Negħlbu l-Ostakli biex Inwasslu l-Aħbar Tajba
IT-TRAKK tagħna jasal fil-post taʼ identifikazzjoni fejn hemm madwar 60 raġel, mara, u adoloxxenti armati. Xi wħud lebsin l-uniformi; oħrajn huma pajżana. Ħafna qegħdin iġorru l-armi awtomatiċi. Donnhom qegħdin jistennewna. Bħalissa għaddej taqlib ċivili.
Ilna nivvjaġġaw erbat ijiem, inġorru għaxar tunnellati taʼ letteratura Biblika. Għandna dubju jekk iħalluniex ngħaddu. Se jitolbuna l-flus? Kemm se ndumu biex nikkonvinċuhom li x-xogħol tagħna huwa paċifiku?
Wieħed raġel jinsab ħerqan biex juża l-arma u jispara tir fl-arja bl-ixkubetta tiegħu biex ifakkarna min jikkmanda. Hu jinnotalna t-telefons ċellulari u jordnalna biex nagħtuhomlu. Meta nibdew naħsbuha, hu jagħmel mossa taʼ theddida lejn griżmejh li ma tħalli l-ebda dubju dwar dak li jsir minna jekk nirrifjutaw li nobdu. Aħna nnewlulu t-telefons.
F’daqqa waħda, mara bl-uniformi taqbad is-senter tagħha u tersaq lejna. Din hi “s-segretarja,” u tridna nagħtuha xi ħaġa wkoll. Il-ħajja hi diffiċli, u hi trid tibbenefika minn kwalunkwe “rigal” li nistgħu nagħtuha. Imbagħad, suldat ieħor jiftaħ it-tank tal-fuel tagħna biex jimla l-landa tiegħu bil-fuel. Filwaqt li jinjora l-protesti tagħna, hu jistqarr li sempliċement qed jobdi l-ordnijiet. M’hemm xejn x’nistgħu nagħmlu. Aħna nittamaw biss li l-oħrajn ma jagħmlux l-istess ħaġa.
Fl-aħħar, il-barrikata tinfetaħ, u aħna ninsabu fi triqitna. Jien u sieħbi nieħdu r-ruħ. Kienet sitwazzjoni taʼ qtigħ il-qalb, imma aħna drajniehom dawn il-keded li jagħtuna fil-postijiet taʼ identifikazzjoni. Bejn April taʼ l-2002 u Jannar taʼ l-2004, aħna għamilna 18-il vjaġġ mill-port taʼ Douala, il-Kamerun, lejn Bangui, il-belt kapitali tar-Repubblika Ċentrali Afrikana. Il-vjaġġ taʼ 1,600 kilometru huwa dejjem mimli riskji u sorpriżi.a
“Dawn il-vjaġġi għallmuna ħafna lezzjonijiet,” jispjegaw Joseph u Emmanuel, xufiera li jagħmlu dan il-vjaġġ regolarment. “Huwa għaqli li titlob bla heda f’qalbek u mbagħad tibqaʼ kalm. Is-salmista kiteb: ‘F’Alla nitma, m’għandix għax nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?’ Aħna nipprovaw inżommu l-istess attitudni. Inħossuna ċerti li Ġeħova jaf li l-vjaġġ tagħna huwa biex inwasslu l-messaġġ taʼ tama li huwa tant bżonnjuż.”—Salm 56:12 (56:11, NW).
Sforz Internazzjonali biex Jiġi Provdut l-Ikel Spiritwali
Ħafna nies f’din il-parti taʼ l-Afrika jħobbu jisimgħu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Il-letteratura li nittrasportaw hija disinjata biex tgħinhom jissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħhom. (Mattew 5:3; 24:14) L-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Kamerun, Douala, jipprovdi l-letteratura regolarment għal iktar minn 30,000 pubblikatur tas-Saltna u wħud interessati li jgħixu fil-Kamerun u fl-erbaʼ pajjiżi ġirien.
Din il-letteratura diġà għamlet vjaġġ twil. Ħafna minnha ġiet stampata fil-Finlandja, fil-Ġermanja, fl-Ingilterra, fl-Italja, u fi Spanja. Imbagħad ġiet trasportata bil-baħar minn Franza. Normalment, fil-port taʼ Douala jasal kontejner taʼ letteratura Biblika kull ġimagħtejn.
Il-kontejner jittellaʼ fuq trakk li jġorru lejn l-uffiċċju tal-fergħa. Il-ħaddiema tad-dipartiment li jibgħat il-letteratura jqassmuha skond id-destinazzjoni. M’huwiex faċli li jitwasslu l-pubblikazzjonijiet fil-partijiet imbegħdin taʼ dawn il-pajjiżi. Imma dan kollu jagħmel parti mit-tqassim taʼ l-aħbar tajba “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Aħna nistrieħu fuq il-volontieri li jissagrifikaw ruħhom u li huma lesti biex jagħmlu l-vjaġġi perikolużi bit-trakk. B’dan il-mod, provvista regulari taʼ letteratura Biblika tasal għand miljuni taʼ nies fil-parti ċentrali taʼ l-Afrika.
Vjaġġ Tipiku
Il-letteratura li tiġi trasportata bit-trakkijiet tforni ċ-Ċad, il-Gabon, il-Ginea Ekwatorjali, il-Kamerun, u r-Repubblika Ċentrali Afrikana. Ejja nakkumpanjaw trakk wieħed u l-ekwipaġġ tiegħu. Immaġina lilek innifsek bil-qiegħda max-xufiera, u ħejji ruħek għal vjaġġ avventuruż li se jieħu għaxart ijiem jew iktar.
Sitt xufiera jieħdu ħsieb dan il-vjaġġ. Huma jridu jkunu b’saħħithom, kapaċi, paċenzjużi, u lebsin pulit. Huma jilbsu jew ilbies Afrikan jew inkella qmis u ingravata. Fil-passat, l-uffiċjali tad-dwana kkummentaw: “Ħarsu lejn dan it-trakk nadif u x-xufiera lebsin pulit, eżatt bħalma tarahom fir-ritratti tal-pubblikazzjonijiet tagħhom.” Saħansitra iktar importanti mid-dehra tax-xufiera huwa l-fatt li huma lesti li jmorru kulfejn hemm bżonn sabiex jaqdu lil oħrajn.—Salm 110:3, Saydon.
Nitilqu minn Douala għall-ħabta tas-sitta taʼ fil-għodu, eżatt wara tlugħ ix-xemx, sabiex jiġi evitat it-traffiku kbir taʼ din il-belt li qed tikber b’rata mgħaġġla. Wara li naqsmu pont viċin l-uffiċċju tal-fergħa u ngħaddu mill-belt traffikuża, aħna nerħulha għal-lvant lejn l-ewwel destinazzjoni tagħna—Yaoundé, il-belt kapitali tal-Kamerun.
Is-sitt xufiera kollha jgħidulek kemm hu diffiċli li timmaniġġa trakk mgħobbi b’għaxar tunnellati kotba. L-ewwel tlett ijiem fuq toroq lixxi ftit li xejn jagħtuna problemi, għalkemm hemm bżonn t’attenzjoni u konċentrazzjoni sħiħa. Imbagħad, f’daqqa waħda, niltaqgħu maʼ xita bil-qliel. It-triq minn hawn ’il quddiem hija mħarbta. Il-viżibilità ma tibqax tajba, it-triq tibda tiżloq, u rridu nsuqu bil-mod peress li wiċċ it-toroq m’huwiex lixx. Tibda nieżla x-xemx. Sar il-ħin biex nieqfu, inġibu xi ikel, u nipprovaw norqdu b’saqajna mtellgħin fuq id-daxxbord. Hekk hi l-ħajja fuq dawn il-vjaġġi!
Kmieni l-għada fil-għodu, ikompli l-vjaġġ tagħna. Wieħed mix-xufiera jagħti daqqa t’id billi jżomm għajnejh fuq il-kundizzjoni tat-toroq. Hu jagħti twissija minnufih jekk nersqu qrib wisq tal-gandott fil-ġenb tat-triq. Ix-xufiera jafu tajjeb li jekk jiżolqu f’xi gandott, għandhom mnejn jieħdu diversi ġranet biex joħorġu. It-toroq ma jitjibux ħafna hekk kif naqsmu l-fruntiera u nidħlu fir-Repubblika Afrikana Ċentrali. Matul is-650 kilometru li jmiss, aħna ngħaddu minn kampanja mill-isbaħ, kollha ħdura u għoljiet. It-tfal, ix-xjuħ, u l-ommijiet bit-trabi fuq daharhom kollha jxejrulna hekk kif ngħaddu bil-mod mill-irħula tagħhom. Minħabba t-taqlib ċivili, ftit hemm karozzi fit-toroq f’dan iż-żmien, allura n-nies jibqgħu jħarsu fiss lejna b’kurżità.
Esperjenzi Sodisfaċenti
Janvier, wieħed mix-xufiera tagħna, jgħidilna li minkejja l-iskedi mimlijin, huma spiss jieqfu fi rħula żgħar biex jistrieħu u jqassmu l-letteratura Biblika. Hu jiftakar: “F’Baboua aħna dejjem ipprovajna nitkellmu maʼ impjegat fl-isptar li kien juri interess kbir fil-messaġġ tas-Saltna, u konna nikkonduċu studju tal-Bibbja fil-qosor miegħu. Ġurnata minnhom saħansitra wrejna lilu u lill-familja tiegħu l-vidjo dwar Noè. Ġew il-ħbieb u l-ġirien, u d-dar tiegħu malajr imtliet bi spettaturi eċċitati. Kulħadd kien semaʼ dwar Noè, u issa setgħu jsegwu l-istorja tiegħu fuq l-iskrin tat-televixin. Kien kommoventi li tara l-apprezzament tagħhom. Wara, huma rranġaw għal ikla speċjali biex juru l-gratitudni tagħhom, u ħeġġewna biex norqdu hemm. Kellna nitilqu minnufih u nkomplu l-vjaġġ twil tagħna, iżda konna ferħanin li stajna naqsmu l-aħbar tajba maʼ dawn in-nies umli.”
Israel, xufier ieħor, jiftakar f’xi ġrajjiet matul vjaġġ ieħor lejn Bangui, id-destinazzjoni tagħna. Hu jirrakkonta: “Iktar m’ersaqna qrib taʼ Bangui, iktar iltqajna m’uffiċjali li waqqfuna. B’xorti tajba, ħafna suldati kienu dħulin u ftakru t-trakk minn vjaġġi oħrajn li konna għamilna qabel. Huma stidnuna npoġġu bil-qiegħda magħhom, u aċċettaw il-letteratura Biblika bil-ferħ. Il-kotba għandhom valur kbir għalihom, għalhekk huma jiktbu isimhom fihom u mbagħad id-data u l-isem tal-persuna li tagħtihom il-ktieb. Xi wħud mis-suldati kellhom qraba li kienu Xhieda, u din kienet raġuni oħra għalfejn kienu dħulin.”
Joseph, l-iktar xufier taʼ l-esperjenza, jirrakkonta dik li għalih hi l-iktar ħaġa sinifikanti f’dawn il-vjaġġi—il-wasla fid-destinazzjoni. Rigward vjaġġ wieħed b’mod partikulari, hu jiftakar: “Ftit mili ’l bogħod minn Bangui, aħna għamilna telefonata biex ngħidu lil ħutna li kellna naslu dalwaqt. Huma għaddewna mill-belt, u għenuna bil-proċeduri neċessarji. Mal-wasla tagħna, dawk kollha fl-uffiċċju tal-fergħa ħarġu jilqgħuna b’tgħanniq kordjali. Xi volontieri waslu mill-kongregazzjonijiet li jinsabu fil-qrib, u fi ftit sigħat, mijiet taʼ kaxxi bil-Bibbji, kotba, kotba żgħar, u rivisti nħattew u ġew stivati fil-maħżen.”
Joseph iżid jgħid : “Kultant, it-tagħbija tagħna kienet tinkludi ħwejjeġ, żraben, u oġġetti għat-tfal li jkunu ngħataw bħala donazzjoni lill-pajjiż fil-qrib tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Kemm kien sabiħ li tara t-tbissima fuq fomm l-aħwa li tant kienu grati!”
Wara ġurnata mistrieħ, aħna nħejju t-trakk tagħna u mmorru lura minfejn ġejna. Se niltaqgħu maʼ problemi, iżda l-esperjenza sodisfaċenti li kellna pattiet għal kwalunkwe diffikultà.
Id-distanzi twal, ix-xita bil-qliel, it-toroq imħarbtin, it-tajers imniżżlin, u d-drabi meta l-vettura tagħna tieqaf jistgħu jkunu frustranti. Is-suldati huma ostaklu kontinwu. Madankollu, xejn ma jġib iktar sodisfazzjon milli twassal l-aħbar tajba tas-Saltna lejn partijiet imbegħdin taʼ l-Afrika u tara l-effett li tħalli fuq il-ħajjiet tan-nies li jirċivuha.
Per eżempju, grazzi għal dan it-tqassim, wieħed raħħâl f’parti mbiegħda tar-Repubblika Afrikana Ċentrali ħdejn il-fruntiera tas-Sudan issa jaqra traduzzjoni moderna tal-Bibbja. Il-mara tiegħu tistudja l-kopji reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa, u t-tfal tagħhom jibbenefikaw mill-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir.b Huma, flimkien maʼ ħafna oħrajn f’dawn il-komunitajiet rurali, jirċievu ikel spiritwali, bħalma jagħmlu ħuthom Kristjani rġiel u nisa f’ħafna bliet kbar. Dan tabilħaqq jagħtihom sodisfazzjon kbir!
[Noti taʼ taħt]
a Minn dak iż-żmien ’l hawn, saru ħafna affarijiet biex titjieb is-sigurtà fir-rotta bejn Douala u Bangui.
b Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Mappep/Stampa f’paġna 9]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
KAMERUN
Douala
REPUBBLIKA AFRIKANA ĊENTRALI
Bangui
[Stampa f’paġna 9]
Joseph
[Stampa f’paġna 9]
Emmanuel
[Stampa f’paġna 10]
Il-fergħa tar-Repubblika Afrikana Ċentrali, f’Bangui
[Stampa f’paġna 10]
Inħottu t-trakk f’Bangui