Iċ-Ċavetta għal Dinja Ferħana
“L-IKTAR persunaġġ setgħan—mhux biss f’dawn l-aħħar żewġ millennji imma fl-istorja kollha tal-bniedem—kien Ġesù taʼ Nazaret,” tgħid ir-rivista Time. Meta Ġesù kien fuq l-art, eluf taʼ nies taʼ qalb onesta fehmu li hu ma kienx biss setgħan imma kien jinteressa ruħu wkoll f’oħrajn. Għalhekk, m’għandniex għalfejn niskantaw li riedu jagħmluh sultan. (Ġwann 6:10, 14, 15) Madankollu, bħalma semmejna fl-artiklu taʼ qabel, Ġesù rrifjuta li jinvolvi ruħu fil-politika.
IT-TWEĠIBA taʼ Ġesù kienet ibbażata fuq tliet fatturi: il-ħarsa taʼ Missieru lejn il-mod kif il-bniedem juri l-libertà taʼ l-għażla tiegħu, inkluż it-tmexxija umana; il-fatt li Ġesù kien konxju li hemm forzi qawwija u moħbija li qed jaħdmu kontra saħansitra l-aħjar sforzi li l-bniedem qed jagħmel biex imexxi; u l-iskop t’Alla li jistabbilixxi gvern tas-sema sabiex jaħkem fuq l-art kollha. Hekk kif neżaminaw dawn it-tliet punti iktar mill-qrib, se naraw għala l-isforzi kollha li jagħmel il-bniedem biex din id-dinja ssir post aħjar huma kollha għal xejn. Se naraw ukoll kif se jinkiseb is-suċċess.
Jistgħu l-Bnedmin Jaħkmu Lilhom Infushom?
Meta Alla ħalaq lill-bnedmin, hu tahom awtorità fuq ir-renju taʼ l-annimali. (Ġenesi 1:26) Imma l-bniedem kien taħt is-sovranità t’Alla. L-ewwel raġel u mara kellhom jikkonfermaw is-sottomissjoni tagħhom lejn Alla billi jobdu u ma jiħdux mill-frott taʼ ċertu siġra, “mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.” (Ġenesi 2:17) B’sogħba, Adam u Eva abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom bħala persuni morali ħielsa u m’obdewx ’l Alla. Il-fatt li ħadu mill-frott projbit ma kienx sempliċi każ taʼ serq. Dan kien att taʼ ribelljoni kontra s-sovranità t’Alla. Nota taʼ taħt għal Ġenesi 2:17 f’The New Jerusalem Bible tgħid li Adam u Eva sostnew li kellhom “indipendenza morali totali li biha l-bniedem jirrifjuta li jirrikonoxxi l-pożizzjoni tiegħu bħala ħlejqa maħluqa . . . L-ewwel dnub kien attakk fuq is-sovranità t’Alla.”
Minħabba li kien hemm kwistjonijiet morali serji involuti, Alla ħalla lil Adam u Eva u d-dixxendenti tagħhom jagħżlu l-mod kif riedu jgħixu, u huma stabbilew il-livelli tagħhom taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Salm 147:19, 20; Rumani 2:14) Bażikament, dak iż-żmien beda l-esperiment tal-bniedem bil-libertà taʼ l-għażla tiegħu. Kellu suċċess? Issa li għandna eluf taʼ snin taʼ storja lejn xiex inħarsu, nistgħu ngħidu li le! Koħèlet 8:9 jgħid: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.” Dan ir-rekord tal-biki li għandna tal-ħakma mill-bniedem jikkonferma kemm huwa minnu l-kliem li nsibu f’Ġeremija 10:23: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” L-istorja wriet biċ-ċar li l-bnedmin m’għandhomx il-ħila jaħkmu b’suċċess mingħajr il-Ħallieq tagħhom.
Ġesù qabel mija fil-mija maʼ dan. L-indipendenza minn Alla kienet xi ħaġa taʼ stmerrija għalih. Hu qal: “Minn rajja ma nagħmel xejn. . . . Jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob [lil Alla].” (Ġwann 4:34; 8:28, 29) Għaldaqstant, ladarba ma kellux l-awtorizzazzjoni t’Alla, Ġesù lanqas biss daħallu f’moħħu li jaċċetta l-kariga taʼ sultan mingħand il-bnedmin. Madankollu, dan ma jfissirx li hu ma kienx lest li jgħin lill-proxxmu tiegħu. Għall-kuntrarju, hu għamel dak kollu li setaʼ biex jgħin lin-nies isibu l-aqwa ferħ dakinhar u fil-futur. Hu saħansitra ta ħajtu għall-bnedmin. (Mattew 5:3-11; 7:24-27; Ġwann 3:16) Imma Ġesù kien jaf li “kollox għandu żmienu,” inkluż iż-żmien meta Alla se jiddefendi s-sovranità tiegħu fuq il-bnedmin. (Koħèlet 3:1; Mattew 24:14, 21, 22, 36-39) Ftakar, iżda, li fl-Għeden il-ġenituri oriġinali tagħna ċedew għar-rieda taʼ ħliqa spirtu mill-agħar li tkellem permezz taʼ serp. Dan iġibna għat-tieni raġuni għala Ġesù ma ndaħalx fil-politika.
Il-Ħakkiem Sigriet tad-Dinja
Il-Bibbja tgħidilna li Satana offra lil Ġesù “s-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom” għal att wieħed taʼ qima. (Mattew 4:8-10) Bażikament, Ġesù ġie offrut ħakma fuq id-dinja—imma bil-kundizzjonijiet tax-Xitan. Ġesù ma waqax vittma taʼ din it-tentazzjoni. Iżda kienet din it-tentazzjoni taʼ veru? Setaʼ Satana tassew jagħmel offerta grandjuża bħal din? Iva, għaliex Ġesù nnifsu sejjaħ lix-Xitan “il-Prinċep tad-dinja,” u l-appostlu Pawlu ddeskrivieh bħala “l-alla taʼ din id-dinja.”—Ġwann 14:30; 2 Korintin 4:4; Efesin 6:12.
M’għandniex xi ngħidu, Ġesù kien jaf li x-Xitan ma jimpurtahx x’inhu l-aħjar għall-bniedem. Hu ddeskriva lil Satana bħala “qattiel” u “missier il-gideb u dak kollu li hu falz.” (Ġwann 8:44, The Amplified Bible) Ovvjament, dinja li tkun “taħt idejn” spirtu mill-agħar bħal dan qatt ma tistaʼ tkun verament ferħana. (1 Ġwann 5:19) Imma x-Xitan mhux se jkollu din l-awtorità għal dejjem. Ġesù, li issa hu ħliqa spirtu setgħan, dalwaqt se jneħħi lil Satana min-nofs u jeqred għalkollox l-influwenza tiegħu.—Lhud 2:14; Apokalissi 20:1-3.
Satana nnifsu jaf li ż-żmien li għad fadallu bħala ħakkiem tad-dinja dalwaqt se jintemm. Għaldaqstant, b’ħiltu kollha qed jagħmel sforz iddisprat biex iħassar lill-bnedmin b’tali mod li ma jkunx hemm tama li jinbidlu, sewwa sew bħalma għamel qabel id-Dilluvju taʼ żmien Noè. (Ġenesi 6:1-5; Ġuda 6) “Ħażin għalikom, art u baħar,” jgħid Apokalissi 12:12, “għax fikom niżel id-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” Il-profeziji tal-Bibbja u l-ġrajjiet tad-dinja juru biċ-ċar li aħna qed ngħixu viċin it-tmiem taʼ dan ‘il-ftit żmien.’ (2 Timotju 3:1-5) Issa l-ħelsien huwa fil-qrib.
Gvern li Jġib Ferħ
It-tielet raġuni għala Ġesù ma ndaħalx fil-politika kienet li hu kien jaf li f’xi żmien stabbilit fil-futur, Alla kien se jwaqqaf gvern fis-sema biex jaħkem fuq id-dinja. Il-Bibbja ssejjaħ dan il-gvern is-Saltna t’Alla. Din kienet it-tema ewlenija tat-tagħlim taʼ Ġesù. (Luqa 4:43; Apokalissi 11:15) Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu sabiex tiġi dik is-Saltna, għax taħt il-ħakma tagħha biss ir-rieda t’Alla tkun tistaʼ sseħħ fuq l-art bħalma sseħħ fis-sema. (Mattew 6:9, 10) Int forsi tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Jekk din is-Saltna se taħkem fuq l-art kollha, x’se jiġri mill-gvernijiet magħmulin mill-bniedem?’
It-tweġiba nsibuha f’Danjel 2:44: “Fi żmien dawn is-slaten [li jkunu qed jaħkmu fi tmiem is-sistema preżenti], Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha [magħmulin mill-bniedem], waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Korsiv tagħna.) Is-Saltna t’Alla għala se jkollha “tfarrak” il-ħakmiet dinjin? Għaliex dawn jinsistu u jibqgħu jisfidaw lil Alla bl-ispirtu taʼ indipendenza li kebbes Satana fil-ġnien taʼ l-Għeden. Dawk li jistinkaw biex jimxu skond dan l-ispirtu mhux biss ikunu qed jaħdmu kontra dak li huwa taʼ ġid għall-bniedem imma jkunu wkoll qed jiħduha direttament kontra l-Ħallieq. (Salm 2:6-12; Apokalissi 16:14, 16) Għalhekk, irridu nistaqsu lilna nfusna, ‘Aħna favur jew kontra l-ħakma t’Alla?’
Is-Sovranità taʼ Min Se Tagħżel?
Sabiex ikun jistaʼ jgħin lin-nies jagħmlu deċiżjoni bbażata fuq għarfien eżatt, Ġesù inkariga lid-dixxipli tiegħu biex jippridkaw “l-Evanġelju tas-Saltna . . . fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda” qabel ma jiġi t-tmiem fuq din is-sistema preżenti. (Mattew 24:14) Min huma dawk li llum huma magħrufin mad-dinja kollha għall-ippridkar tagħhom dwar is-Saltna t’Alla? Huma x-Xhieda taʼ Jehovah. Fil-fatt, din ir-rivista ilha żmien twil iġġib il-kliem ‘Iħabbar is-Saltna taʼ Jehovah’ fuq il-qoxra taʼ quddiem. Illum, hemm xi sitt miljun Xhud f’iktar minn 230 pajjiż jgħinu lin-nies jiksbu għarfien eżatt dwar din is-Saltna.a
Barkiet għas-Sudditi tas-Saltna
Ġesù dejjem għamel l-affarijiet kif ried Alla. Għalhekk, minflok ma għażel li jfendi għal rasu u jipprova jappoġġa jew itejjeb is-sistema preżenti permezz taʼ mezzi politiċi, hu ħadem iebes biex javanza l-interessi tas-Saltna t’Alla, l-unika soluzzjoni għall-problemi tad-dinja. Hu ġie premjat għal-lealtà tiegħu bi tron glorjuż fis-sema bħala s-Sultan taʼ dik is-Saltna. X’rigal mill-isbaħ għas-sottomissjoni tiegħu lejn Alla!—Danjel 7:13, 14.
Miljuni taʼ nies, li llum qed jimitaw lil Ġesù billi jpoġġu s-Saltna t’Alla l-ewwel u joqogħdu għar-rieda t’Alla, se jgawdu wkoll barka taʼ l-għaġeb—l-opportunità prezzjuża li jgħixu fuq l-art bħala sudditi tas-Saltna t’Alla. (Mattew 6:33) Taħt il-ħakma kollha mħabba tiegħu, huma se jsiru perfetti u se jkollhom il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem. (Apokalissi 21:3, 4) L-1 Ġwann 2:17 jgħid: “Id-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” Meta Satana u s-segwaċi tiegħu se jkunu ġew imneħħijin min-nofs u l-art se tkun ġiet mibdula f’ġenna globali ħielsa mill-firda li jġib miegħu n-nazzjonaliżmu, mis-sistemi kummerċjali korrotti, u mir-reliġjon falza, x’għaxqa se tkun li nibqgħu hawn għal dejjem!—Salm 37:29; 72:16.
Iva, is-Saltna t’Alla hija l-unika ċavetta għal dinja verament ferħana, u l-messaġġ li jitkellem dwarha huwa msejjaħ b’mod xieraq bħala l-aħbar tajba. Jekk għadek m’għamiltx hekk, għala ma toqgħodx tismaʼ din l-aħbar tajba meta x-Xhieda taʼ Jehovah jerġgħu jżuruk?
[Nota taʼ taħt]
a Waqt li jiddefendu s-Saltna t’Alla, ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jindaħlux fil-politika jew iqajmu xi ribelljoni kontra xi gvern sekulari, anki f’pajjiżi fejn ix-Xhieda huma projbiti jew persegwitati. (Titu 3:1) Huma ma jipprovawx jgħinu billi jinvolvu ruħhom fil-politika imma jagħtu għajnuna siewja u spiritwali sewwa sew bħalma għamlu Ġesù u l-ewwel dixxipli tiegħu. Ix-Xhieda jħabirku biex jgħinu lin-nies li jħobbu t-tjieba f’komunitajiet differenti biex jadottaw valuri Bibliċi li jibnu, bħall-imħabba tal-familja, l-onestà, l-indafa morali, u attitudni tajba lejn ix-xogħol. Primarjament, huma jipprovaw jgħallmuhom kif jimxu fuq il-prinċipji Bibliċi u biex iħarsu lejn is-Saltna t’Alla bħala t-tama vera għall-bnedmin.
[Stampi f’paġna 5]
L-istorja turi ċar li l-bniedem ma jistax jaħkem b’suċċess mingħajr Alla
[Stampi f’paġna 5]
Ladarba Satana jaħkem is-sistema preżenti, hu setaʼ joffri lil Ġesù “s-saltniet kollha tad-dinja”
[Stampi f’paġna 7]
Ġesù għallem li taħt it-tmexxija tas-Saltna t’Alla, id-dinja se tkun post mill-isbaħ