LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 10/15 pp. 4-7
  • Għix Billi Żżomm il-Futur f’Moħħok

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għix Billi Żżomm il-Futur f’Moħħok
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Tibqax Tkun Ansjuż’
  • Missierna Jaf X’Għandek Bżonn
  • ‘Ibqaʼ Fittex l-​Ewwel is-​Saltna t’Alla’
  • “Ħa Tiġi Saltnatek”
  • Aħżen Teżori fis-​Sema
  • X’Tistaʼ Tagħmel?
  • Tkunx ansjuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Kif nistaʼ nkampa mal-ansjetà?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • L-ansjetà
    Stenbaħ!—2016
  • Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuq Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 10/15 pp. 4-7

Għix Billi Żżomm il-​Futur f’Moħħok

“TKUNUX ansjużi dwar għada,” qal Ġesù Kristu waqt priedka magħrufa li għamel fuq il-​muntanja fil-​Galilija. Skond it-​traduzzjoni The New English Bible, Ġesù kompla jgħid: “Għada jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.”—Mattew 6:34.

X’taħseb li jfisser dan il-​kliem, “għada jieħu ħsieb tiegħu nnifsu”? Qiegħed dan jindika li għandek tgħix biss għal-​lum u tinjora l-​futur? Jaqbel dan verament maʼ dak li Ġesù u s-​segwaċi tiegħu kienu jemmnu?

‘Tibqax Tkun Ansjuż’

Aqra għalik innifsek il-​kliem taʼ Ġesù kollu kemm hu f’Mattew 6:​25-32. F’parti minnu hu qal: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu. . . . Osservaw bir-​reqqa l-​għasafar tas-​sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-​imħażen; imma Missierkom tas-​sema xorta waħda jitmagħhom. . . . Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit? Ukoll, għala intom ansjużi dwar l-​ilbies? Tgħallmu lezzjoni mill-​ġilji tar-​rabaʼ, kif jikbru; huma la jitħabtu u lanqas jinsġu . . . Għalhekk, qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-​affarijiet li l-​ġnus qed ifittxu bil-​ħerqa. Għax Missierkom tas-​sema jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet kollha.”

Ġesù jtemm din il-​parti tal-​priedka tiegħu b’żewġ pariri. L-​ewwel parir huwa: “Ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna [t’Alla] u s-​sewwa tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.” It-​tieni parir huwa: “Għalhekk, qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada, għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-​ħażen tagħha.”—Mattew 6:​33, 34.

Missierna Jaf X’Għandek Bżonn

Taħseb li Ġesù kien qed jiskuraġġixxi lid-​dixxipli tiegħu, inkluż lill-​bdiewa, milli ‘jiżirgħu, jaħsdu, u jiġbru fl-​imħażen’? Jew milli ‘jitħabtu u jinsġu’ sabiex jagħmlu l-​ħwejjeġ li jkollhom bżonn? (Proverbji 21:5; 24:​30-34; Koħèlet 11:4) Dażgur li le. Li kieku waqfu jaħdmu żgur kienu jispiċċaw ‘jittallbu fi żmien il-​ħsad,’ mingħajr ikel u ħwejjeġ.—Proverbji 20:4.

U xi ngħidu għall-​ansjetà? Ried Ġesù jfisser li l-​udjenza tiegħu kienet se tiġi skansata mill-​ansjetà kompletament? Dan ma kienx ikun realistiku. Ġesù nnifsu esperjenza niket u ansjetà emozzjonali li ma bħalha fil-​lejl qabel ma ġie arrestat.—Luqa 22:44.

Ġesù sempliċement kien qed jgħid verità fundamentali. L-​ansjetà żejda qatt m’hi se tgħinek issolvi kwalunkwe problema li tiffaċċja. Per eżempju, m’hijiex se ttawwallek ħajtek. Ġesù qal li m’hijiex se ‘ttawwallek għomrok imqar bi ftit.’ (Mattew 6:27) Fil-​fatt, ansjetà kbira u fit-​tul x’aktarx li se tqassarlek ħajtek.

Il-parir tiegħu kien prattiku b’mod li jispikka. Ħafna mill-​affarijiet li ninkwetaw dwarhom spiss lanqas biss jiġru. Il-​politiku Ingliż Winston Churchill irrealizza dan dwar iż-​żminijiet koroh tat-​tieni gwerra dinjija. Dwar xi ftit mill-​ansjetajiet li kellu dak iż-​żmien hu kiteb: “Meta nirrifletti fuq dan it-​tħassib, niftakar fl-​istorja tar-​raġel xiħ li waqt li kien fuq is-​sodda tal-​mewt tiegħu qal li kellu ħafna problemi f’ħajtu, li ħafna minnhom qatt ma ġraw.” Tabilħaqq, huwa għaqli li tieħu kull ġurnata kif tiġi, speċjalment meta l-​pressjonijiet u l-​problemi li niffaċċjaw jistgħu faċilment joħolqu fina ansjetà kbira.

‘Ibqaʼ Fittex l-​Ewwel is-​Saltna t’Alla’

Fir-​realtà, Ġesù kellu ħafna iktar f’moħħu mill-​benesseri fiżiku u emozzjonali tas-​semmiegħa tiegħu. Hu kien jaf li l-​ansjetà dwar li niksbu n-​neċessitajiet tal-​ħajja, kif ukoll ix-​xewqa kbira għall-​ġid u l-​pjaċiri, jistgħu jaljenawna minn dak li hu iktar importanti. (Filippin 1:10) Għandek mnejn taħseb, ‘X’jistaʼ jkun iktar importanti milli niksbu n-​neċessitajiet tal-​ħajja?’ It-​tweġiba hi l-​affarijiet spiritwali li huma relatati mal-​qima tagħna lil Alla. L-​iktar ħaġa primarja f’ħajjitna, enfasizza Ġesù, għandha tkun li ‘nibqgħu nfittxu l-​ewwel is-​Saltna t’Alla u s-​sewwa tiegħu.’—Mattew 6:33.

Fi żmien Ġesù, ħafna nies kienu qed jiġru bil-​ħeġġa kollha wara l-​affarijiet materjali. Il-​prijorità tagħhom kienet li jiksbu l-​ġid. Madankollu, Ġesù ħeġġeġ lis-​semmiegħa tiegħu biex iqisu l-​affarijiet b’mod differenti. Peress li kienu poplu dedikat lil Alla, l-​“obbligu kollu” tagħhom kien li ‘jibżgħu mill-​Alla l-​veru u jħarsu l-​kmandamenti tiegħu.’—Koħèlet 12:​13, NW.

Il-preokkupazzjoni bl-​affarijiet materjali tagħhom—“l-​ansjetà taʼ din is-​sistema u l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi”—setgħet teqred l-​ispiritwalità tas-​semmiegħa tiegħu. (Mattew 13:22) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni u f’nassa u f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-​ħsara u li jixħtu lill-​bnedmin f’qerda u f’rovina.” (1 Timotju 6:9) Biex jgħinhom jevitaw din in-​“nassa,” Ġesù fakkar lis-​segwaċi tiegħu li Missierhom tas-​sema kien jaf li kellhom bżonn dawn l-​affarijiet kollha. Alla kien se jipprovdilhom bħalma hu jipprovdi għall-​“għasafar tas-​sema.” (Mattew 6:​26, 32) Minflok ma jħallu l-​ansjetà tegħlibhom, huma kellhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom, u mbagħad b’fiduċja jħallu l-​affarijiet f’idejn Ġeħova.—Filippin 4:​6, 7.

Meta Ġesù qal “għada jieħu ħsieb tiegħu nnifsu,” hu sempliċement ried ifisser li m’għandniex inħallu l-​ansjetà żejda dwar dak li jistaʼ jiġri għada żżid mal-​problemi taʼ llum. Verżjoni oħra tal-​Bibbja tittraduċi l-​kliem tiegħu b’dan il-​mod: “Tinkwetawx dwar għada; se jkollu biżżejjed inkwiet għalih innifsu. M’hemmx għalfejn iżżidu maʼ l-​inkwiet li kull jum iġib miegħu.”—Mattew 6:​34, Today’s English Version.

“Ħa Tiġi Saltnatek”

Madankollu, hemm differenza kbira bejn li ma tinkwetax bla bżonn dwar il-​futur u li tinjorah kompletament. Ġesù qatt ma inkuraġġixxa lid-​dixxipli tiegħu biex jinjoraw il-​futur. Għall-​kuntrarju, hu ħeġġiġhom biex ikunu interessati ħafna fil-​futur. Huma kellhom bix-​xieraq jitolbu għall-​bżonnijiet tal-​preżent—ħobżhom taʼ kuljum. Imma l-​ewwel huma kellhom jitolbu għall-​affarijiet li kellhom iseħħu fil-​futur—li tiġi s-​Saltna t’Alla u li r-​rieda tiegħu sseħħ fuq l-​art.—Mattew 6:​9-11.

M’għandniex inkunu bħan-​nies taʼ żmien Noè. Dawn tant kienu mħabbtin “jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-​żwieġ” li “ma tawx kas” taʼ dak li kien se jiġri. B’liema konsegwenzi? “Ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll.” (Mattew 24:​36-42) L-​appostlu Pietru uża din il-​ġrajja storika sabiex ifakkarna fil-​bżonn li ngħixu bil-​futur f’moħħna. “Ladarba dawn kollha għad idubu b’dan il-​mod,” hu kiteb, “x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu dejjem f’moħħkom il-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova”!—2 Pietru 3:​5-7, 11, 12.

Aħżen Teżori fis-​Sema

Iva, ejja nżommu ‘dejjem f’moħħna’ l-​jum taʼ Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk, dan se jeffettwa l-​mod kif nużaw il-​ħin, l-​enerġija, it-​talenti, ir-​riżorsi, u l-​abbiltajiet tagħna. M’għandniex inkunu tant medhijin bil-​ġiri wara l-​affarijiet materjali—kemm jekk in-​neċessitajiet u kemm jekk il-​pjaċiri tal-​ħajja—li jkollna ftit ħin għall-​għemejjel li jirriflettu “devozzjoni lejn Alla.” Jekk niffokaw biss fuq illum ir-​riżultati jistgħu jidhru immedjati, imma anki fl-​aqwa tagħhom il-​benefiċċji jkunu għal żmien qasir. Ġesù qal li huwa iktar għaqli li ‘naħżnu teżori fis-​sema’ minflok fuq l-​art.—Mattew 6:​19, 20.

Ġesù enfasizza l-​punt fit-​tixbiha tiegħu dwar raġel li għamel pjanijiet kbar għall-​futur. Kienu pjanijiet li ma kinux jinkludu lil Alla. L-​art taʼ dan ir-​raġel kienet produttiva ħafna. Hu ddeċieda li jwaqqaʼ l-​imħażen tiegħu u jibni oħrajn akbar ħalli jkun jistaʼ jgħix ħajja komda, jiekol, jixrob, u jgawdi. X’kien hemm ħażin f’dan? Hu miet qabel ma setaʼ jgawdi l-​frott taʼ xogħol idejh. Però, agħar minn hekk, hu ma kienx bena relazzjoni m’Alla. Ġesù kkonkluda: “Hekk jiġrilu min jaħżen teżor għalih innifsu imma ma jkunx għani m’Alla.”—Luqa 12:​15-21; Proverbji 19:21.

X’Tistaʼ Tagħmel?

Tagħmilx l-​istess żball li għamel ir-​raġel li ddeskriva Ġesù. Fittex dak li Alla għandu lest għall-​futur, u ibni ħajtek madwar dan. Alla ma ħalliex lill-​bnedmin fl-​għama dwar dak li se jagħmel. “Għax ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-​Mulej,” qal il-​profeta Għamos, “jekk ma jurix il-​ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-​qaddejja tiegħu l-​profeti.” (Għamos 3:7) Dak li Ġeħova rrivela permezz tal-​profeti tiegħu huwa issa disponibbli għalik fil-​paġni tal-​Kelma ispirata tiegħu, il-​Bibbja.—2 Timotju 3:​16, 17.

Waħda mill-​affarijiet li l-​Bibbja tirrivela hi li l-​futur qarib se jġib xi ħaġa li se teffettwa l-​art kollha fuq skala li qatt ma ntlaħqet qabel. Ġesù qal: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja s’issa.” (Mattew 24:21) L-​ebda bniedem ma jistaʼ jżomm din il-​ġrajja milli sseħħ. Tabilħaqq, m’hemm l-​ebda raġuni għala l-​aduraturi veri għandhom ikunu jridu jżommu dan milli jseħħ. Għala? Minħabba li din il-​ġrajja se teħles lill-​art minn kull ħażen, u se ġġib “sema ġdid u art ġdida,” jiġifieri, gvern ġdid fis-​sema u soċjetà ġdida fuq l-​art. F’dik id-​dinja l-​ġdida, Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn [għajnejn in-​nies], u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Rivelazzjoni 21:​1-4.

Mela, ma taħsibx li jagħmel sens li tieħu l-​ħin issa biex teżamina dak li l-​Bibbja tgħid dwar dawn l-​iżviluppi? Għandek bżonn għajnuna biex tagħmel dan? Itlob lix-​Xhieda taʼ Ġeħova biex jgħinuk. Jew ikteb lill-​pubblikaturi taʼ din ir-​rivista. Għandek kull raġuni biex ma tgħixx biss għal-​lum imma wkoll għal futur meraviljuż.

[Stampi f’paġna 7]

“Tibqgħux tkunu ansjużi . . . L-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja