“Tibqgħux Tkunu Ansjużi”
“Il-kont tal-bank tagħna żvojta flimkien maʼ dak li konna faddalna f’isem uliedna. Għal ħafna xhur konna mingħajr dħul taʼ flus.”
● Kont qed immexxi skola f’post rurali fl-Indja, u kienet sejra tajba ħafna. Kien hemm żmien meta kienu jattendu madwar 500 student fiha. Imbagħad skola prestiġjuża fil-belt bdiet tibgħat karozzi tal-linja fl-inħawi tagħna, u għamluha faċli biex tattendi f’dik l-iskola. Naturalment, ħafna mill-istudenti tiegħi marru fl-iskola tal-belt. Fil-fatt, in-numru tal-istudenti tal-iskola tiegħi niżel minn madwar 500 student għal xi 60. Biex tgħaxxaqha, dik il-ħabta uffiċjal tal-iskola rtira mill-ftehim finanzjarju li kellna, u kien għad għandu jagħtini xi flus. B’għadd kbir taʼ ħaddiema tal-iskola li riedu jitħallsu, iffaċċjajt kriżi finanzjarja.
Qgħadna bilqiegħda bħala familja u ddiskutejna s-sitwazzjoni. Ilkoll urejna spirtu taʼ sagrifiċċju persunali hekk kif stinkajna biex insegwu t-twissija taʼ Ġesù f’li nżommu ‘għajn sempliċi’ finanzjarjament—fi kliem ieħor, ma nonfqux iktar milli stajna. (Mattew 6:22, 25) Għal xi żmien kellna nieqfu nużaw il-karozza tagħna minħabba l-ispejjeż tal-petrol u l-manutenzjoni. Naqqasna l-ispejjeż tal-ikel tagħna billi konna mmorru nixtru tard filgħaxijiet, meta l-prezz tal-ikel li jkun fadal ikun imnaqqas. Ukoll naqqasna mill-għadd tal-affarijiet li konna nieklu kull ikla.
Aħna Xhieda taʼ Ġeħova, u bħala talin inħossu li hu importanti li ninġabru maʼ sħabna fit-twemmin fil-laqgħat Kristjani. (Ebrej 10:25) Għalhekk, għalkemm is-sitwazzjoni finanzjarja tagħna kienet diffiċli, konna deċiżi li ma nitilfux il-laqgħat u l-assembleat—saħansitra jekk kellna nivvjaġġaw distanzi twal. Il-ministeru tagħna—li jinvolvi li ngħallmu lin-nies dwar il-Bibbja—jinkludi li mmorru f’territorji ’l bogħod. Konna nużaw mutur żgħir flok il-karozza għal dan ix-xogħol. M’għandniex xi ngħidu, ma stajniex nitilgħu iktar minn tnejn f’daqqa fuq il-mutur.
Imma dan ma kienx ifisser li qattajna inqas ħin fil-ministeru. Għall-kuntrarju, kemm marti kif ukoll it-tifla tagħna bdew iqattgħu iktar ħin jitkellmu maʼ oħrajn dwar il-Bibbja. Huma kultant kienu jimxu minn sitt sa tmien kilometri kull naħa biex jikkonduċu studji tal-Bibbja fid-djar maʼ wħud interessati. Jien u ibni wkoll għamilna sforz biex inqattgħu iktar ħin ngħallmu lil oħrajn dwar il-Bibbja.
L-affarijiet issa huma naqra aħjar għalina finanzjarjament. Però, minn dak li għaddejna minnu, bħala familja tgħallimna biex ma npoġġux ħafna importanza fuq l-affarijiet materjali. Tgħallimna wkoll biex ma nkunux ansjużi żżejjed dwar affarijiet li m’għandniex kontroll fuqhom. Sibna l-Iskrittura taʼ Salm 55:22 inkuraġġanti b’mod partikulari. Din tgħid: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik. Hu qatt ma jħalli lill-ġust jogħtor.” Dan il-kliem wera li hu minnu mija fil-mija matul il-perijodu tagħna taʼ stress finanzjarju!—Kontribwit.