“Se Jkollna Nagħtuk is-Sensja”
DAWK fil-maniġment kienu jsejħulu Fred il-Ġenju.a Bl-invenzjonijiet tiegħu matul is-sitt snin li kien ilu jaħdem maʼ din il-kumpanija ffrankalhom il-belli liri. Għalhekk, meta ġie msejjaħ fl-uffiċċju taʼ wieħed mid-diretturi, Fred stenna xi żieda fil-paga jew xi promozzjoni. Minflok, id-direttur qabad u qallu: “Se jkollna nagħtuk is-sensja.”
Fred ma setax jemmen lil widnejh. Hu jgħid: “Kelli paga tajba u x-xogħol kien għal qalbi, imma ħabta u sabta sfaxxa kollox.” Iktar tard, x’ħin Fred qal lil martu Adele b’dak li kien ġara, anki hi baqgħet ixxokkjata. Hi tiftakar u tgħid: “Demmi kesaħ. Bejni u bejn ruħi bdejt ngħid, ‘Issa x’se nagħmlu?’”
Dak li ġralu Fred ġara lil miljuni taʼ nies oħrajn, bħalma jidher fil-graff t’hawn taħt. Madankollu, in-numri biss ma jurux l-impatt emozzjonali devastanti li jħalli l-qagħad. Ikkunsidra l-każ taʼ Raúl, immigrant mill-Perù, li tkeċċa mix-xogħol wara li għamel 18-il sena sħaħ jaħdem f’lukanda kbira fil-belt taʼ New York. Raúl dam ifittex xogħol, imma kien kollu għalxejn. Hu jgħid: “Kont ili kważi 30 sena nipprovdi għall-familja tiegħi. Bdejt inħossni bħallikieku bniedem fallut.”
L-esperjenza taʼ Raúl turi biċ-ċar fatt li hu magħruf sew fost dawk li jinsabu bla xogħol—li t-telf taʼ impjieg ma jikkaġunax biss toqol finanzjarju. Spiss dan jifnik minn ġewwa. Renée, li żewġha Matthew kien ilu bla xogħol għal iktar minn tliet snin, tgħid: “Bdejt inħossni li ma niswa għal xejn. Jekk ma jkollok xejn, in-nies jittrattawk bħallikieku m’int xejn u ma ddumx ma tibda tqis lilek innifsek bħalma jqisuk huma.”
Bħallikieku l-uġigħ emozzjonali mhuwiex biżżejjed, kull persuna li ssib ruħha mingħajr impjieg tiffaċċja wkoll l-isfida taʼ li tgħaddi b’inqas flus. Fred jgħid: “Meta kellna l-flus, qatt m’għaddielna minn moħħna li nissimplifikaw ħajjitna. Imma meta l-istess kontijiet tas-soltu baqgħu ġejjin—u konna għadna bla xogħol—ma kellniex għażla oħra ħlief li nissimplifikaw ħajjitna.”
Waqt li qed tfittex xogħol, ikollok bżonn tkampa mal-ansjetà mentali u emozzjonali li jġib miegħu l-qagħad. Forsi jkollok tgħaddi b’inqas flus. Imma l-ewwel, ejja nikkunsidraw żewġ passi prattiċi li tistaʼ tieħu sabiex tkampa mal-isfidi emozzjonali.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet f’din is-serje ġew mibdulin.
[Graff f’paġna 3]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
In-Numru taʼ Nies bla Xogħol fl-2008 fi Tliet Pajjiżi Biss
Il-Ġappun 2,650,000
Spanja 2,590,000
L-Istati Uniti 8,924,000