L-Ilmijiet li Jagħtu l-Ħajja Għaddejjin fl-Andes
Il-Muntanji Andes jinżlu maʼ nofs il-Perù kollu u jaqsmu l-pajjiż f’reġjun xott taʼ mal-kosta fuq in-naħa tal-punent u ġungla fertili u sħuna fuq in-naħa tal-lvant. Fuq din is-sinsla muntanjuża jgħixu iktar minn terz tas-27 miljun ruħ li hemm fil-Perù. Dawn jinsabu jew fuq l-għoljiet watjin u l-ġnub weqfin tal-muntanji Andes jew f’xi ħondoq fond taʼ bejn l-għoljiet u l-widien fertili madwar dawn il-muntanji.
BILLI l-katina tal-muntanji Andes hija mħarbta, m’huwiex faċli li xi ħadd jidħol fiha. Minħabba f’hekk, il-miljuni taʼ nies li jgħixu hemmhekk huma pjuttost maqtugħin għalihom waħedhom, u l-biċċa l-kbira minnhom m’humiex effettwati mill-ġrajjiet u l-iżviluppi li jseħħu ’l barra mit-territorju tagħhom.
Irħula żgħar ġew żviluppati tul in-nixxigħat biex ikun jistaʼ jinkiseb l-ilma għall-uċuħ tar-rabaʼ u l-merħliet taʼ l-iljami, l-alpaki, il-vicuña, u n-nagħaġ. Madankollu, hemm ilma ieħor li jagħti l-ħajja u li għaddej fl-Andes—ilmijiet spiritwali li jiffriskaw u li ġejjin minn Jehovah, “l-għajn taʼ l-ilma ġieri.” (Ġeremija 2:13) Alla juża lix-Xhieda tiegħu biex jgħinu lin-nies li joqogħdu fil-postijiet għoljin taʼ l-Andes ħalli dawn jiksbu għarfien eżatt dwaru u dwar l-iskopijiet tiegħu.—Isaija 12:3; Ġwann 17:3.
Peress li r-rieda t’Alla hi li “l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità,” dawn il-ministri jagħmlu kull sforz biex iżuru komunitajiet li diffiċli jintlaħqu u jagħtuhom il-messaġġ tal-Bibbja li jagħti l-ħajja. (1 Timotju 2:4) Dan il-messaġġ ibbażat fuq il-Bibbja jagħti d-dawl u huwa wieħed nobbli. Lin-nies tal-post li għandhom qalb onesta ħelishom mis-superstizzjonijiet, id-drawwiet, u l-ideat li ġagħluhom jibżgħu mill-mejtin, mill-ispirti ħżiena, u mill-forzi tan-natura. Ħaġa iktar importanti hi li dan il-messaġġ jagħtihom it-tama glorjuża taʼ ħajja bla tmiem fuq art magħmula ġenna.
Kif Isir l-Isforz
Il-predikaturi tas-Saltna li jżuru dawn ir-reġjuni mbiegħda jkollhom jagħmlu ħafna tibdil f’ħajjithom. Biex jilħqu qalb in-nies, l-għalliema tal-Bibbja għandhom bżonn ikunu jafu ftit Quechua jew Aymara, tnejn mil-lingwi t’hemmhekk.
M’hijiex xi ħaġa faċli li wieħed jasal fl-irħula taʼ l-Andes. Dan għaliex m’hemmx ħafna linji tal-ferrovija f’dawk l-inħawi. It-trasport huwa perikoluż u jiġi effettwat mit-temp ikrah kif ukoll mill-għamla stramba taʼ dan il-post. Mela x-Xhieda kif jilħquhom lin-nies biex iwasslulhom il-messaġġ tas-Saltna?
Il-predikaturi kuraġġużi taʼ l-aħbar tajba laqgħu l-isfida u wieġbu bl-ispirtu tal-profeta Isaija: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Isaija 6:8) Dawn użaw tliet karavani biex jivvjaġġaw lejn l-inħawi tat-tramuntana, taċ-ċentru, u tan-nofsinhar. Armati b’ħafna kaxxi mimlijin Bibbji u letteratura Biblika, il-pijunieri (jew, ministri full-time) żelużi żergħu ż-żrieragħ tal-verità tal-Bibbja fost in-nies dħulin, ospitabbli, u taʼ qalb onesta li jgħixu hemmhekk.
Il-liwjiet li hemm fit-toroq tal-muntanji huma perikolużi b’mod speċjali. Biex jirnexxilhom jgħaddu minn ċerti partijiet bħal dawn, il-karozzi jkollhom jużaw toroq forma taʼ żigużajg. F’post bħal dan, missjunarju li kien bil-qiegħda fuq in-naħa taʼ wara taʼ karozza tal-linja kien qed iħares barra mit-tieqa u nnota li waħda mir-roti taʼ wara kienet fit-tarf eżatt taʼ l-irdum li kien fond iktar minn 190 metru! Għalaq għajnejh sakemm il-karozza tal-linja mxiet ’il quddiem.
Ftit mit-toroq jinsabu fi stat ikrah u huma dojoq ħafna. Waqt li kienet qed tipprova tgħaddi minn dawn it-toroq imħarbtin, waħda mill-karavani kienet nieżla minn triq dejqa meta f’daqqa waħda ltaqgħet maʼ trakk tielaʼ ’l fuq. Il-karavana kellha treġġaʼ lura ’l fuq sakemm it-tnejn li huma sabu post fejn setgħu jgħaddu żbrixx minn ħdejn xulxin.
Minkejja dan, ir-riżultati taʼ dawn l-isforzi persistenti kienu taʼ l-għaġeb. Tixtieq tkun taf iżjed dwar dawn l-isforzi?
“It-Tisqija” tal-Lag Titicaca
Il-Lag Titicaca—li jinsab f’parti fejn l-art titbaxxa fil-Muntanji Andes għal 3,800 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar—huwa ġabra taʼ ilma magħluq fl-iktar post għoli fid-dinja minfejn jistgħu jgħaddu l-bastimenti. Mill-qċaċet tal-muntanji miksijin bis-silġ, li xi wħud minnhom huma għoljin iktar minn 6,400 metru, joħorġu l-biċċa l-kbira mill-25 xmara li jagħtu l-ilma lil-Lag Titicaca. Minħabba dan l-għoli kollu, il-klima hija kiesħa, u dawk li m’humiex tal-post ikollhom isofru mid-deni li jaqbadhom minħabba l-għoli.
Ftit żmien ilu, grupp taʼ pijunieri li jitkellmu bil-Quechua u l-Aymara vvjaġġaw lejn il-gżejjer t’Amantani u Taquile fil-Lag Titicaca. Ħadu magħhom preżentazzjoni bis-slajds intitolata “Ħarsa Iktar mill-Qrib Lejn il-Knejjes,” eżami bla ħabi tal-gideb tal-Kristjaneżmu. Din intlaqgħet tajjeb. Wieħed raġel laqaʼ lill-aħwa u offrielhom kamra spazjuża fid-dar tiegħu fejn setgħu joqogħdu u jgħallmu l-Bibbja.
Għall-ewwel laqgħa f’Amantani nġabru 100 ruħ; għal-laqgħa f’Taquile attendew 140. Il-preżentazzjoni saret bil-Quechua. Koppja minnhom li qabel kienet toqgħod fl-art prinċipali qalet: “Fl-aħħar intom ix-Xhieda taʼ Jehovah ftakartu fina. Ilna nitolbu biex tiġu.”
Minbarra dawn iż-żewġ gżejjer kbar, xi ftit mill-40 gżira “f’wiċċ l-ilma” li huma kalkulati li jinsabu fuq il-Lag Titicaca wkoll intlaħqu bl-aħbar tajba. Gżejjer f’wiċċ l-ilma? Iva, dawn huma magħmulin mit-totoras, qasab li jikber f’xi partijiet iktar baxxi tal-lag. It-totoras jitilgħu mill-ilma u jibqgħu ħerġin ’il barra fil-wiċċ. Biex jagħmlu gżira, in-nies tal-post jilwu l-qasab, li jkun għadu bl-għeruq tiegħu f’qiegħ il-lag, u jinsġuh biex jagħmlu pjattaforma. Imbagħad jimlew il-pjattaforma bit-tajn u jsaħħuha b’iktar qasab maqtugħ. In-nies jgħixu fl-għerejjex tal-qasab mibnijin fuqhom.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah iddobbaw dgħajsa biex jippridkaw lin-nies tal-gżejjer fil-Lag Titicaca. Id-dgħajsa tesaʼ 16-il ruħ. Wara li jieqfu ħdejn il-gżejjer taʼ fuq wiċċ l-ilma, ix-Xhieda jimxu fuq il-pjattaforma tal-qasab minn għarix għal ieħor. Dawn jgħidu li ġeneralment iħossu l-art taħt saqajhom kemm kemm tiċċaqlaq. Ma tantx huwa post addattat għal dawk li l-baħar jagħmlilhom id-deni!
Rigward in-nies li jitkellmu bl-Aymara, dawn jgħixu f’diversi komunitajiet u rħula max-xtut u fuq il-peniżoli li joħorġu għal ġol-lag. Huwa iktar faċli li jintlaħqu bid-dgħajsa milli mill-art. B’kollox, huwa kalkulat li hemm qrib l-400,000 ruħ jgħixu f’dan ir-reġjun fejn il-messaġġ tas-Saltna jitwassal bid-dgħajsa. Id-dgħajjes se jkollhom ħafna x’jagħmlu fiż-żmien li ġej.
Jinqataʼ l-Għatx Spiritwali
Flavio kien jgħix fir-raħal taʼ Santa Lucía, ħdejn Juliaca, fl-Andes. Il-Knisja Evanġelika tiegħu kienet għallmitu d-duttrina tan-nar taʼ l-infern. Għal snin twal hu għex fil-biżaʼ taʼ dan il-kastig etern bin-nar. Taʼ spiss kien jistaqsi bejnu u bejn ruħu kif Alla taʼ mħabba setaʼ jittortura lill-bnedmin fin-nar għal żmien bla limitu. Meta Tito, ministru full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah, żar dak ir-raħal, mar għand Flavio.
Waħda mill-ewwel mistoqsijiet li staqsa Flavio kienet, “Ir-reliġjon tagħkom tgħallem li n-nies imorru jbatu fin-nar taʼ l-infern?” Tito wieġeb li idea bħal din hija mistkerrha mill-Ħallieq u ġġib tmaqdir fuq l-isem taʼ Jehovah, dak Alla taʼ mħabba. Waqt li uża l-verżjoni tal-Bibbja li kellu Flavio stess, Tito wrieh li l-mejtin ma jafu xejn u li qed jistennew irxoxt fuq l-art taħt is-Saltna t’Alla. (Koħèlet 9:5; Ġwann 5:28, 29) Dan fetaħ għajnejn Flavio. Minnufih aċċetta studju tal-Bibbja u malajr sar Kristjan mgħammed.
Raħal li Juri l-Apprezzament
Immaġina kemm huwa eċċitanti li tieħu l-Iskrittura lil raħħala li qatt qabel ma jkunu raw kopja tal-Bibbja jew li tippriedka fi rħula fejn in-nies qatt ma jkunu semgħu bix-Xhieda taʼ Jehovah jew bl-aħbar tajba li jippridkaw! Din kienet l-esperjenza taʼ tliet aħwa pijunieri—Rosa, Alicia, u Cecilia—li ppridkaw fl-irħula taʼ Izcuchaca u Conayca, li jinsabu f’għoli taʼ iktar minn 3,600 metru fil-parti ċentrali tal-Perù.
Malli waslu fl-ewwel raħal, ma kellhom imkien fejn jorqdu. Kellmu lill-kmandant tal-pulizija lokali u spjegawlu għala kienu qed iżuru l-post. X’kien ir-riżultat? Dan ħalliehom iqattgħu l-lejl fl-għassa tal-pulizija. L-għada, il-pijunieri rnexxielhom isibu post fejn joqogħdu iktar permanenti li sar iċ-ċentru tal-ħidma tagħhom.
Ma damx wisq ma wasal iż-żmien għall-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu li jsir kull sena. Il-pijunieri kienu żaru d-djar kollha fir-raħal taʼ Izcuchaca, qassmu ħafna Bibbji, u bdew għadd taʼ studji tal-Bibbja. Qabel il-Mafkar, bagħtu inviti għal din il-ġrajja, u spjegaw l-iskop taċ-ċelebrazzjoni u t-tifsir taʼ l-emblemi li jintużaw matul din it-tifkira. Grupp taʼ aħwa rġiel ġew mistidnin biex jgħinu f’din l-okkażjoni, u wieħed minnhom ta t-taħdita. Kemm kienet ħaġa taʼ ferħ li tara 50 ruħ minn dak ir-raħal żgħir preżenti għal dan l-avveniment speċjali! Għall-ewwel darba setgħu jifhmu eżatt xi tfisser l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej. Ukoll, kemm għożżewh il-fatt li kellhom il-Kelma t’Alla f’idejhom!
Ħelsien minn Tagħbijiet Ibsin
Dejjem iġib ferħ li twassal l-ilma tal-verità tal-Bibbja li jiffriska għand l-ilsiera tar-reliġjon falza. Pisac kien post b’saħħtu fl-imperu antik taʼ l-Inka. Illum, il-biċċa l-kbira min-nies li jgħixu hemmhekk ġew mgħallmin it-tagħlim mhux skritturali tan-nar taʼ l-infern. Il-qassisin tagħhom jgħidulhom li permezz taʼ l-interċessjonijiet tal-qassisin biss jistgħu jmorru fis-sema.
Nistgħu nifhmu għala dawn in-nies huma għatxana għall-ilmijiet tal-verità tal-Bibbja li jiffriskawhom. Waqt li kien qed jippriedka minn dar għal dar, Santiago, ministru full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah, kellu l-opportunità li jispjega lil wieħed raġel li l-uħud ġwejdin kellhom jgħixu fuq art magħmula ġenna. (Salm 37:11) Santiago wrieh mill-Bibbja li l-mejtin se jiġu rxoxtati u li l-bnedmin se jiġu mgħallmin fit-triqat perfetti taʼ Jehovah bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem. (Isaija 11:9) Sa dakinhar, ir-raġel kien Kattoliku devot, kien involva ruħu fl-ispiritiżmu, u kien iħobb jixrob iżżejjed. Issa kellu tama bbażata fuq il-Bibbja u mira f’ħajtu—li jgħix fil-Ġenna taʼ l-art. Qered l-affarijiet spiritistiċi kollha li kellu u qataʼ x-xorb żejjed. Laqqaʼ lill-familja tiegħu u aċċetta studju tal-Bibbja. Maż-żmien, il-membri kollha tal-familja tiegħu ddedikaw ruħhom lil Alla Jehovah u tgħammdu.
L-Ospitalità—Merħba Biha
In-nies taʼ fuq il-muntanji tgħidx kemm huma ospitabbli. Għalkemm id-djar tagħhom huma sempliċi u n-nies huma fqar, dawn joffru milli jkollhom lil min iżurhom. Qabel ma jitgħallem il-livelli għoljin tal-Bibbja, l-inkwilin għandu mnejn joffri xi weraq tal-koka lil min iżuru biex jomogħdu waqt li jkunu qed jitkellmu. Imma meta jsir Xhud, jistaʼ joffri kuċċarina zokkor, li għandha l-istess valur f’dawn il-provinċji mwarrbin.
Wieħed ħu talab lil missjunarju biex imur miegħu fuq żjara lura. Wara li għaddew minn telgħa iebsa f’mogħdija wieqfa fuq il-muntanja, dawn ċapċpu idejhom biex javżaw lill-inkwilin li kienu waslu. Ġew mistidnin jidħlu ġewwa d-dar li kellha s-saqaf tat-tiben, filwaqt li kellhom ibaxxu rashom biex jidħlu mill-bieb baxx. Daħlu bl-attenzjoni kollha u qagħdu mdawrin maċ-ċentru tal-kamra bl-art tal-ħamrija, fejn l-omm kienet ħaffret ħofra, poġġiet kutra, u qiegħdet lit-tarbija tagħha fiha. Billi t-tarbija ma setgħetx toħroġ minn hemmhekk, kienet kuntenta li toqgħod tidħaq waħedha waqt li l-kbar kienu qed jitkellmu. Wara li kellhom diskussjoni sabiħa dwar il-barkiet tas-Saltna, il-mara ħarġet reċipjent twil bix-xarba lokali. Wara ftit l-aħwa bdew neżlin mill-muntanja ħalli jagħmlu iktar żjajjar.
Ħsad Abbundanti
Issa f’dan ir-reġjun, hemm iktar minn mitt grupp imbegħdin minn xulxin b’iktar minn elf ruħ jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Il-gradwati mill-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali f’Lima qed jintbagħtu biex jiżviluppaw dawk il-gruppi f’kongregazzjonijiet. Individwi b’qalb retta li għal żmien twil kienu lsiera tar-reliġjon falza u tas-superstizzjonijiet issa sabu l-ħelsien permezz taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna! (Ġwann 8:32) L-għatx li għandhom għall-ilmijiet tal-verità qed jinqataʼ.
[Stampa f’paġna 10]
Għoti taʼ xiehda fuq il-gżejjer taʼ “fuq wiċċ l-ilma” fil-Lag Titicaca