Il-Ħarsa tal-Bibbja
Iridek Alla Tkun Għani?
“Alla għenni nibda paġna ġdida! Ħa nsir sinjur!”
“Nixtieq insir sinjur kbir għax din hija r-rieda t’Alla u taʼ l-anġli kollha.”
“Alla jagħtina l-qawwa biex niksbu l-għana.”
“Qed nistagħna minħabba l-Ktieb [il-Bibbja].”
DAWN l-istqarrijiet jirriflettu l-ħarsa taʼ diversi għaqdiet reliġjużi li jistqarru li dak li jkun jistagħna materjalment għax ikollu l-barka t’Alla. Huma jgħallmu li jekk tagħmel is-sewwa f’għajnejn Alla, hu jagħtik il-qawwa biex tikseb l-affarijiet tajbin taʼ din il-ħajja u jippremjak wara wkoll. Dan it-tagħlim jiġbed lil ħafna nies, u l-kotba li jippromwovuh huma fost l-iktar li jinbiegħu. Imma huwa dan it-“tagħlim tal-prosperità” fi qbil ma’ dak li tgħid il-Bibbja?
M’għandniex xi ngħidu, il-Ħallieq tagħna, li l-Bibbja ssejjaħlu “l-Alla l-hieni,” iridna ngħixu ħajja mimlija ferħ u suċċess. (1 Timotju 1:11; Salm 1:1-3) Iżjed minn hekk, hu jbierek lil dawk li jogħġbuh. (Proverbji 10:22) Imma għalina llum, hija din il-barka sempliċement tip taʼ prosperità materjali? It-tweġiba toħroġ ċara meta nifhmu fejn ninsabu fil-medda taż-żmien fi qbil ma’ l-iskop t’Alla.
Huwa ż-Żmien li Nsiru Sinjuri?
Fil-passat, Alla Ġeħova bierek lil xi wħud mill-qaddejja tiegħu b’ġid materjali. Il-patrijarka Ġob u s-Sultan Salamun kienu eżempji tajbin taʼ dan. (1 Slaten 10:23; Ġob 42:12) Però, ħafna rġiel oħrajn li kellhom il-biżaʼ t’Alla, fosthom Ġwanni l-Battista u Ġesù Kristu, ftit kellhom materjalment. (Marku 1:6; Luqa 9:58) Dan xi jfisser? Skond il-Bibbja, Alla jittratta lill-qaddejja tiegħu fi qbil ma’ l-iskop tiegħu għalihom matul dak iż-żmien. (Ekkleżjasti 3:1) Dan il-prinċipju kif japplika għalina llum?
Il-profezija Biblika tirrivela li qed ngħixu fil-“konklużjoni tas-sistema,” jew “fl-aħħar jiem” tad-dinja preżenti. Dan iż-żmien kellu jkun karatterizzat minn gwerer, mard, ġuħ, terremoti, u kollass fis-soċjetà—kundizzjonijiet li fnew lill-umanità fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha mis-sena 1914 ’il quddiem. (Mattew 24:3; 2 Timotju 3:1-5; Luqa 21:10, 11; Rivelazzjoni 6:3-8) F’kelma oħra, din id-dinja, bħal vapur li qed jimtela bl-ilma, dalwaqt se tegħreq! Meta nqisu dawn il-fatti, jagħmel sens li Alla jbierek lil kull wieħed mill-qaddejja tiegħu b’rikkezzi materjali, jew kieku Alla kien ikollu prijoritajiet oħrajn għalina?
Ġesù Kristu qabbel żmienna ma’ jiem Noè. Ġesù qal: “Bħalma f’dawk il-jiem qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-żwieġ, sal-jum li Noè daħal fl-arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.” (Mattew 24:37-39) Ġesù qabbel ukoll żmienna ma’ żmien Lot. Il-ġirien taʼ Lot f’Sodoma u Gomorra kienu qed ‘jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, u jibnu.’ “Imma dakinhar li Lot ħareġ minn Sodoma niżlet xita taʼ nar u kubrit mis-sema u qerdithom ilkoll,” qal Ġesù, u kompla jgħid: “L-istess jiġri dakinhar li Bin il-bniedem jiġi rivelat.”—Luqa 17:28-30.
M’għandniex xi ngħidu, m’hemm xejn ħażin li wieħed jiekol, jixrob, jiżżewweġ, jixtri, u jbigħ. Il-periklu jkun meta tant nintilfu f’dawn l-affarijiet li ma nagħtux kas l-urġenza taż-żminijiet. Għalhekk staqsi lilek innifsek, ‘Ikun Alla qed jgħinna li kieku kellu jberikna bl-istess affarijiet li jistgħu jaljenawna f’ħajjitna?’a Le, anzi jkun qed jagħmlilna l-ħsara. L-Alla taʼ l-imħabba ma jagħmilx hekk!—1 Timotju 6:17; 1 Ġwanni 4:8.
Żmien li Nsalvaw il-Ħajjiet!
F’dan iż-żmien kritiku fl-istorja tal-bniedem, il-poplu t’Alla għandu xogħol urġenti x’jagħmel. Ġesù qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu dan il-kliem b’serjetà kbira. Għalhekk, jinkuraġġixxu lil għajrhom biex jitgħallmu dwar din is-Saltna u x’jirrikjedi Alla minna biex niksbu l-ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 17:3.
Madankollu, Alla ma jistenniex li l-qaddejja leali tiegħu jgħixu ħajja taʼ ċaħda. Minflok, hu jridhom ikunu kuntenti bin-neċessitajiet tal-ħajja sabiex ikunu jistgħu jiffokaw fuq il-qima tagħhom lejh. (Mattew 6:33) Mill-banda l-oħra, hu se jara li jkollhom il-bżonnijiet materjali tagħhom. Ebrej 13:5 jgħid: “Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-preżent. Għax [Alla] qal: ‘Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.’”
Alla se jwettaq din il-wegħda b’mod li jispikka meta jsalva “folla kbira” taʼ qaddejja veri matul it-tmiem taʼ din is-sistema u għal ġo dinja ġdida taʼ paċi u prosperità vera. (Rivelazzjoni 7:9, 14) Ġesù qal: “Jien ġejt biex ikollhom [is-segwaċi leali tiegħu] il-ħajja, ħajja bl-abbundanza.” (Ġwanni 10:10) Din il-“ħajja bl-abbundanza” ma tirreferix għal ħajja t’għana materjali issa, imma għal ħajja f’Ġenna taʼ l-art taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla.—Luqa 23:43.
Titqarraqx billi taqaʼ għal dak li jsejħulu tagħlim tal-prosperità, li fil-fatt huwa tagħlim tat-tfixkil. Minflok, agħti kas il-kliem kollu mħabba imma urġenti taʼ Ġesù: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa.”—Luqa 21:34, 35.
[Nota taʼ taħt]
a Bħal fl-ewwel seklu, xi Kristjani leali llum huma għonja. Madankollu, Alla jwissihom biex ma jafdawx fl-għana tagħhom jew iħalluh itellifhom. (Proverbji 11:28; Marku 10:25; Rivelazzjoni 3:17) Kemm jekk aħna għonja u kemm jekk foqra, ilkoll għandna nkunu ffokati fuq li nagħmlu r-rieda t’Alla.—Luqa 12:31.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
◼ Issa għal liema ħaġa hu ż-żmien?—Mattew 24:14.
◼ Ġesù qabbel żmienna maż-żminijiet taʼ liema karattri Bibliċi? —Mattew 24:37-39; Luqa 17:28-30.
◼ X’għandna nevitaw jekk irridu niksbu l-ħajja taʼ dejjem?—Luqa 21:34.
[Kumment f’paġna 13]
Dak li jsejħulu tagħlim tal-prosperità, fil-fatt, huwa tagħlim tat-tfixkil