X’Jistaʼ Jmur Ħażin?
M’HUWIEX realistiku li tistenna li żwieġ ikun mingħajr problemi. Fuq kollox, anki koppji li jkunu jaqblu ħafna m’humiex se jaqblu dwar kollox. Għalhekk, ma tistax tevita li jinqalgħu xi diffikultajiet. Sewwasew bħalma s-sadid jistaʼ jiekol il-metall taħt is-saff taż-żebgħa, hekk ukoll għadd taʼ fatturi jistgħu jdgħajfu ż-żwieġ. Biex nifhmu x’jistaʼ jsir ħalli ż-żwieġ jitjieb, ejja l-ewwel neżaminaw xi affarijiet li jistgħu jmorru ħażin.
Żminijiet taʼ Stress Kbir
Il-Bibbja bassret li ħafna nies fi żmienna kellhom ikunu “jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, . . . ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin.” (2 Timotju 3:2-4) Dawn il-karatteristiki jistgħu jżidu n-nuqqas taʼ ftehim, in-nuqqas taʼ komunikazzjoni, u l-kummenti bla ħsieb li l-bnedmin imperfetti jagħmlu tant faċilment.
“F’dan iż-żmien fl-istorja, min hu miżżewweġ iħossu konfuż,” innota wieħed riċerkatur. “Minn banda . . . , għandna aċċess għal ammont kważi infinit taʼ informazzjoni dwar kif insaħħu ż-żwiġijiet . . . Mill-banda l-oħra, qed niffaċċjaw ammont taʼ influwenzi soċjali u ekonomiċi li jagħmluhielna diffiċli biex ikollna żwiġijiet tajbin.”
Stennijiet Mhux Realistiċi
“Stennijiet mhux realistiċi,” tispjega terapista taż-żwieġ, “huma wieħed mill-akbar kaġuni taʼ nuqqas taʼ sodisfazzjon fiż-żwieġ.” Ħafna miżżewġin isiru diżappuntati meta jiskopru li ż-żwieġ m’hu xejn kif stennew huma u li s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom m’hijiex eżatt kif ħasbuha huma. Huma jsibu ruħhom diżappuntati bl-ikrah minħabba d-difetti li qabel ma kinux jidhru tas-sieħeb jew tas-sieħba tagħhom jew minħabba li n-nuqqasijiet kienu iktar serji milli ħasbu.
Però, il-Bibbja tammetti ċar u tond li ż-żwieġ jistaʼ jġib “uġigħ u niket.” (1 Korintin 7:28, The New English Bible) Għala? Raġuni waħda hi li relazzjoni bejn żewġ bnedmin imperfetti, illum jew għada, se tikxef id-difetti taʼ kull wieħed minnhom.
Iktar minn hekk, ħafna nies jistennew b’mod mhux realistiku li fiż-żwieġ se jieħdu iktar milli jagħtu. Mogħmijin mill-ideat romantiċi li ż-żwieġ se jkun mimli hena biss, huma ma jikkunsidrawx ir-responsabbiltà u x-xogħol iebes li huma meħtiġin biex jinbena żwieġ hieni. Meta jirrealizzaw li ż-żwieġ m’huwiex kif immaġinawh, huma x’aktarx li jħossuhom diżappuntati u konfużi. Spiss, iktar ma jkollhom idea żbaljata dwar iż-żwieġ, iktar ikunu diżappuntati meta jiġu wiċċ imbwiċċ mar-realtà.
Kriżi fil-Komunikazzjoni
Liema żbalji fil-komunikazzjoni jistgħu jiġu evitati sabiex tiġi fformata relazzjoni iktar b’saħħitha fiż-żwieġ? Xi koppji jaqgħu fin-nassa li jibdew jisimgħu mingħajr ma jagħtu widen u jitkellmu mingħajr ma jikkomunikaw. Minflok komunikazzjoni kollha mħabba jkun hemm konversazzjonijiet qosra għall-bżonn, biex il-familja tibqaʼ għaddejja. Minflok konversazzjoni bi skop u bil-miftuħ ikun hemm argumenti bla waqfien fuq kull ħaġa taʼ xejn. L-interpretazzjoni ħażina twassal għan-nuqqas taʼ ftehim; attakki verbali jiġu mwieġba b’silenzju biered.
B’sogħba, ħafna mseħbin fiż-żwieġ jew jonqsu milli jinnotaw l-imġiba pożittiva taʼ l-imseħbin tagħhom inkella jinnotawha imma jonqsu milli jesprimu l-apprezzament tagħhom. Barra minn hekk, minħabba t-tendenza taʼ llum li ż-żewġ imseħbin joħorġu jaħdmu, ħafna nisa miżżewġin jirrabjaw minħabba li jitħallew jagħmlu ħafna mix-xogħol tad-dar minbarra li jkollhom ix-xogħol sekulari tagħhom. Iktar minn hekk, ħafna nisa miżżewġin iħossu li l-bżonnijiet emozzjonali tagħhom qed jiġu injorati.
X’tistaʼ tagħmel biex tibni żwieġ li jirnexxi? Ikkunsidra l-pariri prattiċi tal-Bibbja li ġejjin.
[Kumment f’paġna 4]
Xi koppji jisimgħu mingħajr ma jagħtu widen u jitkellmu mingħajr ma jikkomunikaw
[Kumment f’paġna 5]
Ħafna nies jistennew li fiż-żwieġ se jieħdu iktar milli jagħtu