‘Toqgħodx Tħabbel Rasek għall-Għada’
Renée ma felħitx iktar. Żewġha Matthew kien ilu mingħajr xogħol fiss għal iktar minn tliet snin. Renée tiftakar u tgħid: “Ħassejtni mtertqa minn ġewwa. Il-ħsieb li ma kontx naf x’inhu ġej għalina kissirni!” Matthew ipprova jtaffi l-ansjetajiet taʼ martu billi fehemha li qatt ma kien naqashom xejn. Renée wieġbet: “Imma xorta għadek bla xogħol, u għandna bżonn il-flus!”
BLA DUBJU, telf taʼ impjieg iġib miegħu ansjetà. Xi ħadd li jkun bla xogħol jistaʼ jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Kemm se ndum bla xogħol? Sadanittant, kif nistgħu nipprovdu l-bżonnijiet tal-familja tagħna?’
Filwaqt li tħassib bħal dan huwa normali, Ġesù Kristu ta parir prattiku li jistaʼ jtaffi l-ansjetà. Hu stqarr: “Toqogħdux tħabblu raskom għall-għada . . . Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata.”—Mattew 6:34, Għaqda Biblika Maltija.
Agħraf il-Beżgħat Tiegħek
Ġesù ma riedx ifisser li għandna naġixxu bħallikieku l-problema tagħna ma kinitx teżisti. Madankollu, jekk ninkwetaw fuq dak li għandu mnejn jiġri għada, it-toqol emozzjonali tal-ġurnata se jiżdied. Ngħiduha kif inhi, ftit li xejn għandna kontroll fuq dak li jistaʼ jinqalaʼ għada, sew jekk inhu tajjeb u sew jekk inhu ħażin. Imma nistgħu nieħdu xi passi biex inkampaw mal-preżent.
Ċertament huwa iktar faċli tgħidha milli tagħmilha! Rebekah, li żewġha tilef l-impjieg wara 12-il sena, tgħid: “Meta l-istress ikun daqstant qawwi, diffiċli taħseb dwar l-affarijiet b’mod loġiku. Imma kellna nagħmlu dan. Għalhekk, ipprovajt nikkontrolla lili nnifsi. Meta l-akbar beżgħat tiegħi ma seħħewx, irrealizzajt li għalxejn noqgħod ninkwieta. Bdejna niffokaw fuq il-preżent u l-problemi tal-mument, u b’hekk ħlisna minn kull tip taʼ stress.”
Staqsi lilek innifsek: ‘X’inhuma l-akbar beżgħat tiegħi? X’inhi l-probabbiltà li dawn il-beżgħat isiru realtà? Kemm naħli enerġija ninkwieta fuq dak li għandu mnejn iseħħ jew ma jseħħx?’
Tgħallem Kun Kuntent b’Dak li Għandek
Il-ħarsa tagħna tistaʼ teffettwa l-emozzjonijiet tagħna. B’hekk, il-Bibbja tħeġġiġna biex ikollna din l-attitudni mentali: “La għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-affarijiet.” (1 Timotju 6:8) Li nkunu kuntenti jfisser li nillimitaw ix-xewqat tagħna u nkunu sodisfatti meta jkollna l-bżonnijiet tagħna taʼ kuljum. L-isforzi biex tissodisfa x-xewqa li jkollok iktar affarijiet iservu biss biex iġibu fix-xejn l-isforzi li tagħmel biex tissimplifika ħajtek.—Marku 4:19.
Wara li ħarset b’mod realistiku lejn is-sitwazzjoni tagħha, Renée rnexxielha titgħallem tkun kuntenta b’dak li għandha. Hi qalet li huma qatt ma spiċċaw mingħajr dawl jew ilma, u dejjem kellhom saqaf fuq rashom. Renée tgħid: “Il-problema vera kienet li ma konniex imdorrijin nissikkaw iċ-ċinturin. Ix-xewqa mhix realistika tiegħi li nżommu l-istess livell t’għajxien li kellna qabel ġegħlitni nħossni iktar stressata.”
Renée ma damitx ma ntebħet li kienet il-ħarsa tagħha—u mhux iċ-ċirkustanzi li kienet fihom—li ġegħlitha tħossha bħallikieku ma tiflaħx iktar. Hi tgħid: “Kelli niffaċċja r-realtà tas-sitwazzjoni li sibna ruħna fiha u mhux noqgħod nhewden fuq kif xtaqtha tkun. Hekk kif tgħallimt inkun kuntenta b’dak li jipprovdi Alla kuljum, bdejt inħossni ferm iktar ferħana.”
Staqsi lilek innifsek: ‘Il-bżonnijiet tiegħi għal-lum ġew provduti? Jekk iva, nistaʼ ngħix ġurnata b’ġurnata b’fiduċja li l-bżonnijiet tiegħi se jiġu provduti għada wkoll?’
L-ewwel pass biex tiffaċċja l-isfida li tgħaddi b’inqas flus hu li jkollok ħarsa xierqa.a Imma liema passi prattiċi tistaʼ tieħu meta d-dħul finanzjarju tiegħek jonqos minħabba li tispiċċa bla xogħol?
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar kif issib impjieg u żżommu, ara Stenbaħ! bl-Ingliż tat-8 taʼ Lulju, 2005, paġni 3-11.
[Kaxxa f’paġna 5]
Il-Persistenza Trendi!
Fred dam bosta ġimgħat ifittex xogħol, imma bla ebda riżultat pożittiv. Hu ħass li l-bibien kollha kienu ngħalqu għalih. Hu jgħid: “Kien bħallikieku qed nistenna tal-linja biex nirkeb imma ma jiġi ħadd.” Fred iddeċieda li jikkontrolla l-unika ħaġa li setaʼ jikkontrolla—l-azzjonijiet tiegħu stess. Bagħat applikazzjonijiet għal xogħol lil kull kumpanija li dehret li għandha l-iċken ħtieġa għall-abbiltajiet tiegħu. Hu wieġeb kull ittra li rċieva u pprepara sew għal kull intervista, konvint li “l-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ.” (Proverbji 21:5) Fred jgħid, “Kumpanija minnhom għamlitli żewġ intervisti li fihom il-maniġers imlaħħqin ibbombardjawni b’xita taʼ mistoqsijiet.” Imma l-persistenza taʼ Fred rendiet! Hu jgħid: “Fl-aħħar impjegawni!”
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
Xi Ħaġa Iktar Importanti mid-Dħul Finanzjarju
X’inhu l-iktar importanti—il-karattru morali tiegħek jew id-dħul finanzjarju tiegħek? Ikkunsidra żewġ proverbji li jinsabu fil-Bibbja.
“Aħjar wieħed taʼ ftit mezzi li qed jimxi bl-integrità tiegħu minn xi ħadd għani imma li għandu triqatu mgħawġin.”—Proverbji 28:6.
“Aħjar platt ħaxix fejn hemm l-imħabba milli barri msemmen bil-mibegħda miegħu.”—Proverbji 15:17.
B’mod ċar, in-nuqqas taʼ dħul finanzjarju ma jnaqqasx l-integrità morali u l-valur taʼ individwu. Għalhekk, meta r-raġel taʼ Renée tilef l-impjieg, hi qalet lil uliedha: “Ħafna missirijiet abbandunaw lill-familji tagħhom. Imma missierkom għadu hawn għalikom. Intom tafu kemm iħobbkom u kemm għenkom fil-problemi kollha tagħkom. Ma jistax ikollkom missier aħjar!”