġenesi 2:​21-23) Il-​Bibbja tkompli tgħidilna: “Berikhom Alla u qalilhom: ‘Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha.’” (Ġenesi 1:28) L-​ewwel koppja umana kien se jkollhom il-​privileġġ meraviljuż li jkabbru l-​Ġenna taʼ l-​art taʼ l-​Għeden sakemm, maż-​żmien, din kienet se tkopri l-​art kollha, u b’hekk issir ġenna globali. U huma kellhom jipproduċu nisel hieni, li kien se jkun ħieles mit-​tbatija. X’bidu meraviljuż!—Ġenesi 1:31.

Tibda t-​Tbatija

4. Meta nħarsu lejn l-​istorja, x’jidher ċar dwar l-​umanità?

4 Madankollu, meta nħarsu lejn il-​kundizzjoni tal-​familja umana matul l-​istorja, jidher ċar li xi ħaġa marret tassew ħażin. Seħħew affarijiet ħżiena, u l-​familja umana batiet bil-​kbir. Matul is-​sekli, id-​dixxendenti kollha taʼ Adam u Eva mardu, xjaħu, u maż-​żmien mietu. Id-​dinja żgur li m’hijiex ġenna taʼ l-​art mimlija b’nies henjin. Is-​sitwazzjoni hija deskritta bir-​reqqa f’Rumani 8:22: “S’issa l-​ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-​uġigħ flimkien.”

5. L-​ewwel ġenituri tagħna kif kienu involuti f’li jintroduċu t-​tbatija lill-​familja umana?

5 M’għandniex inwaħħlu f’Ġeħova għat-​tbatija kbira li eżistiet għal daqshekk żmien. (2 Samwel 22:31) Ftit mit-​tort irid jingħata lill-​bnedmin. “Tħassru l-​bnedmin, għamlu ħwejjeġ taʼ min jistmellhom.” (Salm 14:1) L-​ewwel ġenituri tagħna ngħataw kollox tajjeb fil-​bidu. Kulma kien meħtieġ biex kollox jibqaʼ tajjeb kienet l-​ubbidjenza lejn Alla, imma Adam u Eva għażlu li jkunu indipendenti minn Ġeħova. Ladarba l-​ewwel ġenituri tagħna telqu lil Ġeħova, huma ma kinux se jibqgħu perfetti. Huma kienu se jiddeterjoraw sakemm imutu. L-​imperfezzjoni ġiet mgħoddija lilna.—Ġenesi 3:​17-19; Rumani 5:12.

6. Satana liema sehem kellu biex jintroduċi t-​tbatija?

6 Ukoll, involut fil-​bidu tat-​tbatija kollha hu l-​ħliqa spirtu li sar jissejjaħ Satana x-​Xitan. Hu kien imżejjen bil-​libertà taʼ l-​għażla. Madankollu, hu uża ħażin din l-​abbiltà biex jipprova jieħu l-​qima hu. Madankollu, Ġeħova biss għandu jingħata qima, mhux il-​ħolqien tiegħu. Kien Satana li ħajjar lil Adam u Eva biex jipprovaw ikunu indipendenti minn Ġeħova, bħallikieku huma setgħu b’dan il-​mod ‘isiru bħal allat, li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.’—Ġenesi 3:5.

Ġeħova Biss Għandu d-​Dritt li Jaħkem

7. X’juru l-​konsegwenzi tar-​ribelljoni kontra Ġeħova?

7 Il-​konsegwenzi ħżiena tar-​ribelljoni juru li Ġeħova biss, is-​Sovran Universali, għandu d-​dritt li jaħkem u li l-​ħakma tiegħu biss hi sewwa. Dawn l-​aħħar eluf taʼ snin urew li Satana, li sar “il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja,” żviluppa ħakma mill-​agħar, inġusta, u vjolenti li żgur ma tagħti ebda sodisfazzjon. (Ġwanni 12:31) Il-​ħakma fit-​tul u miżerabbli tal-​bnedmin fil-​kontroll taʼ Satana wriet li huma m’għandhomx l-​abbiltà li jaħkmu bis-​sewwa. (Ġeremija 10:23) Għalhekk, kwalunkwe ħakma li l-​bnedmin jistgħu jimmaġinaw minbarra l-​ħakma taʼ Ġeħova żgur li se tfalli. L-​istorja wriet li m’hemmx dubju dwar dan.

8.X’inhu l-​iskop taʼ Ġeħova għall-​forom kollha tal-​ħakmiet umani, u kif se jwettaq dan l-​iskop?

8 Issa li Ġeħova ppermetta eluf taʼ snin biex il-​bnedmin jesperimentaw bil-​ħakma indipendenti minnu, hu ġustifikat li jneħħi mill-​art dawn il-​forom kollha taʼ ħakmiet u minflokhom ipoġġi l-​gvern tiegħu. Profezija dwar dan tgħid: “Fi żmien dawn is-​slaten [il-ħakmiet umani], Alla tas-​sema jqajjem saltna [il-gvern tiegħu tas-​sema f’idejn Kristu] li ma tinqered qatt . . . Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Il-​ħakma demonika u umana se tintemm, u l-​gvern tas-​sema t’Alla biss se jeżisti u jaħkem fuq l-​art. Kristu se jkun is-​Sultan, u se jkollu 144,000 uħud leali ħakkiema sħab miegħu meħudin mill-​art.—Rivelazzjoni 14:1.

Ibbenefika mit-​Tbatija

9, 10. Ġesù kif ibbenefika mill-​affarijiet li bata?

9 Huwa interessanti li neżaminaw il-​kwalifiki taʼ dawk li se jaħkmu fis-​Saltna tas-​sema. L-​ewwelnett, Kristu Ġesù wera kemm hu kwalifikat għall-​irwol tiegħu bħala Sultan. Hu qattaʼ żmien bla għadd maġenb Ġeħova jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru, bħala l-​“ħaddiem tas-​sengħa” (NW) Tiegħu. (Proverbji 8:​22-31) Meta Ġeħova rranġalu biex jiġi fuq l-​art, Ġesù aċċetta minn jeddu. Hemmhekk hu ffoka fuq li jgħid lil oħrajn dwar is-​sovranità u s-​Saltna taʼ Ġeħova. Ġesù ħalla eżempju mill-​aqwa għalina lkoll billi kien sottomess għalkollox għal dik is-​sovranità.—Mattew 4:17; 6:9.

10 Ġesù bata l-​persekuzzjoni, u finalment inqatel. Matul il-​ministeru tiegħu, hu setaʼ jinnota l-​qagħda msejkna li tinsab fiha l-​umanità kulfejn kien iħares. Kiseb hu xi benefiċċju minħabba li ra dan u minħabba li bata personalment? Iva. Ebrej 5:8 jgħid: “Għalkemm kien Iben [Alla], tgħallem l-​ubbidjenza minn dak li sofra.” L-​esperjenza taʼ Ġesù meta kien fuq l-​art għamlitu jifhem u jagħder iktar. Hu esperjenza personalment il-​kundizzjoni tal-​familja umana. Hu setaʼ jagħder lil dawk li kienu qed ibatu u setaʼ jifhem aħjar l-​irwol tiegħu bħala s-​salvatur tagħhom. Innota kif l-​appostlu Pawlu jenfasizza dan fil-​ktieb taʼ l-​Ebrej: “Kellu jsir bħal ħutu f’kollox, biex isir qassis il-​kbir ħanin u leali fis-​servizz lil Alla, sabiex joffri sagrifiċċju propizjatorju għad-​dnubiet tan-​nies. Għax billi hu stess sofra meta kien imġarrab, jistaʼ jidħol għal dawk li qed jiġu mġarrbin.” “Bħala qassis il-​kbir m’għandniex wieħed li ma jistax jagħder id-​dgħjufijiet tagħna, imma wieħed li ġie mġarrab fl-​aspetti kollha bħalna, iżda baqaʼ mingħajr dnub. Għalhekk, ħa nersqu bil-​libertà tal-​kelma lejn it-​tron tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa, sabiex insibu ħniena u qalb tajba mhix mistħoqqa għall-​għajnuna f’waqtha.”—Ebrej 2:​17, 18; 4:​14-16; Mattew 9:​36; 11:​28-​30.

11. L-​esperjenza li s-​slaten u l-​qassisin futuri kellhom fuq l-​art kif se tkun taʼ ġid għalihom bħala ħakkiema?

11 Nistgħu ngħidu l-​istess dwar il-​144,000, li “nxtraw” mill-​art biex ikunu ħakkiema sħab maʼ Kristu Ġesù fis-​Saltna tas-​sema. (Rivelazzjoni 14:4) Ilkoll twieldu bħala bnedmin fuq l-​art, trabbew f’dinja mimlija tbatija, u batew huma stess. Ħafna ġew persegwitati, u xi wħud saħansitra nqatlu minħabba li żammew l-​integrità tagħhom lejn Ġeħova u kienu lesti li jsegwu lil Ġesù. Imma huma ‘ma stħawx minħabba x-​xiehda dwar il-​Mulej tagħhom, imma aċċettaw li jsofru l-​ħażen huma wkoll għall-​aħbar tajba.’ (2 Timotju 1:8) L-​esperjenza tagħhom fuq l-​art għamlithom partikolarment kwalifikati biex jiġġudikaw lill-​familja umana mis-​sema. Huma tgħallmu juru iktar mogħdrija, qalb tajba, u jkunu iktar ħerqanin biex jgħinu lin-​nies.—Rivelazzjoni 5:​10; 14:​2-5; 20:6.

L-​Hena taʼ Dawk bit-​Tama għall-​Art

12, 13. Dawk bit-​tama għall-​art kif jistgħu jibbenefikaw mit-​tbatija?

12 Tistaʼ t-​tbatija tal-​preżent tipproduċi xi ħaġa tajba f’dawk li jittamaw li jgħixu għal dejjem f’art magħmula ġenna ħielsa mill-​mard, in-​niket, u l-​mewt? L-​uġigħ u n-​niket li ġġib it-​tbatija fihom infushom m’humiex affarijiet taʼ min jixtieqhom. Imma meta nissaportu tbatija bħal din, kwalitajiet persunali tajbin jistgħu jitjiebu u dan jirriżulta f’hena.

13 Ikkunsidra x’tgħid il-​Kelma ispirata t’Alla dwar dan: “Anki jekk ikollkom issofru minħabba s-​sewwa, tkunu henjin.” “Jekk qed jgħajrukom minħabba isem Kristu, henjin intom.” (1 Pietru 3:14; 4:14) “Henjin intom meta n-​nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-​gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-​ferħ, għax il-​premju tagħkom hu kbir fis-​smewwiet.” (Mattew 5:​11, 12) “Hieni l-​bniedem li jibqaʼ jissaporti t-​tiġrib, għaliex meta jiġi approvat jirċievi l-​kuruna tal-​ħajja.”—Ġakbu 1:12.

14. F’liema sens it-​tbatija tagħmel lill-​aduraturi taʼ Ġeħova henjin?

14 Żgur li m’hijiex it-​tbatija li nġarrbu fiha nfisha li tagħmilna henjin. L-​hena, jew is-​sodisfazzjon, jiġi milli nkunu nafu li qed inbatu minħabba li qed nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova u għax qed insegwu l-​eżempju taʼ Ġesù. Per eżempju, fl-​ewwel seklu, xi wħud mill-​appostli ntefgħu l-​ħabs, u mbagħad ittieħdu quddiem il-​qorti superjuri Lhudija u ġew akkużati minħabba li kienu qed jippridkaw dwar Ġesù Kristu. Huma ġew imsawtin, u mbagħad ġew meħlusin. X’kienet l-​attitudni tagħhom? Ir-​rakkont tal-​Bibbja jgħid li “dawn telqu minn quddiem is-​Sinedriju, ferħanin għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati minħabba ismu.” (Atti 5:​17-41) Huma kienu henjin, mhux għax ġew imsawtin jew minħabba l-​uġigħ fiżiku li ħassew wara, imma għaliex kienu fehmu li dan kien seħħ minħabba li huma żammew l-​integrità tagħhom lejn Ġeħova u għax segwew il-​passi taʼ Ġesù.—Atti 16:25; 2 Korintin 12:10; 1 Pietru 4:13.

15. Kif tistaʼ t-​tbatija li nissaportu issa tkun taʼ benefiċċju fil-​futur?

15 Jekk nissaportu l-​oppożizzjoni u l-​persekuzzjoni b’attitudni xierqa, dawn jistgħu jgħinuna nikkultivaw is-​sabar. Dan il-​fatt se jgħinna nissaportu t-​tbatijiet tal-​futur. Naqraw: “Qisuh bħala ferħ mill-​akbar, ħuti, meta tiltaqgħu maʼ diversi provi, għax bħalma tafu, meta l-​fidi tagħkom tgħaddi mill-​provi tipproduċi s-​sabar.” (Ġakbu 1:​2, 3) B’mod simili, Rumani 5:​3-5 jgħidilna: “Ħa nifirħu meta nkunu f’xi tribulazzjoni, ladarba nafu li t-​tribulazzjoni tipproduċi s-​sabar; imbagħad, is-​sabar jipproduċi l-​approvazzjoni t’Alla, u l-​approvazzjoni t’Alla tipproduċi t-​tama, u t-​tama ma twassalx għal diżappunt.” Allura iktar ma nissaportu l-​provi issa minħabba l-​ħajja Kristjana tagħna, iktar se nkunu armati sew biex nissaportu provi fil-​futur f’din is-​sistema mill-​agħar.

Ġeħova Se Jippremja

16. Ġeħova x’se jagħmel għas-​slaten u l-​qassisin tal-​futur biex jippremja t-​tbatija tagħhom?

16 Anki meta nesperjenzaw it-​telfa t’affarijiet materjali minħabba l-​oppożizzjoni jew il-​persekuzzjoni li nesperjenzaw għaliex nipprovaw ngħixu ħajja Kristjana, nistgħu nkunu kuntenti minħabba li nafu li Ġeħova se jippremjana bis-​sħiħ. Per eżempju, lil xi wħud li kellhom it-​tama tas-​sema, l-​appostlu Pawlu kitbilhom: “Intom . . . issaportejtu bil-​ferħ is-​serq taʼ ġidkom, billi tafu li għandkom ġid aħjar u li jibqaʼ” bħala ħakkiema fis-​Saltna t’Alla. (Ebrej 10:34) U immaġina l-​ferħ li se jkollhom meta taħt id-​direzzjoni taʼ Ġeħova u Kristu se jieħdu sehem biex isawbu barkiet meraviljużi fuq l-​abitanti taʼ l-​art fid-​dinja l-​ġdida. Kemm hu minnu l-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu lill-​Kristjani leali: “Jien tal-​fehma li t-​tbatijiet taʼ dan iż-​żmien stabbilit m’huma xejn meta tqabbilhom mal-​glorja li se tiġi rivelata fina.”—Rumani 8:18.

17. Ġeħova x’se jagħmel għal dawk bit-​tama għall-​art li issa qed jaqduh lealment?

17 B’mod simili, minkejja dak li jitilfu jew iħallu warajhom fil-​preżent dawk bit-​tama għall-​art sabiex jaqdu lil Ġeħova, hu se jippremjahom bil-​wisq iżjed b’dak li se jagħmel fil-​futur. Hu se jagħtihom ħajja perfetta u bla tmiem f’ġenna taʼ l-​art. F’dik id-​dinja l-​ġdida, Ġeħova se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” (Rivelazzjoni 21:4) X’wegħda meraviljuża! Kwalunkwe ħaġa li nħallu warajna għal Ġeħova f’din id-​dinja, kemm jekk minn jeddna u kemm jekk le, żgur li ma tistax titqabbel maʼ dak li se jkollna fil-​ħajja meraviljuża li għandna quddiemna u li hu se jagħti lill-​qaddejja leali tiegħu li jissaportu t-​tbatija.

18. Liema wegħda taʼ faraġ jagħtina Ġeħova fil-​Kelma tiegħu?

18 Kwalunkwe tbatija li għad għandna mnejn nissaportu mhix se teffettwa t-​tgawdija tagħna tal-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. It-​tbatija kollha se tiġi premjata bil-​kundizzjonijiet taʼ l-​għaġeb li se jkun hemm fid-​dinja l-​ġdida. Isaija 65:​17, 18 jgħidilna: “Ma jitfakkarx iżjed l-​imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi. Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-​ferħ għal dejjem, minħabba f’dak li għad noħloq jien.” Għalhekk, kien xieraq li Ġakbu, ħu Ġesù mill-​omm, iddikjara: “Aħna niddikjaraw henjin lil dawk li ssaportew.” (Ġakbu 5:11) Iva, jekk nissaportu lealment it-​tbatija li nesperjenzaw bħalissa, nistgħu nibbenefikaw issa u fil-​futur.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​bnedmin kif bdew jesperjenzaw it-​tbatija?

• It-​tbatija tistaʼ tkun taʼ liema benefiċċju għall-​ħakkiema u l-​abitanti futuri taʼ l-​art?

• Għala nistgħu nkunu henjin minn issa minkejja t-​tbatija?

[Stampa f’paġna 27]

L-​ewwel ġenituri tagħna kellhom futur meraviljuż quddiemhom

[Stampa f’paġna 29]

Minħabba li Ġesù osserva t-​tbatija, hu ġie mħejji biex ikun Sultan u Qassis il-​Kbir mill-​aqwa

[Stampa f’paġna 31]

L-​appostli ‘ferħu għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati’ minħabba l-​fidi tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja