Tfal fuq l-Internet—Dak li Jistgħu Jagħmlu l-Ġenituri
BĦALA ġenitur, liema sitwazzjoni tbeżżgħek l-iktar—li tkun taf li wliedek għandhom iċ-ċavetta għall-karozza tal-familja jew li tkun taf li għandhom aċċess bla limitu għall-Internet? Iż-żewġ attivitajiet jinvolvu ammont taʼ periklu. U t-tnejn li huma jeħtieġu livell taʼ responsabbiltà. Il-ġenituri ma jistgħux iżommu lil uliedhom għal dejjem milli jsuqu vettura, imma huma jistgħu jkunu ċerti li wliedhom jitgħallmu jsuqu b’mod li hu ħieles mill-periklu. Ħafna ġenituri jagħmlu l-istess ħaġa fejn jidħol l-użu taʼ l-Internet. Il-prinċipji Bibliċi li ġejjin se jkunu t’għajnuna.
“Kulmin hu prudenti se jaġixxi bl-għarfien.” (Proverbji 13:16) Il-ġenituri li wliedhom għandhom aċċess għall-Internet għandhom bżonn fehma bażika taʼ kif jaħdem l-Internet u taʼ dak li qed jagħmlu wliedhom meta jużaw l-instant messaging, ifittxu fil-paġni tal-Web, jew jieħdu sehem f’attivitajiet oħrajn fuq l-Internet. “Taqbadx u tikkonkludi li int kbir wisq jew li m’għandekx biżżejjed skola biex titgħallem,” tgħid Marshay, li għandha żewġt itfal. “Żomm ruħek aġġornat dwar it-teknoloġija.”
“Għandek tpoġġi lqugħ madwar is-saqaf [ċatt] tiegħek, ħalli ħadd ma jaqaʼ minn hemm.” (Dewteronomju 22:8, The Amplified Bible) Dawk li jipprovdu s-servizz taʼ l-Internet u l-programmi tal-kompjuter għandhom mnejn joffru programmi li jgħinu lill-ġenituri biex jikkontrollaw l-użu taʼ l-Internet u li jaġixxu bħala “lqugħ” biex jimblokkaw il-pop-ups li m’humiex xierqa u l-aċċess għal siti li huma taʼ ħsara. Xi programmi jistgħu wkoll jgħinu biex lit-tfal ma jħalluhomx jikxfu informazzjoni persunali, bħal isimhom jew l-indirizz tagħhom. Madankollu, tajjeb nirrealizzaw li l-metodi tal-ġenituri biex jikkontrollaw dawn l-affarijiet mhux dejjem jirnexxilhom jimblokkaw kulma hu taʼ ħsara. Ukoll, ħafna tfal li huma daqsxejn akbar u li jafu jużaw il-kompjuter jitgħallmu kif ma jħalluhomx iwaqqfuhom.
“Min jinqataʼ għalih se jfittex ix-xewqa egoistika tiegħu stess; kontra kull għaqal jiħodha.” (Proverbji 18:1) Studju fir-Renju Unit wera li kważi 1 minn kull 5 żgħażagħ taʼ bejn l-etajiet taʼ 9 u 19-il sena kellhom aċċess għall-Internet fil-kamra tas-sodda tagħhom. Jekk il-ġenituri jżommu l-kompjuter f’post ċentrali fid-dar se jkunu jistgħu jaraw x’inhuma jagħmlu wliedhom fuq l-Internet u dan jistaʼ jinkuraġġixxi lit-tfal biex jevitaw siti mhux mixtiqin.
“Oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-ħin bl-aħjar mod, għax il-jiem huma ħżiena.” (Efesin 5:15, 16) Iddeċiedi meta wliedek jistgħu jużaw l-Internet, kemm ħin jistgħu jdumu fuqu, u t-tip taʼ siti li jistgħu u ma jistgħux iżuru. Iddiskuti l-istruzzjonijiet tiegħek maʼ wliedek, u kun ċert li huma jifhmuhom.
M’għandniex xi ngħidu, ma tistax tara x’inhuma jagħmlu wliedek meta jkunu barra d-dar. Għalhekk, huwa importanti li tnaqqax f’uliedek valuri xierqa ħalli huma jkunu jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet għaqlin meta int ma tkunx hemm.a (Filippin 2:12) Spjega ċar u tond x’se jkunu l-konsegwenzi jekk ir-regoli tiegħek rigward l-Internet jiġu miksurin. Imbagħad żomm maʼ dawn ir-regoli.
“[Omm tajba] tieħu ħsieb dak li jiġri f’darha.” (Proverbji 31:27) Oqgħod attent għall-mod kif uliedek jużaw l-Internet, u urihom li se tkun għassa tagħhom. B’daqshekk ma tkunx qed tinvadi l-privatezza tagħhom. Ftakar li l-Internet hu post taʼ diskussjoni għall-pubbliku. Id-Dipartiment Federali taʼ l-Investigazzjoni (FBI) fl-Istati Uniti jirrikkmanda li l-ġenituri jkollhom aċċess għall-indirizzi fuq l-Internet li jkollhom uliedhom u li kultant jiċċekkjaw l-e-mails tagħhom u l-Web sites li jkunu żaru.
“L-abbiltà li taħseb tibqaʼ tgħasses fuqek, u d-dixxerniment iħarsek, sabiex jeħilsuk mit-triq il-ħażina, mill-bniedem li jgħid affarijiet imħassrin.” (Proverbji 2:11, 12) Minkejja li toqgħod għassa u tara x’jagħmlu wliedek fuq l-Internet, xorta int limitat f’dak li tistaʼ tagħmel. Se jirnexxilek ħafna iktar tipproteġi lil uliedek jekk tgħallimhom ċerti valuri—permezz taʼ l-eżempju li tagħtihom. Allura, ħu l-ħin biex tiddiskuti maʼ wliedek x’jistaʼ jiġri fuq l-Internet. Komunikazzjoni miftuħa maʼ wliedek hija l-aqwa difiża li jistaʼ jkollok kontra l-perikli taʼ l-Internet. “Aħna tkellimna maż-żewġ subien tagħna rigward in-nies ‘ħżiena’ fuq l-Internet,” jgħid Tom, missier Kristjan. “Spjegajnielhom ukoll x’inhi l-pornografija, għala għandha tiġi evitata, u għala qatt m’għandhom jikkomunikaw maʼ l-istranġieri.”
Int Tistaʼ Tipproteġi lil Uliedek
Hemm bżonn taʼ sforz biex tipproteġi lil uliedek mill-perikli taʼ l-Internet, u l-aċċess elettroniku għall-mezzi tax-xandir qed jinbidel il-ħin kollu. Teknoloġiji ġodda jistgħu jġibu vantaġġi uniċi u riskji li qatt ma kien hawn bħalhom għat-tfal. Kif jistgħu l-ġenituri jippreparaw lil uliedhom għall-perikli tal-futur? “L-għerf hu protezzjoni bħalma l-flus huma protezzjoni,” tgħid il-Bibbja.—Ekkleżjasti 7:12.
Għin lil uliedek isiru għaqlin. Għinhom ukoll jifhmu kif jevitaw il-perikli fuq l-Internet u kif jużawh b’mod responsabbli. B’dan il-mod, l-Internet jistaʼ jkun għodda utli li ma theddidx is-sigurtà taʼ wliedek.
[Nota taʼ taħt]
a Il-ġenituri għandhom jiftakru li ħafna żgħażagħ jistgħu jidħlu fl-Internet permezz tat-telefon ċellulari, permezz t’apparat ieħor li jistgħu jġorruh magħhom, u saħansitra permezz taʼ ċertu apparat li jintuża għal-logħob elettroniku.
[Kumment f’paġna 8]
Fir-Renju Unit, 57 fil-mija miż-żgħażagħ taʼ bejn l-etajiet taʼ 9 u 19-il sena li jużaw l-Internet kull ġimgħa ġew f’kuntatt mal-pornografija; madankollu, 16 fil-mija biss mill-ġenituri jaħsbu li wliedhom raw il-pornografija fuq l-Internet
[Kumment f’paġna 9]
L-esperti jemmnu li xi 750,000 predatur jistgħu jkunu fuq l-Internet kuljum, ifittxu fiċ-chat rooms u fuq is-servizzi li jlaqqgħu n-nies għal raġunijiet romantiċi
[Kumment f’paġna 9]
Fl-Istati Uniti, 93 fil-mija miż-żgħażagħ taʼ bejn l-etajiet tat-12 u s-17-il sena jużaw l-Internet
[Stampa f’paġna 8, 9]
Tistaʼ int tgħallem lil uliedek jużaw l-Internet b’mod responsabbli?